Qari I
QARI I
Alla lil Ġesù għamlu Mulej u Kristu.
Atti 2:14a,36-41
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru flimkien mal-Ħdax qam u qal lil-Lhud b’leħen għoli: “Ħa jkun jaf fiż-żgur il-poplu kollu ta’ Iżrael li lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija”.
Dan il-kliem li semgħu laqtilhom qalbhom, u qalu lil Pietru u lill-Appostli l-oħra: “L-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?”. U Pietru weġibhom: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom; u intom tirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Għax il-wegħda qiegħda għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod, dawk kollha li l-Mulej Alla tagħna sejħilhom”.
U b’ħafna kliem ieħor tahom xhieda u wissiehom billi qalilhom: “Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin”. Għalhekk dawk li laqgħu kliemu tgħammdu u dakinhar ingħaqdu mad-dixxipli madwar tlitt elef ruħ.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 22(23):1-3a,3b-4,5,6
℟. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi: xejn ma jonqosni.
Jew
℟. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi:
xejn ma jonqosni.
F’mergħat kollha ħdura jqegħedni,
ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni.
Hemm hu jrejjaqni. ℟.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. ℟.
Inti tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. ℟.
Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! ℟.
QARI II
Intom erġajtu lura għand ir-ragħaj u l-għassies ta’ ruħkom.
1 Piet 2:20b-25
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież, jekk tagħmlu t-tajjeb
u ssofru t-tbatija bis-sabar,
din tkun grazzja quddiem Alla.
Għal dan intom kontu msejħa,
għax Kristu wkoll bata għalikom
u ħallielkom eżempju,
biex timxu fuq il-passi tiegħu:
hu li ma kien għamel ebda dnub,
u ebda qerq ma nstab f’fommu,
meta għajruh ma weġibx bit-tagħjir,
meta bata ma heddidx
imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust.
Hu tgħabba bi dnubietna
sa fuq is-salib,
biex aħna mmutu għad-dnubiet,
u ngħixu għall-ġustizzja.
Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu.
Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa,
imma issa rġajtu lura għand ir-ragħaj
u l-għassies ta’ ruħkom.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10:14
Hallelujah. ℟. Hallelujah.
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,
u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.
℟. Hallelujah
EVANĠELJU
Il-bieb tan-nagħaġ huwa jien.
Ġw 10:1-10
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.
Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.
Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha. Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. It-tifħir lilek, Kristu.