Il-Knisja miftuħa …

Print Friendly, PDF & Email

Meta ħarġu d-direttivi tal-Kurja tal-Arċisqof dlonk twaqqaf il-quddies fil-parroċċi kollha. Is-saħħa tal-poplu tiġi l-ewwel. U hekk il-knejjes tagħna baqgħu miftuħa għall-pubbliku iżda mingħajr quddies.

Kos hux! Il-Knisja miftuħa u bla quddies! Madankollu, anki f’din is-sitwazzjoni partikulari kemm tridha, xorta waħda fiha s-sabiħ tagħha. Forsi tgħidli: X’sabiħ jista’ ikun hemm meta n-nies jiġu l-Knisja u ma jkollhomx l-Ewkaristija? Min qallek ħabib li m’għandhomx l-Ewkaristija? Fit-tabernaklu x’hemm? Mhux l-Ewkaristija? Mela ejja niftħu d-diskors u nitbiegħdu mill-attitudni tal-biża u perikolużissma ta’ jew hekk jew xejn. Għax meta din l-attitudni tibqa’ tiddaħħal fostna allura vera li nkunu għadna ma tgħallimna xejn rigward it-titjira tal-Ispirtu s-Santu fuq l-ilmijiet f’kap 1 vers 2 tal-ktieb tal-Ġenesi.

U kemm hawn min jirredikola lil Alla nnifsu fl-Ispirtu tiegħu? Għax, u bl-akbar arroganza, jaħseb li l-Mulej għandu joqgħod ilsir għal mod kif jaħseb hu? Le ħbieb! Ejjew ma nidħlux aħna fl-isqaq tal-ipokresija. Tgħid min għamel il-liġi possibbli hu ilsir tagħha? Ma jafx kif idur magħha u jeħlisna minnha stess? Wara kollox, x’inhu tabilħaqq dak ta’ Alla u dak tal-bniedem? Tafu li jekk tassew nieqfu fuq dan il-punt nistgħu tabilħaqq ninfdew minn ħafna ktajjen li jaf ilna nġorru s-snin mingħajr ma nafu?

Allura, f’dan iż-żmien, fejn naraw il-knejjes tagħna mifuħa, bin-nies deħlin fihom, iżommu d-distanza, u mbagħad joħroġu, x’ħa naqbdu nagħmlu? X’jista’ isir? Mill-kuntatt li l-Mulej jagħtini man-nies jgħallimni kemm qed jaħdem fil-qlub tagħhom. Forsi, f’dan il-kaos li qed jesperjenzaw uħud f’dan iż-żmien ta’ pandemija, ta’ min nerġgħu nisimgħu dak li jgħid il-Mulej fil-ktieb tal-profeta Ġeremija: Imma dan ikun il-patt li għad nagħmel ma’ dar Iżrael wara dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej. Inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi. Ma jgħallmux iżjed lil xulxin, u ħadd ma jgħid lil ħuh: ‘Agħraf il-Mulej’, għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir, oraklu tal-Mulej. Għax jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx (Ġer 31:33-34).

Hu interessanti ħafna li diskors bħal dan qiegħed jiġi mitqal wara żmien iebes, iż-żmien tal-qerda. F’kelma waħda fi żmien fejn ma kienx hemm aktar it-tempju bil-kult ritwali tiegħu. Għalhekk, dan id-diskors, għandu għax jagħmel il-kuraġġ mhux biss lill-poplu ta’ dak iż-żmien imma lilna wkoll, il-poplu ta’ Alla fl-2021, fejn, minħabba r-restrizzjonijiet it-tempju jkollu biss jinfetaħ għall-qima individwali imma mhux kollettiva. U x’qed joffrilna l-Mulej f’dawn iż-żminijiet iebsin?

Xejn għajr li jgħallimna Hu nnifsu min tassew Hu! Xbajt niltaqa’ ma’ persuni li dan iż-żmien ta’ pandemija kien għalihom ta’ qawmien spiritwali. Huma ħafna li reġgħu lura lejn il-Knisja billi qed jisimgħu l-quddies mid-dar. Minix b’daqshekk ngħid li meta xi darba kollox jiġi, bil-mod il-mod, għan-normal, kulħadd għandu jibqa’ id-dar u s-saċerdot mill-knisja jxandar il-quddiesa. L-Ewkaristija qiegħda hemm mhux biex nirċevuha bix-xewqa imma biex nirċevuha fil-verità. Għalhekk il-Mulej tana lilu nnifsu fil-ħobż u l-inbid, biex dawn ikunu għalina, fis-sewwa kollu, l-ikel u x-xorb ta’ ruħna.

Madankollu, ma nistgħu qatt napplikaw il-mod tabilħaqq limitat fuq il-Mulej! L-għaliex, meta nagħmlu hekk, lill-Mulej ikunu qegħdin noffenduh bil-kbir! Il-Mulej, ta’ Alla Qaddis għax Ħanin li Hu, għandu l-modi tiegħu ta’ kif iressaq lin-nies lejh. U anki f’dan iż-żmien ta’ pandemija qed jissokta jressaq lin-nies lejn qalbu. Kemm hawn min f’dan iż-żmien iebes reġa’ lura għall-ħajja tat-talb? Kemm hawn min beda jaqra l-Bibbja u jisma xi talks online? Inkella jsegwi posts li jibnuh fuq Facebook?

Ovvjament mhux kulħadd le jista’ jidħol għall-materjal online. Kien għalhekk li ċertu persuni baqgħu jiffrekwentaw il-Knisja biex jitolbu b’mod personali quddiem Ġesù Sagramentat. Bħalma kien hawn ukoll min, għalkemm jaf juża sewwa l-computer, xorta waħda ipprefera li jmur il-Knisja ħa joqgħod f’dan l-ispazzju tas-skiet jitlob. U, kif tgħallimna l-istess Bibbja, il-Mulej ikellimna fis-skiet! Anki fis-skiet tal-istess Knejjes tagħna li f’xi okkażjonijiet kienu jkunu maħnuqa bin-nies għall-funzjonijiet liturġiċi. Imma issa, minħabba r-restrizzjonijiet, jinfetħu għall-ħinijiet limitati fil-ġurnata. Tinstema’ iva tidwi f’dawn il-mumenti diffiċli l-kelma li kien qal il-Mulej permezz tal-Profeta Ħosegħa meta qal: Għalhekk, araw, jiena se niġbidha, neħodha fid-deżert u lil qalbha nkellem (Ħos 2:16).

U dan hu li qed jagħmel f’dawn iż-żminijiet hekk iddominati mill-pandemija tal-covid-19. Qed joħodna fid-deżert tal-istess tempju li konna niffrekwentaw. U hemmhekk, fis-skiet, qiegħed ikellimna. U jerġa’ jikteb il-liġi tiegħu f’qalbna. Dik il-liġi li Ġesù tant ifissrilna tajjeb fil-vanġelu: Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U it-tieni jixbhu: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’ Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti (Mt 22:37-40). Li, fl-istess evanġelu, daqs tlett kapitli biss ‘il bogħod, Ġesù fissirhom hekk fil-prattika: Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’…  U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi’ (Mt 25:34-36. 40).

Jalla l-Knejjes miftuħa aktar jissuktaw jiftħulna qalbna għal Kristu f’xulxin!

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading