VELJA PASKWALI FIL- BAŻILIKA VATIKANA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Sibt il-Għid, 5 ta’ April 1980
1. Kristu, Bin Alla l-ħaj!
Aħna hawn, il-Knisja tiegħek: il-ġisem ta’ ġismek u ta’ demmek; qegħdin hawn, nishru.
Diġa kien lejl qaddis il-lejl ta’ Betlem. Meta ġejna msejħa mil-leħen mill-għoli, u ġejna ntrodotti mir-rgħajja fil-għar tan-natività. Sharna dakinhar f’nofsillejl, magħqudin f’din il-Bażilika, waqt li lqajna bil-ferħ il-bxara t-tajba li int ġejt fid-dinja mill-ġuf tal-Verġni-Omm; li sirt bniedem bħalna, int, li int “Alla minn Alla, dawl minn dawl”, mhux maħluq bħal kull wieħed u waħda minna, imma “mill-istess sustanza tal-Missier”, iġġenerat minnu qabel is-sekli kollha.
Illum ninsabu hawn mill-ġdid, il-Knisja tiegħek; ninsabu qrib qabrek; nishru.
Nishru, biex inkunu qabel dawk in-nisa li “filgħodu kmieni” marru ħdejn il-qabar, iġorru magħhom “il-fwejjaħ li ħejjew”” (cf. Lq 24,1), biex jidilku ġismek midfun fil-qabar il-bieraħt lura.
Nishru biex inkunu qrib qabrek, qabel ma jiġi hawn Pietru, imqanqal mill-kliem tat-tliet nisa qabel ma jiġi Pietru li waqt li jitbaxxa, jara biss il-faxex (Lq 24,12); u jerġà lura ħdejn lappostli “immeraviljat minħabba dak li kien seħħ” (Lq 24,12).
U kien seħħ dak li kienu semgħu n-nisa: Marija ta’ Magdala, Ġovanna u Marija ta’ Ġakbu, meta kienu waslu ħdejn il-qabar u kienu sabu l-blata mgerrba ‘il hemm mill-qabar, imma meta daħlu ma sabux il-ġisem tal-Mulej Ġesù” (Lq 24,3). F’dak il-waqt għall-ewwel darba, f’dak il-qabar vojt, fejn kienu poġġew lil ġismek il-bieraħt lur dwiet il-kelma: “Qam mill-imwiet!” (Lq 24,6).
“Għalfejn tfittxu fost il-mejtin dak li hu ħaj? Mhuwiex hawn, qam mill-imwiet. Ftakru kif kien kellimkom meta kien għadu fil-Galilea, waqt li kien qalilkom li kien hemm bżonn li Bin il-bniedem kellu jingħata f’idejn il-midimbin, li kellu jkun imsallab u fit-tielet jum jirxoxta” (Lq 24,5-7).
Għal dan qegħdin hawn issa. Għal dan qegħdin nishru. Irridu nilħqu qabel in-nisa u l-appostli. Irridu nkunu hawn, meta s-sagra liturġija ta’ dan il-lejl tirrendi preżenti r-rebħa tiegħek fuq il-mewt. Irridu nkunu miegħek, aħna, il-Knisja tiegħek, il-ġisem ta’ ġismek u ta’ demmek imxerred fuq is-salib.
2. Aħna ġismek, aħna l-poplu tiegħek. Aħna ħafna. Ninġabru f’bosta postijiet tal-art f’dan il-lejl tal-velja qaddisa, qrib il-qabar, hekk kif inġbarna fil-lejl tan-natività tiegħek f’Betlem. Aħna ħafna, u lkoll tgħaqqadna l-fidi, mwielda mill-Għid tiegħek, mill-passaġġ tiegħek mill-mewt għall-ħajja l-ġdida, il-fidi mwielda mill-qawmien mill-imwiet tiegħek.
“Dan il-lejl huwa għalina qaddis”.
Aħna ħafna, u lkoll tgħaqqadna magħmudija waħda.
I-magħmudija li tgħaddasna f’Ġesù Kristu (cf. Rm 6,3).
Permezz ta’ din il-magħmudija “li tgħaddasna f’mewtek” konna, flimkien miegħek, Kristu, midfunin “fil-mewt, sabiex bħal ma Kristu kien irxuxtat mill-imwiet permezz tal-glorja tal-Missier, hekk ukoll aħna nkunu nistgħu nimxu f’ħajja ġdida” (Rm 6,4).
Iva. Il-Qawmien mill-Imwiet tiegħek, Kristu, huwa l-glorja tal-Missier.
Il-Qawmien mill-imwiet tiegħek jirrivela l-glorja tal-Missier, li lilu, f’waqt il-mewt, afdajt, sal-aħħar, lilek innifsek, waqt li rħejtlu f’idejh l-ispirtu tiegħek b’dan il-kliem: “Missier, f’idejk” (Lq 23,46). U flimkien miegħek, afdajt ukoll lilna lkoll, waqt li mitt fuq is-salib bħala Bin il-bniedem: ħuna u redentur tagħna. Fil-mewt tiegħek irrendejt lill-Missier mewtna umana, irrendejt l-esseri ta’ kull bniedem, li huwa mmarkat mill-mewt.
Hawn hu, il-Missier jirrendi lilek, Bin il-bniedem, din il-ħajja li huwa kien afdalek sal-aħħar. Iqum mill-imwiet grazzi għall-glorja tal-Missier. Fil-qawmien mill-imwiet huwa gglorifikat il-Missier, u int tiġi gglorifikat fil-Missier, li lilu afdajt sal-aħħar ħajtek fil-mewt: int igglorifikat bil-ħajja. Bil-ħajja l-ġdida. Bil-ħajja identika u, fl-istess ħin, ġdida.
Inti l-Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj, li l-Missier igglorifika bil-qawmien mill-imwiet, f’nofs l-istorja tal-bniedem. Bil-mewt tirgħek offrejt lill-Missier l-esseri ta’ kull wieħed u waħda minna, il-ħajja ta’ kull bniedem, li hija mmarkata mill-bżonn tal-mewt, sabiex, fil-qawmien mill-imwiet tiegħek kiull wieħed u waħda minna nistgħu nerġgħu niksbu lura l-għarfien u ċ-ċertezza tad-daħla, permezz u flimkien miegħek, fil-ħajja l-ġdida.
“Infatti jekk konna għal kollox magħqudin miegħu b’mewt li tixbaħ lil tiegħu, se nkunu hekk ukoll bil-qawmien mill-imwiet tiegħu” (Rm 6,5).
3. Aħna ħafna li qegħdin nishru, f’dan il-lejl, qrib il-qabar tiegħek. Għaqqadna lkoll “fidi waħda, magħmudija waħda, Alla wieħed, Missier ta’ kulħadd” (cf. Ef 4,5-6).
Tgħaqqadna t-tama tal-qawmien mill-imwiet, li tirriżulta mill-unjoni tal-ħajja, li fiha rridu nibqgħu ma’ Ġesù Kristu.
Nifirħu b’dan il-lejl imqaddes flimkien, ma dawk li hawn irċivew il-Magħmudija. Dan huwa l-istess ferħ li għexu d-dixxipli u l-konfessuri ta’ Kristu fil-lejl tal-qawmien mill-imwiet fil-korsa ta’ tant ġenerazzjonijiet. Il-ferħ tal-katekumeni li fuqhom ġie msawwab l-ilma tal-magħmudija, din hija l-grazzja tal-għaqda ma’ Kristu fil-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu.
Dan huwa l-ferħ tal-ħajja li, fil-lejl tal-qawmien mill-imwiet, aħna naqsmu b’mod reċiproku bejnietna bħala l-misteru l-iktar profond ta’ qlubna u nawgurawh lil kull bniedem.
“Il-leminija tal-Mulej għoliet ‘il fuq, /il-leminija tal-Mulej għamlet għeġubijiet. / Ma nmutx, se nibqà ħaj / u se nxandar l-opri tal-Mulej” (Sal 117 [118],16-17).
Kristu, Bin Alla ħaj, aċċetta mingħandna din il-velja qaddisa fil-lejl paskwali u agħtina dak il-ferħ tal-ħajja l-ġdida, li nġorru ġo fina, li inti biss tistà tagħti lill-qalb umana:
Inti, irxuxtat,
Int, L-Għid tagħna!
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb