L-Ikona ta’ Sidtna Marija Omm is-Sokkors Perpetwu fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

Print Friendly, PDF & Email

Il-ħsieb kien ilu jtektek. L-għaliex is-sejħa kienet ilha għaddejja mill-Mulej. Jiġifieri li nġibu fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo kopja magħmula bl-idejn tal-ikona magħrufa ta’ Sidtna Marija Omm is-Sokkors Perpetwu.

Bħalma ħafna jafu diġà, din l-ikona għandha tabilħaqq storja twila ħafna li, skont xi studjużi taf tmur lura sas-seklu tlettax. L-ikona oriġinali nġiebet Ruma minn Kreta filwaqt li din il-gzira kienet taħt invażjoni mit-Torok. Sal-1812 l-ikona kienet fil-Knisja ta’ San Mattew f’Ruma …

L-ikona hi tabilħaqq imżewqa b’għana simboliku mill-aktar għoli! Fil-fatt, meta nħarsu bir-reqqa kollha lejn ix-xbieha nintebħu li l-mant tal-Madonna hu blu, jiġifieri lewn li kienu jilbsuh l-ommijiet fil-Palestina. Il-maktur lewn aħdar ta’ madwar rasha jfakkarna li dan kienu jilbsuh ix-xbejbiet ta’ żmien Ġesù. Hekk, il-Madonna hi Ommu u Verġni. Il-libsa ħamra li għandha turina li Marija hi s-Sultana tal-Martri.

Fuq il-mant tagħha, fuq rasha, Sidtna Marija għandha salib u kewkba. Is-salib ifakkarna fit-tbatijiet u fl-imrar li ġarrbet qalbha meta kienet taħt is-salib ta’ Binha filwaqt li l-kewkba turina li Marija hi l-Kewkba tiddi li twassal lil min minna jersaq lejha għand Ġesù, il-Port tas-Salvazzjoni tagħna.

Fil-wiċċ ovali ta’ Marija ninnutaw lil għajnejha kbar. Dawn donnhom qed jgħidulna li ruħha mgħarrqa fil-Mulej. Iċ-ċkejken ħalqha jgħallimna li fis-skiet u l-ġabra li l-vera qdusija tinstab. Għalhekk inħobb ngħidilha: Madonna tas-Sokkors tħallinix ninħela f’ħafna diskors! Issa, dawn għajnejha, sbieħ u miksura, qed iħarsu lejna filwaqt li qed jistednuna biex naħarbu mid-dnub ħalli ma ninfdux Qalb il-ħanin Binha Ġesù bi ħtijietna.

Iż-żewġ kuruni waħda fuq ras il-Bambin u l-oħra fuq  il-Madonna, tqiegħdu hemm fl-1867 meta l-Beatu Papa Piju IX inkuruna l-Madonna tas-Sokkors bħala xhieda li qed tixħet kontinwament fuq id-dinja xita ta’ grazzji. ‘Il fuq fix-xellug, ż-żewġ ittri ΜΡ ΘΥ jgħaqqdu l-kelma Omm Alla bl-ilsien Grieg, Θεο τόκος = Teotokos.

Fix-xellug tax-xbieha hemm l-Arkanġlu San Mikiel. Fuq rasu għandu l-ittri Griegi OAM, l-Arkanġlu Mikiel. Fil-lemin jidher l-Arkanġlu San Gabriel, li għandu fuq rasu l-ewwel ittri Griegi ta’ ismu, OAΓ. L-Arkanġlu San Mikiel għandu f’idejh qasba bl-isponża u l-lanza li nifdet il-kustat ta’ Ġesù Msallab. L-Arkanġlu San Gabriel qiegħed iżomm is-Salib. Fuq idejn iż-żewġ arkanġli hemm velu li bih qed jaqbdu dawn l-għodod tal-Passjoni ta’ Ġesù. Kemm għandu jkollna qima lejn il-ħwejjeġ imbierka hux!

also the Greek initials ΙϹ ΧϹ, which are a traditional abbreviation of the Greek words for “Jesus Christ”.

Hawnhekk nixtieq nieħu l-opportunità biex minn qalbi niżżi ħajr lill-awtoritajiet taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo għall-għajnuna kbira li sibna minnhom biex din l-ikona tant sabiħa u mirakoluża setgħet titwassal lil ħutna l-pazjenti f’kull rokna, l-aktar dik imbiegħda, tal-isptar.

Kemm talbnieha bil-qalb it-talba lill-Madonna Ommna tas-Sakkors Perpetwu!

Omm ħanina tas-Sokkors Perpetwu, minn idejk jgħaddu l-grazzji kollha li Alla jagħtina. Għalhekk Hu għamlek tant setgħana u għanja biex tkun tista’ tgħinna fi ħtiġijietna. Int l-avukata ta’ kull min jersaq lejk; il-faraġ ta’ min ifittex il-protezzjoni tiegħek.

Għinni Madonna! F’idejk nerħi ruħi. F’idejk inqiegħed is-salvazzjoni tiegħi. Għoddni bħala persuna l-aktar miġbuda lek. Żommni taħt il-ħarsien tiegħek, u dan hu biżżejjed għalija. Jekk int, ja Marija, tħarisni u tidħol għalija, minn xejn ma nibża’ għax naf li int tagħmel dan quddiem Ibnek Ġesu’.

Sbejħa Madonna, għinni nimtela bl-imħabba lejn Ibnek, żomm idejk fuqi, fuq il-familja tiegħi u fuq pajjiżi, bierek il-ħidma ta’ dawk kollha li qed jagħmlu t-tajjeb u lili agħtini l-grazzja li fil-mumenti iebsa u f’kull tfixkil, nirrikorri lejk u ngħidlek: Omm tas-Sokkors għinni int; la tħallinix nitbiegħed minn Alla tiegħi. (Jintalbu 3 Ave Marijiet).

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading