Il-Papa: Ir-rikonċiljazzjoni Nisranija hija triq lejn il-paċi fost gwerra ‘bla sens’

Print Friendly, PDF & Email

Fost “gwerra ta’ aggressjoni krudila u bla sens li fiha ħafna u ħafna Nsara qed jiġġieldu ma’ xulxin,” il-Papa Franġisku jgħid li “r-rikonċiljazzjoni fost Insara separati bħala mezz ta’ kontribut għall-paċi bejn il-popli f’kunflitt” hija f’waqtha ħafna. Dan il-punt għamlu l-Qdusija Tiegħu l-Papa, nhar il-Ħamis, meta ltaqa’ ma’ delegazzjoni tal-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli fil-Vatikan, l-għada tal-Festa tal-Qaddisin Pietru u Pawlu.

Wara tradizzjoni twila, din il-ġimgħa d-delegazzjoni tinsab Ruma biex tgħin fil-bini tal-għaqda bejn il-Knejjes, dik Kattolika u Ortodossa. Iż-żjara ġiet bħala parti mill-“iskambju tradizzjonali ta’ delegazzjonijiet għall-festi rispettivi tal-Qaddisin Pattruni: fid-29 ta’ Ġunju f’Ruma għaċ-ċelebrazzjoni tal-Qaddisin Appostli Pietru u Pawlu u fit-30 ta’ Novembru, f’Istanbul, għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Sant’Andrija”.

Il-Ġimgħa filgħodu, l-Papa laqgħhom għandu, u qal li huwa grat għaż-żjara tagħhom, u talabhom biex iwasslu l-awguri tiegħu lill-“ħuħ għażiż” Patrijarka Ekumeniku Bartilmew u lis-Sinodu Mqaddes. Waqt li fakkar il-preżenza tagħhom fil-lituġrija Ewkaristika ta’ nhar l-Erbgħa, l-Papa qallilhom li l-preżenza tagħhom “kienet għajn ta’ ferħ kbir” għalih u għal dawk preżenti, u qal li din timmanifesta b’mod viżibbli “l-qrubija u l-karità fraterna tal-Knisja ta; Kostantinopli lejn il-Knisja ta’ Ruma”.

“Illum, ħajr lil Alla, b’ubbidjenza għar-rieda ta’ Sidna Ġesù Kristu u bil-gwida tal-Ispirtu s-Santu, l-Knejjes tagħna huma impenjati fi djalogu fratern u produttiv u impenjati b’mod konvint u irriversibbli biex nimxu lejn ir-restawr ta’ komunjoni sħiħa”.

Il-Qdusija Tiegħu enfasizza l-ħtieġa li l-insara jirrikonċiljaw qalb it-turment tal-gwerra.

“Ir-rikonċiljazzjoni fost l-insara separati, bħala mezz ta’ kontribut għall-paċi bejn il-popli f’kunflitt, hija konsiderazzjoni mill-aktar f’waqth f’dawn il-jiem, hekk kif id-dinja tagħna hija mfixkla minn gwerra ta’ aggressjoni krudili u bla sens li fiha ħafna u ħafna Nsara qed jiġġieldu lil xulxin.”

Qabel “l-iskandlu tal-gwerra”, qal il-Papa, it-tħassib tagħna m’għandux ikun li nitkellmu u niddiskutu, imma li nibku, li ngħinu lill-oħrajn u li nesperjenzaw il-konverżjoni aħna stess. “Għandna bżonn nibku għall-vittmi u t-tixrid ta’ demm kbir, għall-mewt ta’ tant nies innoċenti, għat-trawma kkaġunata fuq familji, bliet u poplu sħiħ”.

“Kemm tbatija, kemm tiġrib minn dawk li tilfu lill-maħbubin tagħhom u ġew imġiegħla jabbandunaw djarhom u pajjiżhom stess!” Il-Papa kompla jgħid li rridu ngħinu lil “ħutna” u “neżerċitaw dik il-karità li, bħala Nsara, aħna obligati nuru lejn Ġesù, preżenti fil-persuni li kellhom iħallu djarhom, il-fqar u l-midrubda”.

Il-Papa Franġisku saħaq li dawn it-tendenzi m’għandhom “x’jaqsmu xejn mal-Mulej Rxoxt, li fil-Ġetsemani qal lid-dixxiplli tiegħu biex jiċħdu l-vjolenza, biex jerġgħu jpoġġu s-sejf f’postu, peress li dawk li jgħixu bis-sejf, bis-sejf imutu, u kull min jaqta fil-qasir kull oġezzjoni, sempliċiment ngħidulu: “Biżżejjed!”

It-tfittxija għall-għaqda Kristjana, qal il-Papa, “mhijiex biss kwistjoni interna tal-Knejjes”, iżda pjuttost kundizzjoni essenzjali għat-twettiq ta’ fraternità universali awtentika, manifestata fil-ġustizzja u s-solidarjetà lejn kulħadd. Il-Papa sejjaħ għar-riflessjoni serja minn naħa tagħna l-Insara.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-francis-meets-with-ecumenical-patriarchate.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading