Il-Miraklu f’Regensburg u oħrajn

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar

Il-Miraklu  f’Regensburg, il-Ġermanja, fl-1255

Waqt li kien qiegħed iqaddes saċerdot ġieh dubju  dwar il-Preżenza Reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Għalhekk, wara l-konsagrazzjoni  għal xi ħin dam biex  jgħolli l-kalċi. F’daqqa waħda sema’ ħsejjes ħfief ġejjin mill-artal. Mill-Kurċifiss tal-injam ta’ fuq l-artal Ġesù  deher jifrex dirghajh bil-mod  lejn is-saċerdot, ħa l-kalċi minn idejh u wera l-Ewkaristija għall-adorazzjoni tal-fidili. Is-saċerdot, niedem, niżel għarkopptejh u talab maħfra talli ddubita. Ġesù rritornalu l-kalci bħala turija ta’ maħfra. 

Il-Kurċifiss Mirakuluż għadu miżmum b’qima kbira sal-ġurnata tal-lum fil-Kappella f’Regensburg li lejh jsiru  ħafna pellegrinaġġi.  

Il-Miraklu  f’Bolsena, l-Italja  

Fis-sena 1263, saċerdot Ġermaniż waqt li kien qiegħed jagħmel pellegrinaġġ lejn Ruma waqaf f’Bolsena. Kien saċerdot twajjeb iżda kien jiddubita mill-Preżenza ta’ Kristu fl-Ewkaristija.  Waqt li kien qiegħed jiċċelebra Quddiesa malli temm il-kliem tal-Konsagrazzjoni ra li mill-Ostja kkonsagrata beda ħiereġ id-Demm li baqa’ nieżel ma’ idejh u jqattar fuq l-artal u l-korporal.

Is-saċerdot tħawwad. Beda  jipprova jaħbi dak id-Demm iżda mbagħad kellu jieqaf mill-quddiesa u talab li jittieħed fil-belt qrib ta’ Orvieto fejn kien jinsab l-Papa Urbanu IV.  Il-Papa sema’ r-rakkont tas-saċerdot u d-dubju tiegħu, u meta ra kemm dan is-saċerdot kien sogħbien u niedem mid-dubji tiegħu, ħafirlu.

Dlonk, Il-Papa ried li jsiru investigazzjoni dwar il-ġrajja. Meta ġew aċċertati l-fatti kollha, Urbanu IV ordna lill-isqof tad-djoċesi biex kemm l-Ostja Ikkonsagrata kif ukoll il-Korporal bit-tbajja’ tad-Demm fuqu  jinġiebu  f’Orvieto. Fil-preżenza ta’ dinjitarji tal-Knisja u ġemgħa kbira ta’ Insara, il-Papa mar jilqa’ il-wasla tal-Ewkaristija u l-Korporal,u f’purċissjoni solenni  ġew meħuda fil-Katidral ta’ Orvieto u mqiegħda għall-qima ta’ kulħadd.

Imqanqal minn dan il-Miraklu Ewkaristiku l-Papa kkummissjona lid-Dumnikan San Tumas ta’ Akwinu  biex jikkomponi talb u innijiet, u l-Proprju  għall-Quddies  u l-Uffiċċju Divin li jqimu l-Ewkaristija Mqaddsa bħala l-Ġisem u d-Demm Qaddis  ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Sena wara dal-Miraklu, f’Awwissu  1264, l-Papa b’Bolla Papali  waqqaf, istitwixxa, uffiċjalment il-Festa ta’ Corpus Christi.

F’Awwissu tal-1964, fl-okkażjoni ta’ għeluq is-700 sena mill-istituzzjoni tal-Festa ta’ Corpus, il-Papa Pawlu VI iċċelebra quddiesa fil-Katidral ta’ Orvieto fejn hemm miżmum l-Korporal  f’Relikwarju tad-deheb. Il-Papa kien mar f’Orvieto pemezz ta’ ħelikopter, u kien l-ewwel Papa fl-istorja li għamel użu minn dal-mezz ta’ trasport. Tnax-il sena wara l- Papa Pawlu mar ukoll Bolsena għall-41 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali. Imbagħad ikkonkluda l-attivitajiet tiegħu f’Philadelphia. Waqt id-diskors tiegħu l-Papa tkellem dwar l-Ewkaristija bħala: “… Misteru Kbir u Ineżawribbli.

Sal-ġurnata tal-lum ħafna pellegrini, fosthom  Maltin u  Għawdxin, jżuru Bolsena u Orvieto. 

Il-Miraklu ta’ Offida fl-Italja

Dal-Miraklu Ewkaristiku fil-fatt seħħ f’Lanciano, il-belt li fiha fis-sena 750  kien seħħ il-Miraklu li dwaru tkellimna fit-tieni parti ta’ din is-sensiela. Madanakollu, l-Ostja Mirakuluża ta’ dan it-tieni Miraklu tinżamm f’Offida xi 60 mil ’il bogħod,fit-tramuntana ta’ Lanciano. Il-Miraklu seħħ fl-I273  u kien jinvolvi koppja miżżewġa:  Ricciarella u żewġha Giacomo Stasio.  Sfortunatament, il-koppja kienet għaddejja minn problemi fiż-żwieġ tagħhom. Giacomo ma kienx affettiv wisq lejn martu. Ricciarella ma kinitx kuntenta u ppruvat dak kollu possibbli biex tirbaħ mill-ġdid l-imħabba ta’ żewġha. Fl-aħħar, xi ħadd  issuġġerixxilha li titlob parir ta’ saħħara. Simili għal każijiet  f’Trani fis-sena 1000 u f’Alatri fl-1228 (deskritti fit-tielet u r-raba’ Parti tas-sensiela) is-saħħara qalet lil Ricciarella x’għandha tagħmel biex tipprepara “una pozione d’amore” (xarba maġika  ta’ imħabba) żgura: “Mur tqarben, imma tiblax l-Ostja Kkonsagrata. Ħudha d-dar, poġġieha fil-fuklar u aħraqha. Ħu ftit irmied minnha u itfgħu f’inbid jew soppa ta’ żewġek. Wara tara mill-ewwel kif żewġek isir aktar affettiv u mimli imħabba lejk!” Ricciarella riedet ma twettaqx dad-delitt sagrilegu, iżda kienet iddisprata li jkollha l-imħabba ta’ żewġha. Għamlet il-kuraġġ u marret titqarben.Bil-moħbi  ħalliet l-Ostja taqa’ minn ħalqha għal fuq il-libsa tagħha.   

 Wara li ħaditha d-dar, poġġietha fuq coppo, maduma semi-ċirkolari tat-tafal u poggietha fuq in-nar. Hekk kif l-Ostja Sagra kienet qed tissaħħan flok li saret irmied bdiet tinbidel f’Laħam li minnha beda ħiereġ id-Demm. Imwerwra b’dak li kien qiegħed jiġri, Ricciarella ppruvat twaqqaf u taħbi dal-proċess billi titfa’ rmied u xemgħa maħlula fuq il-maduma, li baqgħet immarkata  b’tiċpisa kbira tad-Demm u Laħam. Il-mara beżgħet. Ħadet tvalja u  geżwret fiha l-maduma bl-Ostja mdemmija. Marret fl-istalla u difnet kollox taħt borġ demel.

Dakinhar filgħaxija meta żewġha mar lura d-dar,mexxa l-bagħal tiegħu lejn l-istalla, imma l-bagħal ma ridtx jidħol. Sfurzah biex jidħol u anki beda jsawtu, l-annimal daħal mal-ġenb, u baqa’ jħares u tbaxxa,daqslikieku kien qed jadura, biswit il-munzell tad-demel fejn Ricciarella ħbiet l-Ewkaristija. Malli ra din l-imġieba stramba tal-bhima, Giacomo rrabja u akkuża lil martu li għamlet xi seher fl-istalla. Iżda martu ċaħdet u baqa’ tagħmel hekk għal seba’ snin sħaħ – daqskemm l-Ewkaristija baqgħet moħbija taħt il-munzell. Il-mara wkoll kienet itturmentata kuljum bil-ħtija tas-sagrileġġ tagħha. Fl-aħħar ma felħilx aktar u ddeċidiet li tistqarr id-dnub tagħha mal-Pirjol Patri  Diotollevi tal-Kunvent ta’ Sant’ Agostino f’Lanciano. Qaltu hekk: “Dan hu d-dnub tiegħi! Qtilt lil Alla.” Irrakkontatlu l-istorja tas-sagrileġġ tagħha. Patri Diotollevi ħelisha mid-dnub tagħha u minnufih ħa ħsieb biex l-Ostja titneħħa minn hemm. B’sorpriża tiegħu meta ġibed il-tvalja u fetaħha sab li l-Ostja li parti minnha saret Laħam kif ukoll id-Demm li ħareġ minnha, kienu friski qishom kienu għadhom kemm jitpoġġew dak il-ħin. Huwa ġabar kollox u ħadhom il-kunvent. Ftit ġranet wara, Patri Diotollevi li kien mill-belt ta’ Offida,għal xi raguni, mar Offida, u wera lil Patri Mikiel Mallacani u lill-kapijiet ta’ Offida din il-relikwija,li tpoġġiet f’Relikwarju forma ta’ Salib tal-fidda maħdum apposta li fih tqiegħdu kemm l-Ostja bid-Demm kif ukoll parti mis-Salib ta’ Kristu, u t-tvalja mtebba’ bid-Demm. Ir-Relikwarju nżamm u għadu sal-lum f’Santwarju fil-belt ta’ Offida.

Minbarra dokument  tas-Seklu XIII, li jagħti rendikont dettaljat  ta’ din il-ġrajja, hemm bosta dokumenti oħra li jikkonfermaw il-veraċità ta’ dal-Miraklu u l-qima kontinwa tan-nies matul is-sekli. Fil-fatt, hemm diversi Bolli Pontifiċji li jibdew minn dik tal-Papa Bonifiċju VIII,  tal-Papa Ġulju II, Papa San Piju V, il-Papa Girgor XIII, Papa Sistu V, Papa Pawlu IV u l-Papa Piju IX kif ukoll Digrieti tal-Arċisqof ta’ Lanciano u l-isqof ta’ Ascoli, statuti mill-Komun ta’ Offida li jmorru lura sas-seklu XV, iskrizzjonijiet u  tabelli ta’ tifkira. Mhux ta’ b’xejn Offida tissejjaħ il-“Belt tas-Sagrament Imqaddes.”

Ta’ min igħid li wara 750 sena mill-ġrajja ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku, dan ir-Relikwarju Ewkaristiku inħareġ għall-ewwel darba minn  Offida u nġab Għawdex fil-Bażilika Kolleġġjata Marija Bambina tax-Xagħra, mill-31 ta’ Awwissu sat-2 ta’ Settembru 2003, għall-qima tal-fidili. Prosit tassew!

Il-Miraklu ta’ Kranenburg, fil-Ġermanja

Bosta dokumenti jiddeskrivu dan il-miraklu li seħħ fl-1284. Ragħaj  minn Kranenburg fid-distrett ta’ Kleve wara li tqarben u ma setax jibla’ l-Ewkaristija minħabba xi marda tiegħu tefagħha taħt siġra fil-ġnien tiegħu. Imnikket b’rimors hu stqarr kollox lill-kappillan tiegħu, li dan għaġġel lejn il-post biex jipprova jsib l-Ostja, iżda t-tfittxija kienet  bla suċċess. Snin wara r-ragħaj iddeċieda li jaqta’ s-siġra u jaqsamha f’żewġ biċċiet. Kif inqatgħet, Kurċifiss imnaqqax perfettament waqa’ fl-art.  Ir-rapport tal-Kurċifiss li “kien kiber mill-Ostja Sagra” infirex malajr minn belt għal oħra. L-isqfijiet ta’ Cologne u l-Konti ta’ Kiev ħadu interess dirett fil-“Miraklu tal-Kurċifiss Mirakoluż.’’  kif beda jissejjaħ,u  l-pellegrini bdew jiġu numerużi. Fl-1408, iċ-ċittadini ta’ Kranenburg bdew il-bini ta’ Knisja fuq il-post tal-Miraklu li tlestiet fis-sena 1444. Il-Papiet u l-Isqfijiet dejjem ippromovew il-kult tal-Kurċifiss Mirakoluż billi taw indulġenzi lill-pellegrini li jżuruha.L-aħħar indulġenzi ngħataw fis-sena 2000.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading