Is-Sagrament fin-nirien u ġrajjiet oħra

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar

Żewġ Mirakli Ewkaristiċi fl-Olanda

Fis-sena 1342 waqt maltempata qawwija b’ragħad vjolenti fuq ir-raħal  ta’ Stiphout, fl-Olanda, sajjetta laqtet il-knisja u kkawżat fiha nirien  kbar, li malajr infirxu mal-knisja kollha. Il-kappillan anzjan Jan Hocaerts, eċċitat ġera minnufih jitlob l-għajnuna tan-nies tar-raħal. Grupp ta’ raħħala mmexxija minn Jan Baloys ddeċidew li jsalvaw is-Sagrament min-nirien. Kien impossibbli li wieħed jidħol fil-knisja.L-unika soluzzjoni kienet li xi ħadd jinżel minn tieqa tal-knisja. Jan Baloys innifsu offra jagħmel dan. Wara li kisser il-ħġieġ tat-tieqa kbira ħdejn l-artal huwa rnexxielu jinżel fil-knisja. Bi stagħġib kbir ra li l-fjammi li diġà  kienu qerdu l-knisja   inżammew ’l bogħod mit-tabernaklu. Malajr fetaħ it-tabernaklu qabad il-pissidi li kien fih l-Ostji Kkonsagrati u dlonk ħareġ bih mill-knisja.

Kulħadd  beda jgħajjat:“Miraklu! Miraklu!”

Aktar tard il-knisja nbniet mill-ġdid u l-Ostji baqgħu intatti sal-1557. Minħabba tilwim storiku politiku u reliġjuż f’dak ir-raħal,intilfet kull traċċa tal-Ostji kkonsagrati.Iżda,minbarra l-ħafna dokumenti li jiddeskrivu l-Miraklu, hemm ukoll pittura fil-knisja li turi dal-Miraklu. Dil-ġrajja tiġi ċċelebrata min-nies tar-raħal kull sena, speċjalment fil-festa ta’ Corpus Christi.

…………………………….

Amsterdam, il-belt Kapitali Olandiża, għadha  tissejjah  Il-Belt Miraklu. Dan għaliex sa mill-Medju Evu kienet post ta’ bosta pellegrinaġġi. Skont l-istorja ta’ dil-belt fit-13 ta’ Marzu 1345, ċertu sajjied Ysbrand Dommer li kien marid serjament fid-dar tiegħu fuq Die Lane, illum Kalverstratt, talab għal saċerdot mill-knisja ta’ Oude Kerk biex jamministralu l-Aħħar Riti, iqarru u jqarbnu. Iżda hekk kif tqarben il-marid ħassu tant ma jiflaħx li rremetta l-Ostja f’fiskatur żgħir. Wara, ir-remettar intefa’ fin-nar fil-fuklar.

L-għada Ysbrand ħassu mfejjaq għalkollox. Il-qaddejja tiegħu meta  l-għada marret biex tqalleb il-faħam biex terġa’ tkebbes in-nar innutat dawl stramb iċċentrat  fuq l-Ostja li kienet kompletament intatta u sospiża fl-arja. Il-mara bdiet tgħajjat. Inġabru ħafna nies biex jaraw x’ġara! Ysbrand ħa l-Ostja kkonsagrata geżwirha fi drapp tal-għażel u poġġieha f’kaxxa.Minnufih ħadha għand il-kappillan…. Iżda l-Miraklu tkompla: tliet darbiet is-saċerdot kellu jerġa’ lura fid-dar ta’ Ysbrand biex jirkupra mill-ġdid l-Ostja li mirakolużament reġgħet dehret hemmhekk. Imbagħad ġie deċiż li d-dar ta’ Ysbrand tinbidel f’kappella.

Nhar Ħadd il-Għid kull min kien xhieda tal-Miraklu u s-sindku ta’ Amstel ġabru rapport tal-ġrajjiet li  ngħata lill-Isqof ta’  Utrech, Jan van Arkel, li awtorizza d-devozzjoni lejn il-Miraklu. Fis-sena 1452 il-kappella nqerdet minn  nar, iżda l-ostensorju li kien fih l-Ostja tal-Miraklu baqa’ intatt, u ġie transferit fil-kappella tal-kunvent tal-Beghine. Iżda, sfortunatament, ftit wara ġie misruq minn xi ħallelin. L-uniċi oġġetti li baqgħu mill-Miraklu hija l-kaxxa li qabel kien fiha l-Ewkaristija, id-dokumenti li jiddeskrivu l-Miraklu u xi pitturi li jinsabu fil-Mużew storiku ta’ Amsterdam.

Kull sena ssir purċissjoni siekta (Stille Omgang) lejlet Ħadd il-Palm f’ġieħ dal-Miraklu.   

Il-Miraklu f’Krakow, fil-Polonja  

Fis-sena 1345 xi ħallelin serqu pissidi b’Ostji Kkonsagrati fih mill-knisja fir-raħal ta’ Wawel,qrib Krakow. Ħarbu bih, iżda meta ndunaw li l-pissidi ma kienx tad-deheb irmewh bl-Ostji b’kollox f’bassasa mimlija tajn barra mir-raħal. Is-saċerdoti mill-knisja bdew tfittxija kbira iżda  qatgħu qalbhom li jsibuh. Madanakollu, meta dalam  mill-post fejn kien hemm il-pissidi kilometri ’l bogħod deher dawl qawwi u misterjuż. Ir-raħħala mbeżżgħin resqu lejn iż-żona u rrappurtaw kollox lill-isqof ta’ Krokow. L-Isqof sejjaħ għal tlett ijiem ta’ talb u  sawm. Fit-tielet jum mexxa purċissjoni lejn il-bassasa tat-tajn. Hemm sabu l-pissidi bl-Ostji kkonsagrati mhux mittiefsa u li minnhom beda ħiereġ dwal mhux tas-soltu. Il-kleru u n-nies bdew jitolbu u jiċċelebraw dal-miraklu kull sena fl-okkażjoni tal-festa ta’ Corpus.

Fis-sena 1345,ir-Re Każimar III tal-Polonja ordna li tinbena knisja f’ġieħ dal-Miraklu,li kien ivverifikat bħala awtentiku mill-awtoritajiet tal-Knisja f’dik l-istess sena. F’dil-knisja hemm pitturi u dokumenti relatati ma’ dal-Miraklu.       

Il-Miraklu f’Alboraya-Almácera, Spanja 

Fis-sena 1348 saċerdot li kien qiegħed iġorr pissidi li kien fih l-Ewkaristija  iddestinata għal xi morda kien qed jaqsam xmara fuq dahar ta’ bagħal. F’daqqa waħda  s-saċerdot ġie mwaqqa’ minn fuq il-bagħal minn mewġa kbira. Is-saċerdot waqa’ fl-ilma bil-pissidi, li tbattal mill-kontenut prezzjuż tiegħu,l-Ostji kkonsagrati, li bdew jinġarru mill-kurrent lejn il-bokka tax-xmara fil-qrib.

Is-saċerdot li bilkemm seta’ isalva lilu nnifsu mill-ilmijiet, mimli rimors u dispjaċir b’dak li kien ġralu, ġie megħjun minn xi sajjieda li kienu mistagħġba ukoll b’dak kollu li raw: Huma qalulu li fil-post fejn kien  nieżel l-ilma tax-xmara fil-baħar, raw tliet ħutiet f’wiċċ il-baħar kull waħda b’xi ħaġa tonda bajda, tixbaħ Ostja tat-Tqarbin, f’ħalqha. Is-saċerdot minnufih ġera lejn il-knisja u mar lura lejn ix-xmara b’pissidi ieħor. Għamel kollox b’għaġġla tant li lanqas waqaf jistaqsi lilu nnifsu jekk l-istorja tas-sajjieda kinetx kredibbli. Iżda,kbir kien il-ferħ tiegħu meta ra li t-tliet ħutiet kienu hemm, kważi kompletament barra mill-ilma, jerfgħu l-Ostji intatti f’ħalqhom. L-Ostji kkonsagrati ġew irkuprati mill-ewwel u miġjuba lura fil-knisja f’purċissjoni solenni li fiha ħa sehem ir-raħal kollu.

Illum għadu possibbli li jiġu kkonsultati bosta dokumenti li jixhdu dal-Miraklu. Saħansitra teżisti knisja żgħira, b’żewġ ħutiet skolpiti fuq il-bieb, mibnija ħdejn il-post tal-miraklu, u żewġ pitturi li juru l-ġrajja kollha. Hemm ukoll monument kbir tal-ħadid f’nofs il-pjazza tar-raħal juri  ħuta b’Ostja f’ħalqha tirrappreżenta dal-Miraklu.    

Il-Miraklu f’Macerata, Italja

Fil-25 ta’ April 1356 saċerdot kien qiegħed jiċċelebra l-quddiesa fil-kappella tal-Knisja ta’ Santa Katerina, propjetà tal-patrijiet Benedittini. Waqt il-qsim tal-ħobż Ewkaristiku qabel it-tqarbin is-saċerdot beda jiddubita mir-Realtà tat-Transustanzjazzjoni Ewkaristika,il-Preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ostja ikkonsagrat, u meta qasam l-Ostja l-Kbira ra d-Demm nieżel mill-Ostja u jaqa’ fuq il-korporal, it-terħa u l-kalċi. Is-saċerdot innifsu minnufih informa lill-isqof Nikola ta’ San Martino, li dan ordna li l-Ostja u r-relikwi tad-drapp imtebba’ bid-demm jittieħdu fil-Katidral ta’ Santa Marija Assunta u San Giuliano, u waqqaf proċess kanoniku regolari.

 F’dal-Katidral tinżamm ukoll il-parċmina li fuqha huwa deskritt il-Miraklu.Barra minn hekk,l-istoriku Ferdinando Ughelli isemmi dal-Miraklu fil-ktieb tiegħu Italia Sacra del 1647 u jiddeskrivi kif “sa mis-seklu erbatax il-Korporal u t-terħa tal-Miraklu jinġarru  f’purċissjoni  Solenni fil-festa ta’ Corpus Christi f’urna tal-kristall u tal-fidda wara s-Santissimu Sagrament, bil-sehem ta’ nies kollha tal-belt ta’ Piceno.”

 F’Macerata, fis-sena 1493 ġiet istitwita waħda mill-ewwel Konfraternitajiet f’ġieħ l-Ewkaristija, u kien hawn ukoll li fl-1556 ġiet  istitwita l-prattika qaddisa tal-Erbgħin Siegħa ( magħrufa aħjar bħala l-Kwarantuni).

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading