Nagħżlu s-sewwa

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 22 ta’ Ottubru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tifkira tal-Papa, San Ġwanni Pawlu II. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?” Dan hu l-kliem li Ġesù qal lin-nies meta kien qed jilmenta magħhom li kienu kapaċi jaqraw is-sinjali tat-temp – se tagħmel ix-xita, jew se tkun sħana – imma mhux is-sinjali taż-żminijiet. Hawnhekk jagħmel l-enfasi fuq “x’inhu s-sewwa”.

Nafu li mhijiex l-ewwel darba li Ġesù jitkellem fuq x’inhu s-sewwa. Fl-Evanġelju skont San Ġwann għandna enfasi partikulari fuq is-sewwa, fuq il-verità.  Niftakru f’dik il-ġrajja waqt il-Passjoni meta Ġesù kien quddiem Pilatu, u qallu: “Għalhekk ġejt fid-dinja biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni” (Ġw 18:37). Dak inhar Pilatu staqsieh:  “Il-verità x’inhi?” imma kif qallu hekk, ħareġ ’il barra biex ikellem lin-nies u għalhekk ma għandniex hemmhekk ir-risposta ta’ Ġesù x’inhi l-verità. Imma għandna fl-Evanġelju din ir-risposta, u kemm-il darba.

Ġesù jurina li Alla hu l-verità. Ġesù  hu Alla li sar bniedem fostna, hu dak li jista’ tassew jurina l-verità. Għalhekk lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Jiena hu t-triq, is-sewwa u l-ħajja” (Ġw 14:6). Huwa hu li jurina l-verità dwar Alla, dwarna nfusna; li jurina l-verità dwar minn fejn ġejjin, l-oriġini tagħna, u jurina d-destinazzjoni tagħna; li jurina l-verità dwar l-iskop ta’ ħajjitna. U fid-dawl tal-kelma tiegħu nistgħu nagħrfu wkoll dak li hu veru u dak li hu falz.

Fil-fatt, din hi l-istedina li Ġesù jagħmel lilna: biex nimxu dejjem ma’ dak li  hu sewwa, nagħżlu dak li hu sewwa. Hija stedina importanti għall-ħajja tagħna, speċjalment meta nkunu qalb mentalità kultant li tgħidlek li int ma għandekx tfittex dak li hu sewwa, imma timxi ma’ dak li tħoss: tħoss xi ħaġa fik, imxi magħha; fittex is-soddisfazzjon tiegħek, dak li jaġevolak, dak li jaqbillek; toqgħodx tħabbel rasek fuq dak li hu sewwa, is-sewwa hu dak li int tħoss. Ara San Pawl kemm jirraġuna differenti, fl-Ewwel Qari llum fl-Ittra tiegħu lir-Rumani. Jgħid: jiena nagħraf it-tajjeb, u naf dak li hu tajjeb. Fija nħoss dak li jiġbidni lejn il-ħażin, u kultant niżbalja, kultant nimxi ma’ dak li hu ħażin. Imma nagħraf dak li hu tajjeb, u naf niddistingwi bejn it-tajjeb u l-ħażin. Din hi importanti ħafna għall-ħajja tagħna. San Pawl jurina dan, u Ġesù jispjegalna ċar u tond li aħna dan li għandna nfittxu: li nagħrfu dak li hu tajjeb, u nitolbu l-grazzja tiegħu biex fejn hemm bżonn niċċaħħdu minn dak li nħossu biex nimxu ma’ dak li hu sewwa.

Ġesù jgħid anke f’mument ieħor: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi… tagħrfu l-verità, u l-verità teħliskom” (Ġw 8:31). Hu proprju l-kelma tiegħu li hi l-verità, il-kelma tiegħu li turina kif nistgħu ngħixu tassew ħielsa. U turina dak li hu sewwa, biex tgħinna niġġudikaw aħna dak li hu sewwa u nifirduh minn dak li hu falz; nagħżlu dak li hu tajjeb minn dak li hu ħażin.

Nitolbu lill-Mulej illum jagħtina l-għerf tiegħu biex f’ħajjitna nfittxu dejjem dak li hu sewwa, dak li hu veru, dak li jmexxina fit-triq tiegħu, u dak li jżommna tassew ħielsa.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: