Il-maħfra hija l-akbar għotja

Print Friendly, PDF & Email

Fr. Philip Cutajar OFMCap

STORJA

Betty Ferguson irnexxielha tagħmel dak li x’aktarx ħadd minna ma għandu l-ħila jasal għalih. Ħafret lill-qattiel ta’ bintha. Il-mewt ta’ Debbie, li kellha 16-il sena fl-1975, tant kissritha li bdiet tisker biex torqod u ma baqghetx tagħti kas ta’ l-erbgħat itfal l-oħra. Seħtet lill-qattiel Ray Payne, li kien l-għalliem ta’ l-Ingliż ta’ Debbie. Għad li nstab ħati u ntbagħat għomru l-ħabs xorta waħda ma naqasx l-imrar f’qalb Betty. “Il-mibegħda kienet belgħetni,” stqarret u kienet il-ħin kollu tbati b’elf uġigh… minn rasha sa daharha. Waqtiet bilkemm kien jirnexxielha tieqaf fuq saqajha.

Fl-1981, jiġifieri 6 snin wara, waqt il-funeral ta’ oħtha, laqtitha frazi minn ‘Il-Missierna’, ‘…ahfrilna dnubietna bhalma naħfru lil min hu ħati għalina’. Bdiet taqra kotba fuq il-maħfra u bdiet taħseb li dik hi l-unika soluzzjoni. Marret fuq il-qabar ta’ Debbie u fuq l-irħama kellha miktub, ‘Dak li d-dinja għandha bzonn illum hi l-imħabba, imħabba safja’. Il-ħsieb baqa’ jhewden f’moħħha. B’vuċi għolja bdiet tirrepeti l-kliem “Jien lesta li naħfer lil Ray”. Fi ftit xhur kitbitlu ittra: ‘M’għandix daqshekk irrabjata ghalik. Nista’ niġi u naqsam l-esperjenza miegħek?’

Fl-1986, 11-il sena wara d-delitt, Ferguson żaret lil Payne l-ħabs. “Fissirtlu kemm kienet tfisser Debbie għalija u kemm batejt internament fit-telfa tagħha”. Qagħad jismagħni u bkejna flimkien. Tlaqt mill-ħabs persuna mibdula: qalbi kienet irtabet. Jiena u ħierġa mill-ħabs wara ż-żjara tiegħi lil Payne ħassejtni ħierġa minn ħabs ieħor, il-ħabs li kont ingħalaqt fih jiena meta kont għadni ma ħfirtx. Issa ninsab tassew totalment ħielsa.” Lil ħbiebha, li baqgħu mistagħġba b’dak li għamlet, qaltilhom: “Il-mahfra hi l-ikbar għotja li qatt stajt nagħti lili nnifsu u lil uliedi.” Illum hi counsellor fi programm ghall-vittmi ta’ xi krimini.

IL-MAĦFRA: VALUR UMAN U NISRANI KBIR

Nemmen li lkoll kemm aħna skoprejna aħna u naqraw din l-istorja l-valur tal-maħfra. Il-maħfra bħala valur mhux biss uman, jiġifieri li jgħodd għal kull bniedem hu min hu, ta’ liema reliġjon hu; imma wkoll valur nisrani. Għalina l-insara l-valur tal-maħfra joħroġ l-ewwel u qabel kollox mill-imitazzjoni tagħna tal-fundatur u Mulej tagħna li pprietka l-maħfra ta’ Alla għalina u l-maħfra tagħna lejn xulxin sakemm hu stess wasal biex ħafer lill-għedewwa tiegħu li kienu sallbuh: “Mulej, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”  Għalina bħala nsara li jixirqilna tassew dan l-isem jinħtieġ li naħfru għaliex nemmnu li l-aqwa espressjoni tal-imħabba tagħna lejn il-proxxmu hija meta aħna naħfru, u nibqgħu naħfru għal seba’ u sebgħin darba, hekk kif Alla jaħfer lilna. Urini l-kobor tal-imħabba sinċiera w awtentika tiegħek minn kemm inti kapaċi taħfer u tibqa’ taħfer. U mhux biss taħfer imma taħfer u tinsa’ fis-sena li tfieq mill-ferita u l-weġgħa li l-offiża setgħet ħalliet f’ħajtek, f’qalbek, fil-memorji tiegħek.

X’TFISSER IL-MAĦFRA?

Mhux faċli twieġeb għal din il-mistoqsija. Imma l-fidi matura tagħna tgħina biex mhux biss naslu biex ngħidu x’inhi l-maħfra imma wkoll fuq kollox naslu biex naħfru lil kulħadd u dejjem. Il-MAĦFRA HIJA DEĊIŻJONI. Hekk għamlet Betty Ferguson fl-istorja tagħna. Waslet biex taħfer għax bdiet il-mixja tagħha b’deċiżjoni. Iddeċidiet li taħfer lil Ray li kien qatel lill-għażiża bintha Debbie. Mhix deċiżjoni faċli li tasal għaliha. Imma hekk kif waslet Betty nistgħu naslu int u jiena. L-iżbal li nistgħu nagħmlu huwa li nippretendu, fis-supervja u l-kburija tagħna, li naslu weħedna. Irridu nkunu umli biżżejjed li nitolbu l-għajnuna.  Fuq kollox l-għajnuna ta’ Alla permezz tat-talb. Jekk insejjħu lil Alla u nħalluh jgħina f’dan il-proċess tal-maħfra dak li għalina jidher diffiċli jsir faċli u dak li għalina sa issa jider impossibbli jsir possibbli.

Id-deċiżjoni ma tibqax biss deċiżjoni bil-kliem. Imma nħalluha ssir deċiżjoni li tidher bil-fatti, bil-għemil imwettaq f’direzzjoni tajba u ġusta. Quddiem il-feriti u l-weġgħat tal-offiżi li tkun irċivejt, huma ta’ liema natura huma, hemm żewġ tipi ta’ razzjonijiet: waħda negattiva, żbaljata u li ma twassalx għall-fejqan; u l-oħra pożittiva, evanġelika u li twassal għall-fejqan sħiħ. L-ewwel waħda huwa merta tipprova titfi n-nar bin-nar tal-mibgħeda, tal-vendikazzjoni, tat-tpattija billi żżomm f’qalbek għad-deni li jkun sarlek filwaq li t-tieni għażla hija dik li, jekk huwa possibli, tavviċina l-persuna li weġgħatek, titkellem magħha mingħajr rabja, imma bil-ħlewwa, tiżfoga b’mod posittiv s-sentimenti u l-emozzjonijiet tiegħek, dan jgġinek ħafna fil-mixja tal-fejqan. Tgħid ċar u tond, mill-qalb u b’sinċerità li itni qed taħfer. Tasal anke biex tgħannaq il-peruna li fl-imgħoddi weġgħatek bl-ikrah. Tagħtiha l-bewsa tal-paċi. Dan hu li għamle Betty Ferguson fl-istorja tagħna. Għamlet hekk u ħassitha aktar ħielsa. Aktar ħafifa. Aktar fil-paċi. Telqet minn ħdejn Ray – il-qattiel ta’ bina – persuna ġdida, mibdula. Ħarġet mhux daqstant mill-ħabs fejn kien qiegħed Ray Payne, imma kif stqarret hi stess ‘ ħarġet mill-ħabs li hija għażlet li tingħalaq fih sakemm kienet għad ma ħafritx’.

IL-MAĦFRA HIJA L-AKBAR GĦTOJA

Meta taħfer tkun qed tagħti l-akbar għotja, l-akbar rigal l-ewwel u qabel kollox LILEK INNIFSEK. Meta taħfer inti tgawdi l-ewwel. Għalhekk jaqblilna naħfru mingħajr ma noqgħodu nitnikkru jew inħallu għal għada. Hija rigal ukoll lil persuna li tkun wettqet l-offiża, fil-każ tagħna lil Ray. Lil Ray f’din l-istorja nammirawh: 1) Laqa’ l-maħfra u 2) Kien kapaċi jibki ma’ Betty: “Qagħad jismagħni u bkejna flimkien.”

Fuq kollox il-maħfra hija l-akbar għotja lilna nfusna għaliex: 1) B’hekk biss inkun qed nagġixu tassew il-ħajja nisrani; 2) B’hekk inkunu qed nixbħu lill-Imgħallem tagħna l-Mulej Ġesù li ħafer lil dawk li salbuh; 3) B’hekk biss naqilgħu aħna l-maħfra ta’ dnubient għax kif ngħidu fil-‘Missierna’: “Aħfrilna dnubietna, hekk aħna naħfru lil min hu ħati għalina.”

Il-Mulej jagħtikom is-Sliem!

%d bloggers like this: