Korporal bid-demm u mirakli oħra

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

Il-Miraklu f’Bois-Seigneur-Isaac, fil-Belġju

Fis-sena 1405 Sidna Ġesu Kristu  deher lil Jean de Bois ta’ Huldenberg,żagħżugħ minn familja sinjura, fir-raħal żgħir ta’ Bois-Seigneur- Isaac, madwar 15-il mil fin-nofsinhar ta’ Brussell. Il-Mulej wera lilu nnifsu miksi bil-ġrieħi Tiegħu. Huwa deher lil Jean darbtejn u mbagħad  fit-tielet dehra tiegħu, Huwa qal lil Jean : “Mur fil-kappella ta’ Iżakk. Jien inkun hemm.” Fl-istess ħin, il-kappillan, Pietru Ost,sema’ leħen jgħidlu biex  iqaddes il-quddies tas-Salib Imqaddes fil-Kappella ta’ Iżakk. Sadanittant, il-kappillan ma kien jaf xejn dwar id-dehriet ta’ Jean. L-għada l-kappillan sejjaħ lill-fidili għall-quddiesa fil-Kappella. Jean kien fost il-ġemgħa.

Fil-5 ta’ Ġunju,1405, waqt il-Quddiesa,il-kappillan fetaħ il-korporal u ra li kien hemm Partiċella tal-Ostja l-Kbira li kienet ġiet ikkonsagrata t-Tlieta ta’ qabel. Ipprova jikkonsma l-Ostja, imma l-Ewkaristija kienet imqabbda mal-Korporal u minnha beda ħiereġ id-Demm. Jean osserva dan u qal lill-kappillan:“Tibżax, din il-ħaġa tal-għaġeb ġejja minn Alla” u qallu bid-dehriet li kellu.

 Għal erbat ijiem sħaħ id-Demm fuq il-korporal baqa’ ħiereġ sakemm kesa u tebba’ l-korporal kollu (ritratt fuq). Imbagħad bil-mod il-mod id-Demm ikkoagula u nixef. Il-Miraklu kien deher u attestat minn ħafna nies. Il-Kappillan għarraf b’kollox lill-Isqof ta’ Cambrai, Pietru d’Ailly,li dan beda l-investigazzjoni tiegħu u jiġbor ix-xhieda kollha. L-Isqof żamm għandu l-korporal għal madwar sentejn.Fis-16 ta’ Ġunju 1410, L-isqof iddikjara l-miraklu bħala ġenwin u ħalla li l-kappella ssir post ta’ pellegrinaġġi (ritratt isfel).  Huwa ta wkoll indulġenzi ta’ 40 jum lil dawk kollha li jżuru l-Kappella li fiha nżammet ir-relikwa f’Bois-Seigneur-Isaac. Il-kanonċi Agostinjani ġew imsejħa biex jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali tan-numru dejjem jikber ta’ pellegrini, u l-prijorat li stabbilixxew hemmhekk malajr  sar awtonomu, u sar abbazija indipendenti fl-1416 bħala l-Abbazija ta’ Bois-Seigneur- Isaac (Abbatia Silvae Domini-Isaac), membru tal-Kongregazzjoni riformista ta’ Windeshein (Congregatio Vindesemensis) li hija Kongregazzjoni ta’ kanoniċi Agostinjani regulari.

 Fit-3 ta’ Mejju 1413 l-Isqof  ħalla l-korporal jiġi meqjum bħala relikwa u li ssir   purċissjoni solenni  f’ġieħ il-Miraklu flimkien mal-Espożizzjoni Ewkaristika pubblika, biex jonora lil Ġesu li huwa tabilħaqq preżenti fl-Ewkaristija.

 Ir-relikwa issa tinsab għall-qima tal-pubbliku fil-kappella tal-Abbazija.

Kull sena,il-Ħadd  ta’ wara t-Tifkira tat-Twelid ta’ Marija Santissima n-nies tar-raħal jinġabru flimkien fit-talb biex jiċċelebraw it-tifkira ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku.  

Il-Miraklu ta’ Weiten-Raxendorf, fl-Awstrija

Fl-Awstrija tas-seklu ħmistax kien hemm numru ta’ serqiet ta’ Ostji kkonsagrati. Għalhekk,l-awtoritajiet tal-Knisja bdew iżommu l-Ostji kkonsagrati fis-sagristija. Minkejja dawn il-prekawzjonijiet, fis-sena 1411 ħalliel irnexxielu jisraq Ostja kkonsagrata mill-Knisja parrokkjali f’Weiten, u daħħalha f’waħda mill-ingwanti tiegħu. Tela’ fuq iż-żiemel u ħarab lejn ir-raħal ta’ Spitz. Minflok ma ħa it-triq ewlenija għażel li jgħaddi mit-triq tal-ġenb li tgħaddi mill-wied ta’ Muhldorf.

Meta wasal fil-post,li llum hu mmarkat b’kappella f’ġieħ il-Miraklu li seħħ hemmhekk, iż-żiemel waqaf u ma riedx jiċċaqlaq, minkejja li sidu beda jsawtu.Xi ħaddiema li kienu  qed jaħdmu fl-għelieqi marru biex jgħinuh,iżda ma kien hemm l-ebda mod li  setgħu ċċaqalqu ż-żiemel. Baqa’ wieqaf bħal statwa. Imbagħad f’daqqa waħda iż-żiemel qabeż u beda jiġri kemm jiflaħ.L-Ewkaristija moħbija fl-ingwanta tal-rikkieb waqgħet fl-art mingħajr ħadd ma nduna. Ftit jiem wara ċerta Sinjura Scheck minn Mannersdorf għaddiet mill-post u rat l-Ostja kkonsagrata mdawra b’dawl qawwi. B’qima kbira qabdet l-Ewkaristija Mqaddsa u rat li l-Ostja kienet maqsuma f’żewġ partijiet imma baqgħet magħquda flimkien bi ħjut ta’ Demm.Imqanqla ħafna u bi spejjeż tagħha,bħala radd ta’ ħajr,bil-permessi tal-Awtoritajiet tal-Knisja, hija bniet kappella żgħira fuq dak  il-post fejn inżammet ir-relikwa tal-Ostja.

Hekk kif inxterdet l-aħbar tal-Miraklu,ħafna pellegrini ġew fuq il-post.Wara stħarriġ tal-Knisja ġie deċiż li tinbena knisja akbar f’ġieħ dal-Miraklu biex tilqa’ l-għadd kbir ta’ pellegrini li kienu jqimu ir-relikwa.  

Il-Miraklu ta’ Ludbreg, fil-Kroazja

Fis-sena 1411 f’Ludbrag, fil-kastell tal-Konti Battyany,saċerdot waqt li kien qiegħed jiċċelebra quddiesa beda jiddubita mill-verità tat-Transubstanzjazzjoni. Fil-ħin tal-Konsagrazzjoni l-inbid inbidel f’Demm.Is-saċerdot tħawwad u ma kienx jaf x’jaqbad jagħmel. Għalhekk daħħal kontenitur bid-Demm Imqaddes fil-ħajt ta’ wara l-artal maġġur. Il-ħaddiem li għamilu ix-xogħol ħalef li ma jgħid xejn. Il-qassis żammha sigrieta wkoll u stqarr din il-ħaġa biss fil-ħin tal-mewt tiegħu. Wara din l-istqarrija tas-saċerdot, l-aħbar inxtered u n-nies bdew jagħmlu pellegrinaġġi lejn Ludberg. Is-Santa Sede aktar tard kellha r-relikwa tal-miraklu tinġieb Ruma, fejn baqgħet hemm għal diversi snin. Madanakollu, in-nies ta’ Ludbreg u tal-inħawi tal-madwar baqgħu jagħmlu pellegrinaġġi lejn il-kappella tal-kastell.

Fil-bidu tas-snin 1500 waqt il-Pontifikat tal-Papa Ġulju II, f’Ludbrag twaqqfet kummissjoni biex tinvestiga l-fatti kollha konnessi ma’ dal-Miraklu. Ħafna nies xehdu li kien rċevew fejqan mirakoluż waqt li talbu fil-preżenza tal-relikwa.

 Fl-14 ta’ April 1514, il-Papa Ljun X ippubblika Bulla Pontifiċja li tippermetti l-qima lejn dir-relikwa qaddisa u li hu stess kien iġorrha f’purċissjoni (ritratt) fit-toroq ta’ Ruma.Ir-relikwa aktar tard ġiet irritornata fl-Kroazja.

Fis-seklu tmintax il-poplu fit-tramuntana tal-Kroazja ntlaqat mill-pesta.Il-poplu dar lejn Alla biex jitolbu l-għajnuna tiegħu u l-Parlament Kroat għamel l-istess.Waqt is-sessjoni Parlamentari tal-15 ta’ Diċembru 1739 fil-belt ta’ Varazdin ġie deċiż u mwiegħed  li tinbena kappella f’Ludberg f’ġieħ il-Miraklu jekk tintemm il-pesta. Il-pesta ntemmet,  iżda l-wiegħda twettqet biss fl-1944, aktar minn mitejn sena wara, meta d-demokrazzija ġiet irrestawrata fil-Kroazja. Interessanti ngħidu li fl-2005 fil-kappella votiva tal-kastell l-artist Marijan Jakubin pinġa affresk kbir tal-Aħħar Ċena li fiha ġew impinġija qaddisin u beati Kroati minflok l-Appostli. San Ġwann ġie sostitwit mill-Beatu Ivan Merz, li kien inkluż fost l-aktar tmintax-il qaddis Ewkaristiku importanti fl-Istorja tal-Knisja. Fil-pittura Ġesu Kristu jidher qiegħed iżomm f’idejh Relikwarju tal-Miraklu Ewkaristiku (ritratt).

 Fit-22 ta’ Mejju,2011,fis-Santwarju ta’ Ludbreg, il-Knisja u l-poplu Kroat iċċelebraw is-600 Anniversarju minn dan il-Miraklu Ewkaristiku. Numru kbir ta’ Kroati minn diversi  partijiet tal-Kroazja, il-Bożnja, Ħerzegovina u Vojvodina (Serbja) ħadu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni ppreseduta minn Mons. Josip Mrzijak, Isqof ta’ Varazdin.  

Il-Miraklu ta’ Herentals fil-Belġju.  

Fis-sena 1412 ċertu Jan van Langerstede kien jaqla’ l-għajxien tiegħu billi jisraq l-oġġetti Sagri mill-knejjes u imbagħad ibigħhom madwar Ewropa. Waqt li kien f’villaġġ qrib Poederlee daħal fil-knisja u seraq il-kalċi u l-pissidi li fih kien hemm ħames Ostji kkonsagrati. Waqt li kien qed jirritorna Herentals fejn kien joqgħod f’lukanda fiż-żona magħrufa bħala “De Hegge” ħassu mrażżan minn forza misterjuża li żammitu milli jkompli l-vjaġġ. Ħeba l-Ostji f’ħofra mħaffra mill-fniek selvaġġi u imbagħad mar lura Herentals.

Fi triqtu ġie imwaqqaf mill-pulizija li meta fittxewlu fil-bagalji sabulu l-oġġetti kollha misruqa, inklużi l-kalċi u l-pissidi mingħajr l-Ostji. Huwa ġie kkundannat mill-Imħallef Gilbert de Pape għall-mewt. Iżda hekk kif kien sejjer għall-forka baqa’ jiġi mħeġġeġ minn saċerdot biex jgħid fejn tefa’ l-Ostji u jekk jindem u jistqarr fejn ħeba l-Ostji d-dnub tiegħu jkun maħfur. Jan sa fl-aħħar stqarr fejn kien ħeba l-Ostji kkonsagrati, u nidem minn dnubietu. Il-qorti ssospendiet is-sentenza u ġie ordnat li jindika l-post fejn kien ħeba l-Ostji biex il-qorti tivverifika l-awtentiċità tal-istqarrija tiegħu.

Għadd kbir ta’ nies marru warajhom.Kulħadd baqa’ mistagħġeb meta raw l-Ostji kkonsagrati, li kien ilhom hemm tmint ijiem sħaħ, kienu jiddu u jiffurmaw Salib. L-Ostji mirakolużament baqgħu intatti minkejja x-xita li kienet niżlet ftit qabel. Minnufih, l-Ostji ġew meħuda f’purċissjoni. Wara,wħud minnhom inżammu fil-knisja ta’ Herentals u  oħrajn fil-knisja ta’ Poederlee,fejn baqgħu hemm sas-seklu sittax.

Fit-2 ta’ Jannar 1442,il-Miraklu ġie ddikjarat awtentiku mill-Awtoritajiet Ekklesjastiċi. Fil-post fejn instabu l-Ostji  ġiet mibnija kappella żgħira li marru jżuruha numru ta’ prelati,fosthom Jean Malderus, Isqof ta’ Anvers fis-sena 1620 u l-Papa Benedittu XIV fis-sena 1749.

Eliżabetta Van Gorlitz,bint Ġwanni ta’ Lussemburgo,Konti ta’ Brienne,  ħalset l-ispejjeż għall-bini tat-tkabbir tal-Kappella li wara saret Santwarju.

 Kull sena żewġ pitturi tal-pittur magħruf Antoon van Ysendyck, li ppreżentaw dan il-Miraklu, jittieħdu  f’purċissjoni fl-għalqa fejn il-Kappella kienet ġiet mibnija fis-sit fejn seħħ dan il-Miraklu. Hemmhekk  tiġi ċċelebrata quddies kommemorattiva li għaliha jattendu ħafna nies devoti ta’ dan il-Miraklu. Iż-żewġ pitturi fil-preżent jinsabu fil-Katidral ta’ Waldetrudiskerk, f’Herentals.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading