Agħtini l-erwieħ, ħudli kollox

Print Friendly, PDF & Email

Minn nhar il-Ħamis 11 sal-Ħamis 18 ta’ Frar 2021, kellna magħna fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo ir-relikwa ta’ San Ġwann Bosco. Il-preżenza tiegħu fostna fissret ħafna!

Għandi ammirazzjoni u mħabba kbira lejn Don Bosco. Nammetti! Ma nħossx fija s-sejħa għal Sależjan għax, Dak t’hemm fuq, li għandna magħna u li jibqa’ sejjer hemm isfel, iridni b’saħħa kbira Kapuċċin. Ħaġa li ma nifhimhiex! Madankollu, lil Don Bosco, nħobbu l-għaliex ta kollox għat-tfal u ż-żgħażagħ. Kemm taffaxxinani dik qalbu kbira u mimlija ħniena u dixxiplina ta’ missier! Kemm narahom joqgħodu għalih kliem is-Salm 103: Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu (S 103: 13)!

Don Bosco ma kienx illamtat! Anzi! Kemm kien jinżel għall-livell tat-tfal u ż-żgħażagħ! Magħhom kien jaqbad djalogu sabiħ, rispettuż, kollu mħabba u prinċipji sodi. Kien jagħmel minn kollox biex it-tfal u ż-żgħażagħ iħossuhom tassew maħbubin minnu! Hekk, bil-fiduċja li kienu jagħtuh, seta’ jgħinhom jinbnew bħal ġebel ħaj, … f’dar spiritwali (1 Pt 2:5).

Fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, Don Bosco għamel l-istess ħaġa. Mawrietu fostna ħalliet ħemel ġid. Fil-preżenza tar-relikwa ta’ Don Bosco kien hawn min spontanjament, minn fommu, ħarġitlu l-kelma: Dak li kien jieħu ħsieb liż-żgħażagħ! Sabiħa din il-frażi ħbieb! Għax jekk nitilfu lit-tfal u liż-żgħażagħ inkunu tassew tlifna kollox! Dawn huma ċ-ċittadini, il-politiċi, l-impredinturi, il-ħaddiema, l-edukaturi u, l-ġenituri ta’ għada!

Il-frażi li jieħu ħsieb, fakkrittni f’din ir-rejaltà mill-isbaħ tal-kura u li tant hawn bżonnha fid-dinja tallum. Fil-messaġġ tiegħu tar-Randan tas-sena 2021, Papa Franġisku jikkwota ħsieb tad-deheb li jagħtina fl-enċiklika tiegħu dwar il-fraternità u l-ħbiberija soċjali, Fratelli tutti, meta jgħidilna fin-numru 223: San Pawl semma wieħed mill-frott tal-Ispirtu s-Santu bil-kelma Griega chrestótes (Gal 5:22), li tesprimi stat tar-ruħ li mhuwiex qares, goff, iebes, imma twajjeb, ħelu, li jwieżen u jfarraġ. Il-persuna li għandha din il-kwalità tgħin lill-oħrajn biex ħajjithom tkun iżjed sopportabbli, fuq kollox meta jġorru t-toqol tal-problemi, tal-bżonnijiet u tal-biżgħat tagħhom. Hu mod kif nittrattaw lill-oħrajn li jidher taħt diversi xejriet: bħala ġentilezza fl-għemil, bħala attenzjoni biex ma nweġġgħux la bil-kliem u lanqas bil-ġesti, bħala tentattiv biex intaffu l-piż tal-oħrajn. Ifisser li wieħed “ilissen kelmiet ta’ inkuraġġiment, li jfarrġu, li jqawwu, li jikkunslaw, li jħeġġu”, flok “kelmiet li jumiljaw, li jnikktu, li jdejqu, li jmaqdru”.

Dawn il-kelmiet sbieħ ta’ Papa Franġisku fakkruni f’dak li jgħid Don Bosco dwar is-sabar: Is-sabar jikkalma ħafna diffikultajiet. U liema hi l-aqwa virtù ta’ Ġesù Kristu? Il-ħlewwa hi l-virtù favorita ta’ Ġesù Kristu. Rigward ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna Don Bosco jgħid: Ilqa’ liberament id-diffetti tal-oħrajn jekk trid li l-oħrajn jilqgħu d-difetti tiegħek. Spiss kien jisħaq: Kun umli u mimli sabar, u l-Mulej Ġesù se jagħtik ir-rieda u l-mezzi. U meta l-qiegħa kienet tisħon kien ifakkar: Bati liberament ftit għall-Mulej li Bata tant għalik. Don Bosco r-responsabbiltà personali tiegħu kien joħodha. Tant hu hekk li ħeġġiġna: Aħfer lill-oħrajn kollox, lilek innifsek xejn. Imbagħad kellu tattika mill-aqwa biex jitfi n-nar qerriedi tal-korla: L-aqwa difiża kontra r-rabja hi li tħallieha tiksaħ.

Quddiem ir-relikwa ta’ Don Bosco u b’dawn il-frażijiet idoqqu fl-isfond tagħha, intbaħt l-għaqal li jkollna s-sabar fid-diffikultajiet. L-aktar fil-mard. Ħaġa tal-iskantament hi li l-pazjenti li jistabru fil-baħar imwiegħer tal-mard li jkunu għaddejjin minnu huma dawk li jgħixu din l-esperjenza tal-mard f’tant paċi. L-istess jingħad għall-membri tal-istat: dawk l-aktar effettivi huma dawk li l-aktar iħallu s-sabar ta’ Kristu jiffurmahom. U l-ħlewwa ħbieb, f’dawn iċ-ċirkustanzi, x’mirakli tassew kbar twettaq! Bil-ħlewwa wieħed jasal ‘il bogħod! Imma bl-attitudni għala Erodi wieħed jispiċċa jitkaħħal u jkaħħal miegħu lil ħaddieħor mal-ħajt!

Sabiħa wkoll it-tagħlima li jagħtina Don Bosco, ibda minna l-membri tal-istaff, li nerfgħu d-difetti ta’ xulxin. Għax b’hekk il-vapur jista’ ibaħħar! Min minna hu perfett u perfetta? Għalhekk, b’dik in-naqra tiħwira ta’ tolleranza, rispett, kelma ta’ tħeġġiġ, u korrezzjoni bil-ħlewwa u b’sodezza, il-vapur iseħħlu jbaħħar fuq li jbaħħar kemm jiflaħ ‘il barra.

Xi ħaġa tabilħaqq ta’ faraġ li toħroġ mill-kitbiet ta’ Don Bosco hi li meta l-Mulej jara r-rieda tagħna li nkunu umli u mimlija sabar żgur se jagħtina r-rieda u l-mezzi kollha possibbli biex dawn iż-żewġ virtujiet ngħixuhom. Li l-Mulej iridna hu li naqbżu ngħumu fil-baħar imqalleb imma mimlijin b’fiduċja li l-umiltà u s-sabar tiegħu qegħdin ma’ qaddna biex mhux biss ma ngħerrqux aħna imma biex bihom jsalva lil oħrajn bina!

Tagħlima oħra kbira li jgħallimna Don Bosco fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija hi li jagħti sens lit-tbatija li nġorru ilkoll, pazjenti, familjari u staff. Kulħadd bl-istorja tiegħu. Kemm isir ġid meta noffru t-tbatijietna lil Ġesù l-għaliex b’hekk inkunu qegħdin inseħbuh f’xewqatu li jsalva lill-bnedmin kollha. Kif jgħidilna San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Kolossin: Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja (Kol 1:24). It-tbatija qed tagħmilni u tagħmlek persuna li tħobb lill-oħrajn l-għaliex qed noffru lill-Missier tbatijietna għall-fraternità mhux biss taċ-Ċentru tal-Onkoloġija imma wkoll dik universali.

Kif nista’ f’dan kollu, ma narax lil Don Bosco, illum, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, ma jitlobx lill-Mulej: Agħtini l-erwieħ, ħudli kollox?

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading