Tajjeb li nixxenqu għall-ġenna imma nibdewha minn hawn

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 19 ta’ Ottubru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tlieta tad-disgħa u għoxrin ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għadu jidwi f’moħħna u qalbna l-kliem ta’ Ġesù li smajna fl-Evanġelju tal-Ħadd li għadda: “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu għall-kotra” (Mk 10:45).

Din ix-xbieha Ġesù ma japplikahiex biss għall-ħajja tiegħu fostna, ma japplikax biss għall-ħajja tagħna bejnietna. Fil-ħasil tar-riġlejn, ewl il-lejl qabel ma bata, hu wera lid-dixxipli l-istil ta’ kif jgħixu flimkien u qalilhom: “Jiena li jiena l-Imgħallem u s-sid għamiltilkom hekk; għamlu hekk lil xulxin” (Ġw 13:14).

Imma t-tixbiha tal-qadi ta’ wieħed li jservi fuq il-mejda, Ġesù japplikaha wkoll għall-ġenna. “Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom, isibhom jishru” (Lq 12:37). X’inhi din is-sahra li minnha qed jitlobna l-Mulej? Hi s-sahra tal-ħajja: li matul ħajjitna b’għajnejna miftuħa naqdu lill-Mulej, naqduh ukoll f’ħutna, donnu din hi l-aħħar ġurnata ta’ ħajti. Hi għażiża, hi prezzjuża. Allura kemm hemm bżonn nuri mhux biss rispett, imħabba, maħfra u mogħdrija għax jista’ jkun li minn dawn il-jiem, ma nafux aħna, ma tantx għad fadal, ngħiduha kif inhi.

Min jishar hu dejjem imħejji u jgħix ħajtu mhux fl-ansjetà imma dejjem b’dik l-istennija sabiħa tal-ħajja ta’ dejjem. U l-ħajja ta’ dejjem, għal min ikun fidil lejn il-Mulej, hi l-mument fejn il-Mulej stess ikompli jkun il-qaddej tagħna. “Tassew ngħidilkom li hu, is-sid, jitħażżem, iqegħidhom madwar il-mejda u jgħaddi quddiemhom iservihom” (Lq 12:37). Bħallikieku qed jgħidilna intom meta tajtu ħajjitkon bħala servizz kontu qed taqdu lili. Għax kulma għamiltu lill-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi. Issa wasal iż-żmien li npattilkom jien, jien se nkun li nitmagħkom, li naqdikom, li nservikom,

Min jishar hu dejjem imħejji u jgħix ħajtu mhux fl-ansjetà imma dejjem b’dik l-istennija sabiħa tal-ħajja ta’ dejjem.

U allura kif jgħid San Tumas, għaref kbir, il-ġenna ssir dik l-hena fejn ix-xewqat kollha tagħna jseħħu, kollha kemm huma. Kemm hi ħaġa sabiħa li nixxenqu għall-ġenna imma fl-istess ħin nibdewha minn hawn billi nkunu ta’ servizz għal xulxin għax fil-ġenna l-Mulej se jkompli jkun il-qaddej tagħna.

Infatti hemm dik il-parabbola tad-differenza bejn il-ġenna u l-infern. Wieħed daħal u qal: “Imma hawnhekk qishom l-istess” sakemm ċemplet qanpiena biex jibdew jieklu. U tal-ġenna qabdu l-frieket u s-skieken, kulħadd jaqta’ dak li għandu jiekol u jaqsmu ma’ ħaddieħor. Mentri tal-infern kellhom frieket u skieket tant twal li ma setgħux ilaħħqu biex jieklu huma u lanqas jagħtu x’jiekol lil ħaddieħor. Allura baqgħu bil-ġuħ mentri tal-ġenna bl-istess skieken u frieket bdew jitimgħu lil xulxin u kulħadd kiel.

Mela bl-istess frieket u skieken tal-ġenna kielu u tal-infern, għax kulħadd baqa’ jaħseb għal rasu, baqgħu bil-ġuħ. U intom tifhmu li dil-parabbola tgħallimna li l-infern u l-ġenna jibdew minn hawn.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Rum 5: 12.15b.17-19.20b-21
Salm: 39 (40): 7-8a.8b-9.10.17
Evanġelju: Lq 12: 35-38

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: