“Nixtieq nilqa’ t-tluq tal-ewwel vapuri mgħobbija bil-qamħ mill-portijiet tal-Ukrajna”. Hekk qal il-Papa Franġisku, l-Ħadd wara t-talba tal-Angelus.
Il-Ħadd, erba’ vapuri tal-ġarr bl-ingrossa salpaw mill-portijiet tal-Baħar l-Iswed, wara li l-ġimgħa li għaddiet ħareġ l-ewwel vapur mill-port ta’ Odessa, wara l-invazzjoni tar-Russja fl-Ukrajna, fl-24 ta’ Frar.
Il-Papa qal li ftehim ifassal it-triq ‘il quddiem lejn il-paċi.
“Dan il-pass juri li huwa possibbli li niddjalogaw u jinkisbu riżultati konkreti, li jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd. Għalhekk din il-ġrajja tista’ titqies bħala sinjal ta’ tama, u sinċerament nittama li, wara din it-triq, inkunu nistgħu nwaqqfu l-ġlied u naslu għal paċi ġusta u dejjiema”.
It-Turkija u n-Nazzjonijiet Uniti ffissaw ftehim f’Lulju bejn ir-Russja u l-Ukrajna, biex jippermettu l-esportazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel Ukren mill-Baħar l-Iswed. Il-ftehim temm imblokk ta’ xhur ta’ portijiet Ukreni, li kien wassal għal prezzijiet tal-qamħ jogħlew madwar id-dinja. In-Nazzjonijiet Uniti kienet wissiet dwar il-possibilità ta’ tifqigħa ta’ ġuħ f’diversi postijiet minħabba n-nuqqa ta’ vjaġġi tal-qamħ mill-Ukrajna. Qabel il-gwerra, l-Ukrajna u r-Russja flimkien kienu jiffurmaw kważi terz tal-esportazzjonijiet globali tal-qamħ.
F’Istanbul, ġie stabbilit Ċentru Konġunt ta’ Koordinazzjoni biex jissorvelja t-tbaħħir tal-qamħ mill-Ukrajna, u f’dan iċ-ċentru hemm persuna Russa, Ukrena, Torka, u persuna min-Nazzjonijiet Uniti. Skont l-awtoritajiet Ukreni, l-erba’ vapuri tal-ġarr bl-ingrossa li ħallew il-port, bejniethom kienu qed iġorru kważi 170,000 tunnellata ta’ qamħirrun u ikel ieħor.
Is-Sibt kien l-ewwel darba li bastiment b’bandiera barranija wasal fl-Ukrajna biex jitgħabba bil-qamħ minn mindu faqqgħet il-gwerra fi Frar. Il-ministru tal-Infrastruttura Ukrena qal il-Ħadd, li l-pajjiż jittama li dalwaqt ikun jista’ jibgħat madwar 3 miljun tunnellata ta’ oġetti kull xahar. Oleksander Kubrakov fuq Facebook qal: “Qed nimxu gradwalment għal volumi akbar ta’ xogħol. Qed nippjanaw li niżguraw l-abbiltà tal-portijiet li jimmaniġġjaw mill-inqas 100 bastiment fix-xahar fil-futur qrib”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-08/pope-francis-ukraine-russia-grain-appeal-peace.html