Omelija f’Ħamis ix-Xirka

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA “IN CENA DOMINI”

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Bażilika ta’ S. Govanni in Laterano,

Ħamis ix-Xirka, 3 ta’ April 1980

Meqjumin u għeżież parteċipanti fil-liturġija ta’ Ħamis ix-Xirka

1.Il-lejla l-Knisja kollha tingħaqad fiċ-ċenaklu: hija terġà lura fiċ-Ċenaklu biex tistqarr u tagħti xhieda li trid tibqà hemm kostantament, mingħajr ma titilqu qatt.

Iċ-ċenaklu jinsab Ġerusalem, imma fl-istess ħin, f’tant postijiet tad-dinja terrena. Bdanakollu, huwa b’mod partikolari f’din il-lejla li fiha l-postijiet kollha jridu jkunu fiċ-Ċenaklu: il-post tal-Aħħar Ċena. U dawk kollha li f’dawn il-postijiet jiltaqgħu, bit-tifkira u bil-qalb jieħdu lilhom infushom f’dak l-uniku Ċenaklu, li kien il-post storiku taċ-ċena tal-Mulej. Fiċ-Ċenaklu tal-Ewkaristija ta’ Kristu.

Ejjew mela nmorru hemm, aħna wkoll, magħqudin f’dan it-tempju, li għal sekli huwa l-katidral tal-Isqof ta’ Ruma. Ejjew inmorru bl-imħabba u bl-umiltà. Inħallu lilna nfusna ninħafnu mill-kobor ta’ dawn il-waqtiet uniċi fl-istorja tas-salvazzjoni tad-dinja. Nissottomettu ħsibijietna u qlubna għall-ġrajja u għall-misteru, li tiegħu l-Knisja tgħix bla qatt taqtà. Nisimghu fil-ġabra l-iktar profonda l-kliem tal-Mulej u tal-Appostli tiegħu. Nosservaw kull moviment tiegħu, kull ġest tiegħu. Naqraw fil-profond ta’ qalbu l-messaġġ paskwali tas-salvazzjoni. Nirċievu, fl-aħħarnett, is-sagrament tal-patt il-ġdid u l-qadim, u ngħixu b’din l-imħabba li għandha hawn is-sors ineżawribbli tagħha għall-ħajja ta’ dejjem.

2. Hawn hu, Ġesù jitbaxxa f’riġlejn l-Appostli biex jaħsilhomlhom. F’dan il-ġest irid jesprimi l-bżonn tal-purezza speċjali, li għandha ssaltan fil-qlub ta’ dawk li jersqu għall-aħħar ċena. Din hija l-purezza li huwa biss jistà jġib fi qlubhom. U għalhekk kienu kollha ta’ xejn il-protesti ta’ Xmun Pietru, sabiex il-Mulej ma jaħsillux riġlejh; vojt il-kliem tal-ispjega tiegħu. Il-Mulej, u l-Mulej biss, jistà jwettaq fik, Pietru, dik il-purezza li biha qalbek trid tiddi fil-festin tiegħu. Il-Mulej u l-Mulej biss, jistà jaħsel ir-riġlejn u jippurifika l-kuxjenzi umani, għaliex għal dan hija meħtieġa l-qawwa tar-redenzjoni, jiġifieri l-qawwa tas-sagrifiċċju li tibdel il-bniedem minn ġewwa. Għal dan huwa meħtieġ is-siġill tal-Ħaruf ta’ Alla, minqux f’qalb il-bniedem bħal bewsa misterjuża tal-imħabba.

Allura kollu ta’ xejn li topponi. Pietru, u għalxejn tippreżenta lill-Imgħallem ir-raġunijiet tiegħek. Il-Mulej iwieġeb lil qalbek sfiċċuża: “Dak li qiegħed nagħmel jien, int issa ma tifhmux, imma tifhmu iktar ‘il quddiem” (Ġw 13,7).

U meta tkompli tipprotesta iktar, Pietru, il-Mulej jgħidlek: “Jekk ma naħslikx, mhux se jkollok parti miegħi” (Ġw 13,8).

Il-purifikazzjoni hija kondizzjoni tal-komunjoni mal-Mulej.

U l-kondizzjoni ta’ din il-komunjoni hija dik l-umiltà u d-disponinbiltà li sservi lill-oħrajn. Li tagħha jagħtina l-eżempju l-Mulej innifsu, meta jbaxxi f’riġlejn id-dixxipli tiegħu biex jaħsilhom bħal qaddej.

Huwa mela meħtieġ li l-Knisja – kulfejn tiltaqà, fi kwalunkwè ċenaklu tad-dinja – tiftakar u b’mod kostanti tfakkar li l-kondizzjonijiet għall-komunjoni mal-Mulej huma dawn: il-purezza nterna u l-umiltà tal-qalb, disponibbli li nservu l-proxxmu u, fil-proxxmu, nservu lil Alla. Ħadd ma jersaq għal din iċ-ċena b’qalb falza, bil-kuxjenza pekkaminuża, waqt li jaħseb fih innifsu b’suppervja, mingħajr disponibiltà li jservi.

“Nagħtikom kmandament: li tħobbu lil xulxin, bħal ma ħabbejtkom jien” (Ġw 13,34).

3. Il- kalċi tal-patt huwa d-demm tar-Redentur.

Hawn hu, qiegħed joqrob il-waqt li fih il-Mulej se jieħu dan il-kalċi f’idejh.

Qabel dan, “waqt li qabad il-ħobż, iżża ħsajr, qasmu u tahulhom waqt li qal: dan huwa ġismi, li ingħata għalikom” (Lq 22,19; cf. par.). U issa jaqbad il-kalċi biex jistabilixxi, permezz tiegħu, il-patt mal-Missier f’demmu. Hawn hu “id-demm tal-patt, imxerred għall-kotra” (Mk 14,24; cf. par.).

Darba waħda, kien diġa ġie rivelat minn Alla lill-poplu tal-patt il-qadim l-Għid fid-demm tal-ħaruf.

Dan seħħ meta l-Mulej iddeċieda li joħroġ lil dan il-poplu mill-kondizzjonijiet tal-iskjavitù tal-Eġittu. Propju dak iż-żmien Alla ordna li jinqatel ħaruf magħżul minn fost in-nagħaġ jew minn fost il-mogħoż, imwieled dik is-sena, u biex jimmarkaw b’demmu l-koxox u l-arkati tad-djar, li fihom kienu jgħixu.

Amar ukoll li jingħaqdu l-familji u li jieklu l-laħam mixwi fuq in-nar, b’ġembejhom imħażżma, bil-qrieq f’riġlejhom, bil-bsaten f’idejhom, għaliex dik kienet il-lejla tal-Għid, jiġifieri tal-mogħdija tal-Mulej u l-bidu tal-ħelsien tal-poplu tiegħu mill-iskjavitù tal-Eġittu (cf. Es 12).

Fiċ-ċenaklu l-ġenerazzjoni ta’ Iżrael ta’ dak iż-żmien – dik li fiha kienet twettqet, b’mod definittiv, l-aħbar tal-messija – twettaq ir-rit tal-Għid tal-patt il-qadim. U dan ir-rit tmexxa, fil-familja tal-appostli tiegħu, minn Ġesù stess, il-Ħaruf  li Ġwanni kien diġa indika fuq xtut il-Ġordan, il-Ħaruf ta’ Alla, l-Għid tal-Patt il-Ġdid.

4. Hawn hu, jieħu f’idejh il-ħobż ażżmu paskwali. Hawn hu, jgħolli l-kalċi mimli mbid u mbagħad jgħaddih u jqassmu lill-appostli. Hawn hu, ilissen il-kliem li jirrivela l-misteru tal-Ħaruf, indikat hemm qrib il-Ġordan, tal-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

Ġismu jkun offrut għalina.

Demmu jkun imxerred għall-maħfra tad-dnubiet.

L-Appostli jisimgħu dan il-kliem, li f’dak il-waqt ma jifhmux għal kollox, imma li se jifhmuh iktar tard. Forsi diġa għada, meta l-Mulej ikun ifflaġellat sa demmu u msammar mas-salib; jew forsi wkoll iktar tard, meta hu jkun qam mill-imwiet, u mill-ġdid jiġi fosthom, fl-istess ċenaklu ta’ Ħamis ix-Xirka. Jifhmu dak il-kliem b’mod partikolari, meta, dejjem ġewwa ċ-ċenaklu, jinżel fuqhom l-Ispirtu Santu, jiġifieri l-Ispirtu tal-Mulej, li hu stess wiegħed flimkien mas-sagrifiċċju ta’ ġismu u ta’ demmu. U dejjem fl-aħħar ċena: flimkien mal-Ewkaristija taċ-ċenaklu.

L-Appostli jisimgħu dan il-kliem u jieħdu sehem fil-ġrajja; u wkoll jekk fehmuh iktar tard, bdanakollu diġa f’dak il-waqt, fiċ-ċenaklu ta’ Ħamis ix-Xirka twettaq dak li huma kellhom jifhmu u li minn dak il-waqt kellhom jagħmlu b’tifkira tiegħu.

U dan kollu aħna rċivejna minn għandhom u minn għand is-suċċessuri tagħhom.

Għal dan qlubna huma mfawra bir-rogħda mqaddsa tal-venerazzjoni u tal-imħabba, issa li mill-ġdid wasal għalina Ħamis ix-Xirka: hawn aħna, infatti, miġburin hawn biex nieħdu sehem fil-liturġija tal-Aħħar Ċena

“X’se nrodd lill-Mulej għal dak kollu li tani?” (Sal 115 [116],3).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading