Qari tas-Sibt tat-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Is-Sibt

Qari I

Irreġġa’ l-poplu tiegħi Iżrael għal li kien, u nħawwilhom f’arthom.

Għam 9, 11-15

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos

Dan jgħid il-Mulej:

“Dakinhar intalla’ mill-ġdid l-għarix ta’ David,

li sar ħerba waħda,

u rraqqa’ t-tiċrit tiegħu;

nerġa’ ntellagħlu dak li ġġarraf minnu,

u nibnih kif kien fl-imgħoddi,

biex huma jirtu l-fdal ta’ Edom,

u l-ġnus kollha msemmija għalija.

Oraklu tal-Mulej li għad jagħmel dan.

Araw, għad jiġi żmien

– oraklu tal-Mulej –

meta min jaħrat jilħaq fuq min jaħsad,

min jagħsar l-għeneb jilħaq fuq min jiżra’;

u l-inbid ġdid iqattar mill-muntanji,

l-għoljiet kollha jkunu jnixxu minnu.

Irreġġa’ l-poplu tiegħi Iżrael għal li kien;

jibnu l-ibliet meqruda

u jgħammru fihom;

iħawlu d-dwieli u jixorbu l-inbid tagħhom;

u jxettlu ġonna u jieklu mill-frott tagħhom.

U nħawwilhom f’arthom,

u qatt iżjed ma jinqalgħu mill-art li tajthom”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 84 (85), 9.11-12.13-14

R/. (3a): Il-Mulej is-sliem ixandar, għall-poplu tiegħu

Ħa nisma’ xi jgħid Alla;

il-Mulej is-sliem ixandar,

għall-poplu u l-ħbieb tiegħu,

u għal dawk li jafdaw fih. R/.

It-tieba u l-fedeltà jiltaqgħu,

il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet,

u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,

u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi,

u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Huwa l-mistednin tal-għarus se jsewdu qalbhom sakemm l-għarus ikun għadu magħhom?

Mt 9, 14-17

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien resqu lejn Ġesù d-dixxipli ta’ Ġwanni u qalulu: “Għaliex aħna u l-Fariżej insumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?”. Qalilhom Ġesù: “Huwa l-mistednin tal-għarus se jsewdu qalbhom sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu. Ħadd ma jraqqa’ libsa qadima b’biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa ssellet il-libsa, u t-tiċrita tikber. Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella d-damiġġani jinfaqgħu, l-inbid jixtered, u d-damiġġani jintilfu. Iżda nbid ġdid jitfgħuh f’damiġġani ġodda, u hekk iżommu t-tnejn”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu