Qari tal-Quddies tal-Ħamis tad-XIX-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Id-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis

QARI I
L-arka tal-patt tal-Mulej sejra tgħaddi quddiemkom fil-Ġordan.
Ġożwè 3, 7-10a.11.13-17

Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Ġożwè: “Illum nibda nkabbrek f’għajnejn Iżrael kollu biex ikunu jafu li kif jien kont ma’ Mosè, hekk inkun miegħek. Issa ordna lill-qassisin li jġorru l-arka tal-patt u għidilhom: “Kif taslu sa xfar l-ilma tal-Ġordan, ieqfu fil-Ġordan”.

U Ġożwè qal lil ulied Iżrael: “Ersqu ’l hawn u isimgħu l-kliem tal-Mulej, Alla tagħkom”. U żied jgħidilhom Ġożwè: “B’dan tagħrfu li Alla l-ħaj qiegħed f’nofskom, u sejjer ikeċċi minn quddiemkom il-Kangħanin, il-Ħittin, il-Ħiwwin, il-Periżżin, il-Ġirgasin, l-Amurrin u l-Ġebusin. Araw, l-arka tal-patt tal-Mulej, Sid l-art kollha, sejra tgħaddi quddiemkom fil-Ġordan. Malli l-qassisin li jkunu jerfgħu l-arka tal-Mulej, Sid l-art kollha, iniżżlu riġlejhom fl-ilma tal-Ġordan, l-ilma tiegħu jofrogħ, waqt li l-ilma jkun nieżel”.

Xħin in-nies telqu mill-għerejjex tagħhom biex jaqsmu l-Ġordan, il-qassisin, li kienu jġorru l-arka tal-patt, marru quddiemhom. U meta r-reffiegħa tal-arka waslu sal-Ġordan u riġlejn il-qassisin li kienu jġorru l-arka messew ma’ xifer l-ilma – fi żmien il-ħsad kollu l-Ġordan ikun mimli sa fuq ix-xtut tiegħu – l-ilma nieżel min-naħa ta’ fuq waqaf, u qam gozz wieħed, ’il bogħod ħafna ħdejn Adam, il-belt li qiegħda ħdejn Saretan. L-ilma nieżel lejn il-Baħar tal-Għaraba, il-Baħar il-Mielaħ, ġie fix-xejn għalkollox; u l-poplu qasam biswit Ġeriko.

Il-qassisin, li kienu jġorru l-arka tal-patt tal-Mulej, waqfu fin-niexef f’nofs il-Ġordan, u l-Iżraelin kollha baqgħu jaqsmu fin-niexef sa ma l-poplu kollu għadda l-Ġordan.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 113A (114) , 1-2.3-4.5-6

R/. Hallelujah. Hallelujah

Meta ħareġ Iżrael mill-Eġittu,
Ġakobb minn poplu ta’ lsien barrani,
Ġuda sar is-santwarju tiegħu,
Iżrael is-saltna tiegħu. R/.

Il-baħar rah u ħarab,
il-Ġordan raġa’ lura.
Qabżu bħal kbiex il-muntanji,
u bħal ħrief il-għoljiet. R/.

Xi ġralek, baħar, biex taħrab?
Xi ġralek, Ġordan, biex terġa’ lura?
Xi ġralkom, muntanji, biex taqbżu bħal kbiex,
u intom, għoljiet, biex taqbżu bħal ħrief? R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 118 (119), 135

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek,
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet imma sa sebgħa u sebgħin darba.
Mt 18, 21 – 19, 1

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. U Ġesù wieġbu: “Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba.

Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn iroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kulma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn. Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija; kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.

Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. “Ħallas dejnek”, qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu: “Stabar ftit bija u rroddlok”. Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kulma kellu jagħtih.

Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kulma kien ġara. Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”. U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kulma kellu jagħti. Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom”.

Kif temm dan id-diskors, Ġesù telaq mill-Galilija u mar il-Lhudija, fl-inħawi ’l hemm mill-Ġordan.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu