Ġwanni Pawlu II mal-komunitajiet Ċiniżi

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-KOMUNITAJIET ĊINIŻI NSARA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 21 ta’ Marzu 1982

1. “Alla tant ħabb lid-dinja li taha lil Ibnu Uniġenitu, sabiex kulmin jemmen fih ma jmutx imma jkollu l-Ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,16).

Waqt li niċċelebraw l-Ewkaristija, nixtiequ nirrendu glorja lil Alla: Missier Omnipotenti, Ħallieq tas-sema u l-art, ta’ dak kollu li jidher u li ma jidhirx.

Lilu stess.

Infatti hu, mhux biss ħalaq id-dinja imma wkoll ħabb lid-dinja. U b’mod partikolari, imbagħad, ħabb fid-dinja lill-bniedem, li ħoloq propju xbiha u xebħ tiegħu.

Permezz ta’ din ix-xbiha u xebħ ta’ Alla, li jġorr ġo fih, il-bniedem huwa ddestinat  biex jieħu sehem fil-ħajja divina. L-imħabba ta’ Alla għall-bniedem tikkonsisti fl-iddestinar tal-bniedem għall-ħajja eterna fl-għaqda miegħu.

2. Din l-imħabba wriet ruħha iktar maġġorment wara li l-bniedem, permezz tad-dnub, iddeforma fih x-xbiha ta’ Alla u espona ruħu għall-periklu tat-telfa eterna ta’ Alla. Allura Alla biex juri mill-ġdid b’qawwa ikbar il-fatt li kien iddestina l-bniedem għall-ħajja eterna u li għalih jixtieq is-salvazzjoni eterna, ta lill-bniedem – u fl-istess ħin lid-dinja – lil Ibnu Uniġenitu: “Tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu Uniġenitu”.

Waqt li niċċelebraw l-Ewkaristija, ejjew nixtiequ wkoll b’mod speċjali nesprimu l-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu, Iben uniġenitu ta’ Alla, Sidna, li kien ikkonċeput mill-Ispirtu Santu u, grazzi lill-qawwa divina tiegħu, twieled minn Marija Verġni. Il-Knisja kollha tqim lil Marija bħala Ġenitriċi ta’ Alla, jiġifieri Omm Alla.

Il-Missier etern propju ta lil Ibnu, imwieled mill-Verġni, sabiex il-bniedem – minkejja d-dnub – “ma jmutux imma jkollu l-ħajja eterna”.

Ġesù Kristu, waqt li jwettaq imħabbet il-Missier, fl-istess ħin minħabba l-imħabba propja tiegħu għall-bnedmin, ħutu rġiel u nisa, ta ħajtu fiq is-salib f’nofs tbatijiet u torturi terribbli.

Waqt li niċċelebraw l-Ewkaristija, ejjew niftakru mhux biss il-mewt fuq is-salib ta’ Kristu, imma wkoll b’mod xejn imdemmi inġeddu mill-ġdid is-Sagrifiċċju tiegħu għall-fidwa tad-dinja.

Għal dan nesprimu espressjoni partikolari, wara l-Konsagrazzjoni, bil-kliem li ġej: “Inħabbru l-mewt tiegħek Mulej, inxandru l-qawmien mill-imwiet tiegħek,  waqt li nistennew l-miġja tiegħek””.

3. Huwa propju dan is-Sagrifiċċju tal-Fidwa tagħna, li noffru lit-Trinità Qaddisa flimkien mal-Knisja kollha. Toffrih il-Knisja kollha, meta saċerdot, Isqof jew il-Papa jiċċelebraw l-Ewkaristija.

Minn banda oħra waqt li nġeddu b’mod xejn imdemmi – taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid – is-Sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-Salib, noffru lil Alla stess “bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu”, lill-bnedmin kollha u lill-ħolqien kollu: id-dinja kollha kemm hi.

Ejjew inħallu lilna nfusna niġu ggwidati mill-bżonnijiet partikolari tad-dinja u tal-bnedmin, ejjew noffru dejjem dan is-Sagrifiċċju mqaddes b’intenzjoni preċiża.

Illum jien qiegħed niċċelebra din il-Quddiesa sollenni fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma skont l-intenzjoni tal-Knisja fiċ-Ċina.

L-istess qegħdin jagħmlu jew se jagħmlu l-Isqfijiet u s-saċerdoti tad-dinja kollha. Dan tlabthom u għal dan stedinthom bħal l-Isqof ta’ Ruma suċċessur ta’ San Pietru, li lilu b’istituzzjoni tal-istess Kristu l-Mulej, skont it-tradizzjoni apostolika u antikissma tal-Knisja, huwa dmiru li “imexxi fil-karità”. Ta’ din l-imħabba tagħna għandhom bżonn, u jistennewha, il-Knisja kollha, u b’mod speċjali ħutna fiċ-Ċina.

4. Nixtiequ wkoll b’mod partikolari inħaddnu, ninkludu, fil-komunjoni ta’ dan is-Sagrifiċċju Ewkaristiku, lil dawn ħutna rġiel u nisa, maħbubin b’mod speċjali.

Nafu li huma wkoll, f’art twelidhom, iwettqu l-istess offerta tal-ħobż u tal-imbid, li ssir is-Sagrifiċċju ta’ Kristu, Ġismu u Demmu għas-salvazzjoni tad-dinja.

Huma f’dan is-Sagrifiċċju, jesprimu – flimkien magħna – il-fidi tagħhom li wirtu issa għal ġenerazzjonijiet numerużi ta’ konfessuri ta’ Kristu fl-art li tathom isimhom: fidi, li ġiet ippruvata fost esperjenzi u tbatijiet differenti. Huma jesprimu, wkoll, it-tradizzjonijiet tan-nazzjon tagħhom, il-kultura tiegħu, ix-xogħol ta’ kuljum tiegħu, l-isforzi tiegħu, li għandhom bħala għan ħajja dejjem aħjar u iktar ġusta fis-soċjetà tagħhom.

Huma jġibu dan kollu bħala offerta fi qlubhom.

U meta jqegħdu fuq l-altar il-ħobż u l-imbid bħala frott tax-xogħol ta’ jdejhom stess, jixtiequ jesprimu dawn l-offerti kollha tagħhom lil Alla fir-rigal li se jsir fl-Ewkaristija ir-Rigal propju ta’ Ġesù Kristu: Ġismu u Demmu.

Oh, qlub ta’ ħutna rġiel u nisa tal-art imbegħda Ċiniża! Kunu magħqudin magħna f’dan is-Sagrifiċċju ta’ Fidwa,  l-istess bħalma aħna magħqudin magħkom!

Ħaddnu intom ukoll l-istess Vanġelu ta’ Kristu, l-istess Dawl u l-istess qawwa tal-Ispirtu Santu, l-istess adorazzjoni tal-Missier etern, Ħallieq tas-sema u tal-art.

“Fidi waħda, magħmudija waħda, Alla wieħed u Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu” (Ef 4,5s; 1,3).

O Marija, Omm il-Knisja u Sultana taċ-Ċina, lilek nafdawlek lil ħutna li jgħixu fiċ-Ċina. Interċedi għalihom quddiem Ibnek Ġesù, Sidna u Salvatur, sabiex ikunu jistgħu jgħixu l-fidi tagħhom, waqt li jibqgħu fl-unità kattolika tal-Knisja qaddisa tiegħek.

Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading