Qari tal-Quddies tal-Ħamis tal-XXIV ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis

QARI I
Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek; għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.
1 Tim 4, 12-16

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, qis li ħadd ma jmaqdrek għax inti żagħżugħ; kun ta’ eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl-imġiba tiegħek, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa. Sa ma niġi, ħu ħsieb il-qari tal-Kotba Mqaddsa, it-twissijiet u t-tagħlim. Tinsiex il-grazzja li għandek fik, li kienet mogħtija lilek bis-saħħa tal-kliem tal-profezija u bit-tqegħid tal-idejn tal-presbiteri fuqek.

Dawn il-ħwejjeġ ħu ħsiebhom, agħti ruħek għalihom, biex kulħadd jara li int miexi ’l quddiem. Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f’dawn il-ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 110 (111), 7-8.9.10

R/. (2a): Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej

Is-sewwa u l-ħaqq għemil idejh;
ta’ min joqgħod fuqhom il-preċetti tiegħu,
imwettqa għal dejjem ta’ dejjem,
magħmula bis-sewwa u bid-dritt. R/.

Bagħat jifdi lill-poplu tiegħu,
waqqaf għal dejjem il-patt tiegħu.
Qaddis u tal-biża’ hu ismu! R/.
Il-bidu tal-għerf hu l-biża’ tal-Mulej:
tassew bil-għaqal kull min jimxi bih,
għal dejjem jibqa’ t-tifħir tiegħu! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 11, 28

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,
u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Dnubietha, li kienu ħafna, inħafrulha, għax ħabbet ħafna.
Lq 7, 36-50

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, wieħed mill-Fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu; Ġesù daħal għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel. Issa fil-belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed għall-ikel fid-dar tal-Fariżew; ġiebet vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ; u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xuxitha; imbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ.

Kif ra hekk il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: “Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x’mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba!”. Imma Ġesù qabad u qallu: “Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek”. “Għid, mgħallem”, qallu dak. “Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma’ wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin. Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?”. Wieġeb Xmun u qal: “Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed”. “Ħsibtha tajjeb”, qallu Ġesù.

Imbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: “Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b’xuxitha. Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja. Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b’żejt ifuħ. Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, inħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb”. Imbagħad qal lilha: “Dnubietek maħfura”.

Dawk li kienu fuq il-mejda miegħu bdew jgħidu fihom infushom: “Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?”. Iżda hu qal lill-mara: “Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu