Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tat-II ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tieni Ġimgħa tal-Għid
Il-Ġimgħa

QARI I
L-appostli ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù.
Atti 5, 34-42

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, wieħed Fariżew, jismu Gamaljel, mgħallem fil-Liġi u miġjub mill-poplu kollu, qam fis-Sinedriju u ordna li lill-appostli joħorġuhom ’il barra għal ftit. Imbagħad qal lil sħabu: “Irġiel ta’ Iżrael, iftħu għajnejkom x’sejrin tagħmlu lil dawn in-nies. Ftit żmien ilu qam Tewda u beda jgħid li hu xi ħaġa; u madwar erba’ mitt raġel qablu miegħu. Dan qatluh, u dawk kollha li kienu marru warajh tferrxu u ġew fix-xejn. Warajh ġie Ġuda l-Galilew, fi żmien iċ-ċensiment, u ġibed poplu sħiħ warajh. Lil dan ukoll qatluh, u xterdu dawk kollha li kienu marru warajh. Fuq dan li ġara issa, ngħidilkom: ħallukom minn dawn in-nies u itilquhom. Għax dan il-ħsieb jew ħidma tagħhom, jekk hi ġejja mill-bnedmin, għad tisfa fix-xejn; iżda jekk hi ġejja minn Alla, ma jseħħilkomx teqirduhom. Araw li ma ssibux ruħkom li qegħdin teħduha kontra Alla!”.

Imbagħad qagħdu fuq il-parir tiegħu. Sejħu lill-appostli quddiemhom, u, wara li tawhom is-swat, ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-isem ta’ Ġesù; imbagħad telquhom. Iżda huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù. U kuljum, fit-tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-Messija.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 26 (27), 1.4.13-14

R/. (ara 4ab): Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej: li ngħammar fid-dar tiegħu
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;
minn min għandi nibża’?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;
quddiem min għandi nitwerwer? R/.

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,
ħaġa waħda nfittex:
li ngħammar f’dar il-Mulej
tul il-jiem kollha ta’ ħajti;
biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej
jien u nħares lejn it-tempju tiegħu. R/.

Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej,
żomm sħiħ u qawwi qalbek;
ittama fil-Mulej. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4, 4b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla .
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ġesù ħa l-ħobżiet u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; u kulħadd ħa kemm ried.
Ġw 6, 1-15

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija. Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda. Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.

Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”. Dan qalhulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit”.

Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”. “Qiegħdu n-nies bilqiegħda!”, qal Ġesù. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda.

Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela”. Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.

Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!”. Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading