Il-Papa jikkundanna l-attakki tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo: “Aħna qed naraw it-terrur”

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku kkundanna “t-terrur” li qed ikompli “jagħmel imdemmi” lir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u kkundanna l-attakk ta’ terrur “inaċċettabbli” kontra ċ-ċivili mingħajr diviża fi sptar tal-missjoni Kattolika, f’rejd li sar nhar l-Erbgħa li għadda filgħaxija. Fil-konklużjoni tal-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, l-Qdusija Tiegħu għamel appell għall-paċi fil-pajjiż Afrikan imkisser minn vjolenza kontinwa.

Il-Papa Franġisku qal li “jiddeplora bil-qawwa l-attakk inaċċettabbli” li seħħ fl-aħħar jiem fir-raħal ta’ Maboja fil-provinċja ta’ Kivu ta’ Fuq. Huwa maqdar l-imwiet ta’ dawk “bla difiżi”, fakkar li fost il-mejtin kien hemm soru reliġjuża, Sr. Sylvie Kalima, ħaddiema fil-kura tas-saħħa.

“Ejja nitolbu għall-vittmi u l-familji tagħhom, kif ukoll għall-komunità Nisranija u l-abitanti ta’ dak ir-reġjun, li ilhom għal żmien twil eżawriti bil-vjolenza”.

Ir-rejd ta’ nofs il-lejl tal-Erbgħa fir-raħal ta’ Mabpya jimmarka l-aħħar mill-attakki ntensifikati mwettqa mill-Forzi Demokratiċi Alleati (ADF), grupp ribelli Iżlamiku Kongoliż. Ir-ribeli kellhom fil-mira tagħhom l-isptar, qatlu pazjenti u membru tal-persunal, serqu drogi u tagħmir mediku, u taw in-nar l-istruttura. Fl-4 ta’ Ottubru, għoxrin Nisrani nqatlu fir-raħal ta’ Kainama, fl-istess provinċja. L-attakki tal-ADF fil-provinċji ta’ Kivu ta’ Fuq u Ituri saru frekwenza regolari. Fi Frar, irġiel armati qatlu qassis li kien qed jirritorna fil-parroċċa tiegħu wara li ċċelebra Quddiesa għall-Jum Dinji tal-Ħajja Kkonsagrata.

L-Isqof Melchisédec Sikuli Paluku tad-Djoċesi ta’ Butembo-Beni wkoll tkellem fuq dawn l-avvenimenti. Huwa qal: “Il-kliem ma jistax jesprimi t-terrur li qabeż il-limitu! Dan l-attakk, li d-Djoċesi tikkundanna bil-qawwa għal kemm-il darba, li rriżulta fit-telf ta’ ħajjiet umani, b’mod partikolari dik tat-tabiba Sor Marie-Sylvie Kavuke Vakatsuraki”.

Il-Papa Franġisku esprima l-intenzjoni tiegħu li jżur ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo kemm jista’ jkun malajr. Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, fil-bidu ta’ Lulju wassal il-qrubija tal-Papa lill-poplu fin-nazzjoni Afrikan.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-10/pope-francis-makes-appeal-for-congo-general-audience.html

%d bloggers like this: