Barrin jaduraw fil-Polonja, u mirakli oħra

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Glotowo, il-Polonja

Il-ġrajja ta’ dan il-Miraklu teħodna lura sas-Seklu Tlettax, fiż-żmien meta t-truppi Litwani invadew il-Polonja. Il-Kappillan tar-raħal ta’ Glotowo, belt qrib Varsavja, difen f’għalqa ’l barra mir-raħal pissidi tal-fidda miksi bid-deheb, bil-ħsieb li jipproteġih mill-invażuri. Inċidentalment, fil-pissidi, bi żball u eċċitament min-naħa tas-saċerdot kien fadal Ostja kkonsagrat.

Tabilħaqq, il-Litwani qerdu r-raħal kif ukoll il-knisja ta’ hemmhekk.

Ħadd min-nies tar-raħal ma kien jaf jew jissoponi b’dal-pissidi midfun b’Ostja kkonsagrata ġewwa fih. Kien xi snin wara fis-sena 1290 meta din l-Ostja Kkonsagrata nstabet!

 Hemm ħafna verżjonijiet ta’ din il-ġrajja iżda kollha jaqblu fuq dal-punt: Jum wieħed fir-Rebbiegħa, hekk kif ix-xemx kienet nieżla fl-orizzont u toħloq dellijiet twal, bidwi kien qed jaħrat l-għalqa tiegħu. F’daqqa waħda l-moħriet tiegħu weħel sew mal-art. Il-bidwi b’saħħtu kollha beda jiġbed aktar il-barrin marbutin mal-moħriet sakemm inġibdet u nqalgħet tuba kbira ta’ ħamrija.Il-barrin waqfu u mielu mal-art bħallikieku f’adorazzjoni. Id-dawl fuq l-għalqa kien bħallikieku nofsinhar u fl-istess ħin dawl qawwi ħafna kien ġej mill-art jiddi fuq il-barrin għarkopptejhom. Il-bidwi ovvjament stagħġeb u beda jħaffer  fuq il-post u nnota li d-dawl qawwi kien ħiereġ minn Pissidi miksi bil-ħamrija u ħmieġ.

 Fih kien hemm Ostja intatta bajda daqs is-silġ.

Malli nxterdet l-aħbar straordinarja, l-Awtoritajiet tal-Knisja u n-nies inġabru minnufih fuq il-post u ġie deċiż li l-Ewkaristija tinġieb f’purċissjoni Solenni lejn il-knisja ta’ Dobre Miasto, belt akbar fl-inħawi. Madanakollu, skont kronika antika,  b’għaġeb ta’ kulħadd u b’mod inspegabbli  l-Ostja għebet minn hemm u reġgħet instabet propju fl-istess post fejn  kienet midfuna qabel. Dal-fatt misterjuż u fl-istess ħin mirakuluż ġie interpretat li seħħ b’Intervent Divin, u għalhekk fuq dak il-post inbniet Knisja ddedikata lil Corpus Christi. Hekk kif il-popolarità ta’ dawn il-ġrajjiet Ewkaristiċi f’Glotowo kibret matul is-sekli,il-knisja medjevali l-antika  ġiet imkabbra għall-bini li hemm illum, u fis-seklu tmintax ġiet kkonsagrat mill-ġdid mill-Isqof Krzysztot Potocki fl-24 ta’ Lulju 1726. Sal-ġurnata tal-lum, kull sena, dil-knisja tiġbed lejha bosta pellegrini li jmorru hemm biex iqimu r-Relikwja tal-Ostja Kkonsagrata, li għadha intatta sal-lum sa mis-sena 1290.

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Pariġi, Franza

Fl-Għid il-Kbir, fit-2 ta’ April 1290,ċertu Jonathas li kien jobgħod il-Fidi Kattolika u  ma kienx jemmen fil-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija rnexxielu jikseb Ostja kkonsagrata mill-knisja bil-ħsieb li jipprofana l-Ewkaristija Mqaddsa. Meta kien f’daru beda jagħti daqqiet ta’sikkina fuq l-Ostja kkonsagrata li minnha beda ħiereġ ħafna Demm, tant li mela l-kontenitur li fih kienet tpoġġiet l-Ewkaristija.

B’paniku r-raġel iddeċieda li jitfa’ l-Ewkaristija fin-nar,iżda b’mod mirakoluż l-Ostja ħarġet min-nar. Iddisprat u eċċitat, ir-raġel tefa’ l-Ewkaristija fl-ilma jagħli iżda l-Ostja wkoll b’mod mirakuluż ħarġet mill-ilma fil-preżenza tar-raġel, u bdiet iddur fl-arja, u mbagħad ħadet  l-għamla ta’ Kurċifiss. Fl-aħħar, ir-raġel, eċċitat u beżgħan għall-aħħar, ddepożita l-Ewkaristija Mqaddsa f’iskutella ta’  mara twajba, parruċċana ta’ Saint Jean-en-Grève li din ħaditha lill-kappillan tal-parroċċa. Matul is-sekli, ir-Relikwa Sagra nżammet f’relikwarju żgħir fil-knisja ta’ Saint-Jean.

Hemm bosta dokumenti li jixhdu l-ġrajjiet ta’ dal-Miraklu: L-istoriku Taljan Giovanni Villani fil-ktieb tiegħu, Kapitlu 136, jirrapporta l-fatti ewlenin kollha tal-Miraklu. Studju dettaljat tal-Miraklu sar ukoll minn Mme Moreau-Rendu fil-ktieb tagħha A Paris, Rue des Jardins ippubblikat fl-1954 b’daħla tal-Isqof Touzé li kien l-isqof Awżiljarju ta’ Pariġi. Iżda l-aktar verżjoni magħrufa tal-Miraklu tinsab fl-Histoire de l’Eglise de Paris (l-Istorja tal-Knisja ta’ Pariġi) ippubblikata fl-1948 mill-Arċisqof  Franċiż Jean-Edouard-Lucien Rupp. L-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi, il-poplu u r-Re Filippu l-Ġust iddeċidew li jibdlu d-dar ta’ Jonathas  f’oratorju imsejjaħ “id-Dar tal-Mirakli”, li jinsab fit-triq imsejħa Rue du Dieu bouilli (It-Triq ta’ Alla Mgħolli), wara l-ħruġ tal-Bolla Pontifċja tal-Papa Bonifaċju VIII.

Kull sena jsiru Ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi speċifikament ta’ Riparazzjoni għall-att sagrilegu ta’ Jonathas fit-Tieni Ħdud tal-Avvent u r-Randan.   

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Gruaro, l-Italja

Ir-Relikwja ta’ dan il-Miraklu tinżamm fil-Knisja ta’  Corpus Christi f’Valvasone, iżda l-Miraklu seħħ f’Gruaro. Fis-sena 1294 qaddejja żagħżugħa  marret fl-għajn  pubbliku tal-ħassilin fix-xmara Maira f’Versiola biex taħsel il-bjankerija tal-artal tal-Knisja ta’ San Giusto fil-Gruaro. F’daqqa waħda rat li mill-bjankerija beda ħiereg id-Demm. Waqt li bdiet tosserva aktar mill-qrib, innotat li d-Demm kien ħiereġ minn Ostja  li kienet tħalliet bi żball qalb it-tliet binjiet tal-bjankerija. Imbeżża’ b’din il-ġrajja inspegabbli marret  minnufih tavża lill-kappillan li  dan informa lill-Isqof tal-Concordia, Giacomo di Ottonello minn Cividade.

L-Isqof, wara li stħarreġ sew il-fatti, talab li jkun jista’ jżomm il-bjankerija tal-Miraklu fil-Katidral tiegħu fil-Concordia.  Madanakollu, l-Kappillan ta’ Gruaro u l-familja tal-Konti ta’ Valvasone, patruni tal-knejjes  ta’ Gruaro u ta’ Valvasone, riedu jżommu huma l-bjankerija tal-artal. Peress li ma ntaħaq ebda ftehim,  ġie deċiż li jsir rikors lis-Santa Sede. Fl-aħħar, il-Vatikan ħalla lill-familja tal-Konti jżommu r-relikwa, bil-kundizzjoni li jibnu knisja ddedikata lill-Corpus Christi. Il-bini tal-knisja tlesta fl-1483. L-eqdem u l-aktar dokument awtorevoli li jiddeskrivi l-Miraklu huwa d-digriet tal-Papa Nicholas V miktub fl-1454. Dokument awtorevoli ieħor tas-sena 1765 li jiddeskrivi dan il-Miraklu hu tal-istoriku lokali Antonio Nicoletti.

Illum il-bjankerija hi miżmuma b’għozza kbira f’ċilindru tal-kristall f’relikwarju prezzjuż  tal-fidda maħdum fis-sena 1755 mill-Venezjan Antonio Calligari. It-Tifkira tal-Bjankerija Imqaddsa  hi ċċelebrata fil-ħames  Ħamis tar-Randan, wara jiem ta’ Adorazzjoni Ewkaristika.  Fil-festa ta’ Corpus  il-relikwarju jinħareġ kull sena f’purċissjoni Solenni bl-Ewkaristija f’Valvasone.

Aktar tard inbena Mafkar kbir biex ifakkar dal-Miraklu Ewkaristiku u r-rikonċiljazzjoni bejn Gruaro u Valvasone (ritratt).

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Ġerona, fi Spanja

Dal-Miraklu seħħ fil-knisja tal-Monasterju antik tal-Benedittini ta’ San Daniele f’Ġerona fejn sas-seklu li għadda relikwarju prezzjuż kien ippreservat b’għożża kbira  li fih kienu jinżammu l-Ostja Kkonsagrat mibdula f’Laħam ħaj flimkien ma’ korporal ta’ fuq l-Artal imtebba’ bid-Demm Qaddis,  li l-poplu isejjaħ Sant Dubt jew id-Dubju Imqaddes għax waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa saċerdot iddubita mill-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija.Meta wasal il-mument tat-tqarbin is-saċerdot ma rnexxilux  jibla l-Ostja  kkonsagrata li kienet inbidlet f’Laħam ħaj f’ħalqu.

Il-Ġrajja fid-dettal:  Fis-sena 1297 filwaqt li jassistu għall-quddies fil-kappella tagħhom is-sorijiet innutaw li fil-mument tal-konsum tal-Ostja kkonsagrata ċ-Ċelebrant  infixel u tħawwad sew. Soru li segwiet sew ir-rit minn fuq l-artal rat liċ-ċelebrant ineħħi xi ħaġa minn fommu u wara geżwirha f’korporal u poġġieha f’ġenb tal-artal. Wara l-quddiesa, is-soru minnufih marret lejn l-artal biex tivverifika x’kien ħeba is-saċerdot fil-Korporal abjad u b’istagħġib kbir skopriet li  kien fih biċċa żgħira ta’ Laħam tqattar id-Demm. Meta staqsiet lis-saċerdot dwar dan huwa stqarr li waqt li kien qiegħed jitqarben huwa ddubita mill-Preżenza reali ta’  Ġesù fl-Ewkaristija, u hekk kif  kien poġġa l-Ostja Qaddisa  f’ħalqu  d-daqs żdied b’tali mod u b’konsistenza li ma kienx kapaċi jibla’ l-ispeċi Sagra u  għalhekk ħariġha minn ħalqu u geżwer l-Ewkaristija f’wieħed mill-korporali u ħalla  is-Sagrament fuq l-artal.

Wara,l-Ostja Sagra mibdula f’Laħam ħaj tqegħdet f’Relikwarju flimkien mal-Korporal imċappas bid-Demm Qaddis ta’ Ġesù Kristu. 

Sfortunatament, ħafna mid-dokumenti rilevanti tal-Miraklu kienu ntilfu u r-Relikwarju għażiż ġie meqrud  waqt il-gwerra ċivili  fis-sena  1936.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading