Qari tal-Quddies tat-Tnejn tal-XXIV ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

L-Erbgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Nitolbok li jsiru suppliki lil Alla għall-bnedmin kollha, li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw.
1 Tim 2, 1-8

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, nitolbok l-ewwel nett li jsiru suppliki, orazzjonijiet, talb u radd il-ħajr għall-bnedmin kollha; għas-slaten, għal dawk kollha li għandhom xi awtorità, biex inkunu nistgħu ngħaddu ħajja fil-kwiet u fis-sliem, fit-tieba u kif jixraq. Dan hu tajjeb u jogħġob lil Alla s-Salvatur tagħna, li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità. Għax wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd; u x-xhieda ta’ dan ngħatat f’waqtha. Hu għal dan li jien kont magħmul xandâr u appostlu – qiegħed ngħid is-sewwa, m’iniex nigdeb – biex ngħallem lill-ġnus il-fidi u l-verità.

Nixtieq li l-irġiel jitolbu kullimkien, jerfgħu ’l fuq idejn safja bla għadab u bla ġlied.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 27 (28), 2.7.8-9

R/. (6): Imbierek il-Mulej, għax sama’ leħen it-tnehid tiegħi

Isma’ leħen it-tnehid tiegħi
meta nsejjaħ l-għajnuna tiegħek,
kull meta nerfa’ jdejja
lejn is-santwarju mqaddes tiegħek. R/.

Il-Mulej hu l-qawwa tiegħi u t-tarka tiegħi,
fih ittamat qalbi;
ksibt l-għajnuna u ferħet qalbi;
irroddlu ħajr bil-għana tiegħi. R/.

Il-Mulej hu s-saħħa tal-poplu tiegħu,
kenn tas-salvazzjoni għas-sultan, il-midluk tiegħu.
Salva l-poplu tiegħek, bierek ’il wirtek,
kun ir-ragħaj tagħhom, erfagħhom għal dejjem! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 3, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Anqas f’Iżrael ma sibt fidi bħal din.
Lq 7, 1-10

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù, 1meta spiċċa jgħid lin-nies kulma kellu jgħidilhom, daħal Kafarnahum. U jkun hemm ċenturjun li kellu qaddej għażiż ħafna għalih, li kien marid u wasal fl-aħħar. Iċ-ċenturjun sama’ b’Ġesù u bagħatlu xi wħud mix-xjuħ tal-Lhud biex jitolbuh jiġi jfejjaqlu l-qaddej. Dawk marru quddiem Ġesù u bdew jitolbuh b’ħerqa kbira u jgħidulu: “Jixraqlu li tagħmillu dan, għax hu jgħożż il-ġens tagħna, u kien hu li bnielna s-sinagoga”.

Ġesù mar magħhom, u ma kienx ’il bogħod wisq mid-dar meta ċ-ċenturjun bagħat jgħidlu ma’ xi ħbieb: “Sinjur, toqgħodx tinqala’, għax jien ma jistħoqqlix li int tidħol taħt is-saqaf tiegħi; għalhekk ħassejt li anqas kien jistħoqqli niġi nsibek jiena stess. Imma int ordna b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq. Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jiena stess għandi suldati taħt il-kmand tiegħi; lil wieħed ngħidlu: “Mur!”, u jmur; lil ieħor ngħidlu: “Ejja!”, u jiġi; u lill-qaddej ngħidlu: “Agħmel dan!”, u jagħmlu”.

Ġesù baqa’ mistagħġeb bih meta sama’ dan; dar lejn in-nies li kienu miexja warajh u qalilhom: “Ngħidilkom li anqas f’Iżrael ma sibt fidi bħal din!”. Meta mbagħad dawk li kienu mibgħuta reġgħu lura d-dar, sabu l-qaddej qawwi u sħiħ.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading