Omelija ta’ Ħadd il-Palm


ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM  U TAL-PASSJONI TAL-MULEJ

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Pjazza San Pietru, 30 ta’ Marzu 1980

1. Kristu, flimkien mad-dixxipli, joqrob lejn Ġerusalem. Dan jagħmlu bħall-pellegrini l-oħra, ulied irġiel u nisa ta’ Iżrael, li f’din il-ġimgħa, li tiġi qabel l-għid, imorru Ġerusalem. Ġesù huwa wieħed mill-ħafna.

Din il-ġrajja fl-iżvolġiment estern tagħha, tistà titqies normali. Ġesù joqrob lejn Ġerusalem mill-muntanja msejħa taż-Żebbuġ, u allura kien ġej mil-lokalità ta’ Betfaġe u ta’ Betanja. Hemm jagħti ordni lil żewġ dixxipli biex iġibulu felu ta’ ħmar. Joffrilhom l-indikazzjonijiet preċiżi: fejn isibu l-annimal u kif għandhom  jsegwu b’mod skrupluż l-indikazzjonijiet. Lil dawk li staqsewhom għaliex kienu qegħdin iħollu l-ħmar, weġbuhom: “Il-Mulej għandu bżonnu” (Lq 19,31), u din it-tweġiba kienet biżżejjed. Il-ħmar kien żgħir; s’issa ħadd ma kien għadu rikeb fuqu. Ġesù kien se jkun l-ewwel wieħed. Hekk, mela, bilqiegħda fuq il-ħmar, Ġesù jwettaq il-bqija tat-triq lejn Ġerusalem. Madankollu, minn ċertu ħin, dan il-vjaġġ, li fih ma kien hemm xejn ta’ barra minn hawn, jinbidel f’“daħla sollenni vera f’Ġerusalem”.

Illum qegħdin niċċelebraw il-liturġija ta’ Ħadd il-Palm, li tfakkarna u tirrendi preżenti din id-“daħla”. F’rit liturġiku speċjali nirrepetu u nirriproduċu dak kollu li għamlu u qalu d-dixxipli ta’ Ġesù – dawk qrib bħal dawk l-iktar imbegħda fiż-żmien – fuq dik it-triq, li kienet twassal minn ‘il hemm mill-muntanja taż-Żebbuġ għal Ġerusalem. Hekk, bħalhom, inżommu f’idejna xi friegħi taż-żebbuġ u nippronunzjaw – jew aħjar inkantaw – il-kliem ta’ qima, li huma ppronunzjaw. Dan il-kliem, skont il-verżjoni tal-Vanġelu ta’ Luqa, jinstemgħu hekk: “Imbierek min ġej, is-sultan, f’isem il-Mulej, Paċi fl-art u glorja fl-ogħla tas-smewwiet” (Lq 19,38).

F’dawn iċ-ċirkostanzi, is-sempliċi fatt ta’ Ġesù, li flimkien mad-dixxipli jitlà lejn Ġerusalem għas-sollennità viċina tal-Għid, assumiet b’mod ċar sinifikat messjaniku. Il-partikolari li jiffurmaw il-kwadru tal-ġrajja juru li fiha jitwettqu l-profeziji. Juru wkoll li, ftit jiem qabel l-Għid, f’dak il-waqt tal-missjoni tiegħu pubblika, Ġesù irnexxielu jikkonvinċi ħafna bnedmin sempliċi f’Iżrael. Minbarra dawk l-iktar qrib, it-tnax, kienet diġa ssegwih folla: “Il-folla kollha tad-dixxipli”, bħal ma jgħid l-evanġelista Luqa  (Lq 19,37) li kienet ġġiegħel jinftiehem bla tlaqliq li fih hija kienet tara l-messija.

2. Ħadd il-Palm jiftaħ il-Ġimgħa Mqaddsa tal-passjoni tal-Mulej, li fiha diġa ġġorr id-dimensjoni l-iktar profonda. Minħabba dan il-mottiv, naqraw id-deskrizzjoni kollha tal-Passjoni tal-Mulej skont Luqa.

Ġesù, waqt li f’dak il-waqt telà lejn Ġerusalem, żvela lilu nnifsu għal kollox quddiem dawk li ħejjew l-attentat fuq ħajtu. Kien żvela lilu nnifsu, madankollu, diġa minn żmien qabel, waqt li bil-mirakli kkonferma dak kollu li kien ixandar u jgħallem, bħala duttrina ta’ Missieru, dak kollu li kien jgħallem. Il-qari liturġiku tal-aħħar ġimgħa dan jurih b’mod ċar: “id-daħla sollenni f’Ġerusalem” tikkostitwixxi pass ġdid u deċiżiv fit-triq lejn il-mewt, li ħejjew ir-rappreżentanti tal-anzjani ta’ Iżrael.

Il-kliem ippronunzjat mill-“folla kollha” tal-pellegrini, li kienu telgħin Ġerusalem flimkien ma’ Ġesù, ma setgħux ma jqawwux l-inkwiet tas-Sinedriju u ma jaffettwax id-deċiżjoni finali.

L-Imgħallem kien konxju għal kollox ta’ dan. Dak kollu li jagħmel, jagħmlu b’dan l-għarfien sħiħ, billi jsegwi l-kliem tal-iskrittura, li ippreveda l-waqtiet singli tal-Għid tiegħu. Id-daħla f’ Ġerusalem kienet it-twettiq tal-Iskrittura.

Ġesù ta’ Nażżaret, mela jirrivela lilu nnifsu, a bażi tal-kelma tal-profeti, li huwa fehem fil-milja kollha tagħha. Din il-milja baqgħet imċajpra kemm għall-“folla tad-dixxipli” li tul it-triq lejn Ġerusalem kantaw “Osanna”, waqt li faħħru lil “Alla b’leħen qawwi għall-għeġubijiet kollha li kienu raw” (Lq19,37), kif ukoll għal dawk it-“Tnax” l-eqreb tiegħu. Lil dawn tal-aħħar, l-imħabba għal Kristu ma kinitx ippermettitilhom li jammettu tmiem hekk doloruż; niftakru kif darba Pietru qal: “Dak ma jiġrilek qatt” (Mt 16,22).

Għal Ġesù, iżda l-kliem tal-profeti kien ċar sal-aħħar u kien jirrivelalu bil-milja kollha tal-verità tiegħu; u huwa stess jinfetaħ quddiem din il-verità bil-profondità kollha tal-ispirtu tiegħu. Jaċċettah b’mod totali. Ma jnaqqas xejn. Fil-kliem tal-profeti jsib is-sinifikat ġust tal-vokazzjoni tiegħu tal-messija: tal-propja vokazzjoni tiegħu. Isib fih ir-rieda tal-Missier.

“Il-Mulej Alla fetaħli widinti / u jien m’għamiltx reżistenza / ma nġbitx lura” (Iż 50,5).

B’dan il-mod il-liturġija ta’ Ħadd il-Palm diġa tiġbor fiha id-dimensjoni sħiħa tal-passjoni: id-dimensjoni tal-Għid.

“Offrejt dahri lil dawk li kienu jsawtuni, / geddumi lil dawk li kienu jnittfuli leħjieti, / ma ġbidtx wiċċi mill-insulti u l-bżieq” (50,6). “Iwaqqgħuni għaċ-ċajt dawk li jarawni, / ikemmxu xuftejhom, ixenglu rashom… / taqbuli jdejja u riġlejja, / nistà ngħodd għadmi kollha. / Jaqsmu ħwejġi bejniethom, / fuq il-mantar tiegħi jixħtu x-xorti” (Sal 21 [22],8.17-19).

3. Hawn hi l-liturġija ta’ Ħadd il-Palm: f’nofs l-għajjat tal-folla, l-entużjażmu tad-dixxipli li, bil-kliem tal-profeti, jipproklamaw u jistqarru fih il-messija, hu biss, Kristu, jaf sal-qiegħ il-verità tal-missjoni tiegħu; hu biss, Kristu, jaqra sal-qiegħ dak li kitbu dwaru l-profeti.

U dak kollu li huma qalu u kitbu jitwettaq fih bil-verità nterna ta’ ruħu. Huwa, bir-rieda u l-qalb, huwa diġa f’dak kollu li, skont id-dimensjonijiet esterni taż-żmien, jinsab mill-ġdid quddiemu. Diġa f’dan il-korteo trijonfali, fid-“daħla f’Ġerusalem”, huwa hu “ubbidjenti sal-mewt u sal-mewt fuq is-salib” (Fil 2,8).

Bejn ir-rieda tal-Missier, li bagħtu, u r-rieda tal-Iben tibqà għaqda sħiħa profonda ta’ mħabba: bewsa nterna ta’ paċi u ta’ redenzjoni. F’din il-bewsa, f’dan l-abbandun bla limiti, Ġesù Kristu, li huwa ta’ natura divina, jneżżà lilu nnifsu u jassumi l-kondizzjoni ta’ qaddej, waqt li jumilja ruħu (cf. Fil 2,6-8). U jibqà f’din it-tbaxxija, f’dan it-tneżżih tal-isplendur tiegħu estern, tad-divinità tiegħu u tal-umanità tiegħu, mimli bil-grazzja u bil-verità. Hu, Bin il-bniedem, imur b’dan l-annjentament u tneżżih, lejn il-ġrajjiet li se jitwettqulu, meta t-tbaxxija, it-tneżżih, l-annjentament se jilbsu forom preċiżi esterni: jobżqulu, ikun ifflaġellati, insultat, mistkerrah, irrifjutat mill-poplu propju, ikkundannat għall-mewt u msallab – sakemm jippronunzja l-aħħar “kollox mitmum”, u waqt li jgħaddi l-ispirtu tiegħu f’idejn il-Missier.

Tali hija dik id-daħla “interna” ta’ Ġesù f’Gerusalem, li jwettaq f’ruħu fuq ;-għatba tal-Ġimgħa Mqaddsa.

4. Waqt minnhom, jersqu lejh il-fariżej li ma jifilħux jissaportu iktar l-għajjat tal-folla ad unur ta’ Kristu, li jwettaq id-daħla tiegħu f’Ġerusalem – jgħidu: “Mgħallem, ċanfar lid-dixxipli tiegħek”.

Ġesù jwieġeb: “Ngħidilkom li, jekk dawn jisktu, jibda jgħajjat il-ġebel” (Lq 19,39-40).

Illum nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa tal-passjoni tal-Mulej f’Ruma. F’din il-belt ma jonqosx il-ġebel li jitkellem dwar kif wasal hawn is-salib ta’ Kristu u dwar kif dan tefà għeruqu f’din il-kapitali tad-dinja antika.

Jalla l-ġebel ma jħammrux wiċċ il-bnedmin.

Jalla qlubna u l-kuxjenzi tagħna jgħajtu b’mod iktar qawwi minnu!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb