Is-Sagrament tal-Ewkaristija u Mirakli fis-sekli 14 u 15

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sagrament tal-Ewkaristija

l-Kobor u l-għana bla qies ta’ dan is-Sagrament jidher mill-ħafna ismijiet li jingħatalu u li bihom nirreferu għalih. Kull wieħed minn dawn l-ismijiet ifakkarna u jġegħelna nirriflettu fuq id-diversi aspetti u tifsiriet ta’ dan is-Sagrament.Hekk das-Sagrament minbarra li jissejjaħ komunament Ewkaristija, jissejjaħ ukoll: il-Qsim tal-Ħobż; l-Ikla tal-Mulej; it-Tifkira tal-Passjoni u l-Qawmien ta’ Kristu; il-Ħaruf ta’ Alla; il-Misteru ta’ Alla; is-Sagrifiċċju Qaddis; Liturġija Qaddisa; Tqarbin u Quddies. Ikun xieraq li filwaqt li f’dis-sensiela nitkellmu dwar id-diversi Mirakli Ewkaristiċi li seħħew matul l-istorja tal-Kristjaneżmu,nitkellmu u nirriflettu flimkien dwar l-Ewwel u l-Akbar Miraklu  Ewkaristiku li wettaq Ġesù Kristu nnifsu fil-Preżenza Reali Tiegħu stess u tal-Appostli tiegħu, l-ewwel Saċerdoti Kristjani, fl-Aħħar Ikla Tiegħu magħhom. Għaldaqstant,kemm tkun ħaġa tabilħaqq  qaddisa u sabiħa li nirriflettu ftit  dwar dawn id-diversi aspetti tal-Ewkaristija u t-tifsiriet tagħhom.

Ewkaristija(i)

L-Etimoloġija tal-kelma Ewkaristija ġejja mill-Grieg Koine, il-lingwa li biha inkitbu l-Kotba tat-Testment il-Ġdid. Għalhekk, il-kelma Griega eukharistia (mill-verb eukharisteo, li jintuża għal “li tirringrazzja, trodd ħajr” fis-Septwaġinta -‘‘it-terminu Settanta, li jfisser “sebgħin” fil-fatt jirreferi  għat-tnejn u sebgħin tradutturi minn Ġerusalemm – sitta minn kull tribu ta’ Iżrael – involuti fl-ewwel traduzzjoni,qlib, tal-Pentatewku tat-Testment l-Antik tal-Iskrittura Ebrajka mil-Lhudi għall-Grieg li saret f’Lixandra fit-Tielet seklu QK” );  il-kelma bil-Latin eucharistia li minnha nnifisha hi traduzzjoni tal-kelma Ebrajka berekah,  tfisser ringrazzjament, radd il-ħajr lil Alla. Dan it-terminu oriġina fl-Ewwel Sekli wara Kristu hekk kif l-Insara kienu jikkommemoraw l-Aħħar Ċena ta’ Kristu b’radd ta’ ħajr. Għaldaqstant,il-Quddiesa, li fiha sseħħ l-Ewkaristija, mill-bidu sal-aħħar, hija talba waħda ta’ radd il-ħajr, li matulha hi ddikjarata b’mod espliċitu f’bosta  talb u tifħir lil Alla.

Is-saċerdot jgħid: “Ejjew niżżu  ħajr lill-Mulej Alla tagħna,” u l-ġemgħa Nisranija twieġeb, “Hekk sewwa u xieraq.” Il-Prefazju jkompli: “Sewwa u xieraq, Missier qaddis, tajjeb u ta’ ġid għas-salvazzjoni tagħna, li dejjem u kullimkien irroddulek ħajr.” Il-Prefazju jikkonkludi bil-“Qaddis, Qaddis…Is-Smewwiet u l-art mimlija bil-kobor Tiegħek. Hosanna fil-Għoli tas-Smewwiet”, Innu mill-isbaħ u glorjuż ta’ tifħir li jrodd ħajr lil Alla.Bl-istess mod, il-kliem tad-dossoloġija huwa:“Bi Kristu,ma’ Kristu u fi Kristu jingħata lilek Alla Missier li tista’ kollox, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, kull ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem” – għanja waħda ferrieħa ta’ tifħir u glorja biex inroddu ħajr lil Alla ta’ kulma għamel u għadu jagħmelma’ kull wieħed u waħda minna . 

“L-Ewkaristija hi sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr lill-Missier, barka li biha l-Knisja turi l-ħajr  tagħha lil Alla għall-ġid kollu li jagħmel, għal kulma wettaq bil-ħolqien, bil-Fidwa u bit-tqaddis. L-Ewkaristija hi qabelxejn radd ta’ ħajr.” (Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, par. 1360)   

(It-tifsir tal-aspetti l-oħra kollha jitkompla f’ħarġiet oħra f’din is-sensiela)

Aktar Mirakli fis-Seklu Erbatax

Il-Miraklu f’Boxtel-Hoogstraten, fl-Olanda.

Ir-raħal ta’ Boxtel jinsab fin-nofsinhar tal-Olanda, u twaqqaf mill-familja von Boxtel fil-Medju Evu fuq għolja ħdejn ix-xmara Dommel. L-ewwel referenza ta’ knisja hawnhekk tmur lura għas-sena 1293.

Fis-sena 1380,is-saċerdot Eligius van Der Aker kien qiegħed jiċċelebra l-quddiesa fuq l-altar tat-Tre Re, fil-knisja żgħira ta’ San Pietru f’Boxtel,f’Jum il-Festa tat-Trinità Qaddisa.Wara l-Konsagrazzjoni tal-inbid abjad, mingħajr ma ried, is-saċerdot qaleb il-Kalċi bl-Inbid ikkonsagrat fuq il-korporal u t-terħa tal-altar. Minnufih dak l-Inbid inbidel f’Demm Aħmar li  tebba’ l-Korporal u t-terħa. Fr Eligius ipprova jneħħi t-tbajja’ imma kien kollu għalxejn.

Wara l-quddies  imbeżża’ bil-Miraklu Ewkaristiku li seħħ  taħt għajnejn, ikkonfonda se jagħmel. Wara l-quddies mar jgħaġġel fis-sagristija u bil-moħbi ħa l-korporal u t-terħa f’daru, poġġiehom f’bagalja tal-ivvjaġġar  u ħbieha taħt is-sodda tiegħu. Kien biss waqt li kien qiegħed imut li stqarr dak li  għamel mal-konfessur tiegħu Fr.Henrijk van Meerhein,li dan  informa minnufih lill-Kardinal Pileus, li f’dak iż-żmien kien il-Legat Appostoliku tal-Papa Urbanu VI u Arċisqof Titulari tal-Knisja ta’ San Praxedes. Wara investigazzjoni intensa dwar dak li kien ġara,il-Kardinal awtorizza l-venerazzjoni,il-qima pubblika, tal-relikwi tal-Korporal u t-terħa b’digriet tal-25 ta’ Ġunju 138O.

Il-knisja ta’ San Pietru tkabbret fis-seklu erbatax fi stil Gotiku. Fis-sena 1469 inbena torri għall-qanpiena tal-knisja, u madwar is-sena 1551 inbeda l-bini tal-Kappella tal-Demm Imqaddes fuq in-naħa tat-tramuntana tal-knisja.

F’tilwim reliġjuż bejn il-Kattoliċi u l-Protestanti, fis-sena 1650 il-knisja ta’ San Pietru f’Boxtel ittieħdet mill-Knisja Protestanta u r-relikwi ġew imċaqalqa lejn Hoogstarten,fruntiera mal-Belġju  u l-Kattoliċi kienu mġiegħla jiċċelebraw il-quddies xi mkien ieħor. Fl-1823 il-komunità Kattolika ħadet lura l-pussess tal-knisja ta’ San Pietru u kkonsagrawha mill-ġdid fis-27 ta’ Novembru 1827.Kien biss fis-sena 1924, wara talbiet konsistenti, li l-Korporal imtebba’ bid-Demm ta’ Kristu ġie mogħti lura lill-knisja ta’ San Pietru, f’ Boxtel. Dakinhar folol kbar ta’ nies imlew it-toroq ta’ madwar il-knisja ta’ San Pietru.Ta’ kull sena,il-kleru u ċ-ċitaddini ta’ hemmhekk,fil-festa tat-Trinità Qaddisa, jagħmlu purċissjoni bir-Relikwarju tal-Korporal u t-terħa b’tifkira qaddisa tal-Miraklu.

Fis-7 ta’ Ottubru 2012, il-knisja ta’ San Pietru ġiet elevata għal Bażilka u l-Relikwarju mdawwar b’rimm ta’ drapp brukkat bid-deheb, hu miżmum fuq l-artal tal-Kappella tal-Epifanija. It-tbajja’ tad-Demm Imqaddes għadhom jidhru sew fuq il-Korporal u t-terħa.

L-aktar dokument awtorevoli li jiddeskrivi dal-Miraklu Ewkaristiku ġewwa Boxtel hu l-istess digriet tas-sena 1380 tal-Kardinal Pileus li kien awtorizza il-Venerazzjoni lejn il-Korporal u t-terħa tal-Miraklu.

Il-Miraklu f’Wilsnack,  fil-Ġermanja.

Fis-sena 1383 kienet inqalet tilwima bejn wieħed mill-kavallieri tal-Prignitz, distrett f’Brandenburg,fil-Ġermanja,  il-Konti Heinrich von Bulor, li kien magħruf bħala “il-Kap il-Kbir”, u l-Isqof ta’ Havelberg, Mons.Dietrich Man. F’Awwissu tal-istess sena von Bulor attakka  Wilsnack, wieħed mill-irħula tad-djoċesi tal-Isqof. Huwa ssakkeġġja, seraq u ta n-nar lill-knisja parrokkjali ta’ dar-raħal. Fost il-fdalijiet tal-knisja  nstabu tliet Osjti kkonsagrati,perfettament intatti, li minnhom kien ħiereġ id-Demm kontinwament. Wara li l-kappillan tal-parroċċa rnexxielu jirkupra l-Ostji mdemmija bdew iseħħu u jiġu vverifikati diversi mirakli.

Hekk, pereżempju, il-Konti lokali Dietrich von Wenckstyern, li kien qiegħed joħloq u  jrawwem   ħafna dubji fost in-nies dwar l-awtentiċità ta’ dan il-Miraklu, tilef id-dawl ta’ għajnejh, li kisbu lura mill-ġdid wara li kien sogħbien mill-azzjonijiet  tiegħu u beda jemmen  f’dal-Miraklu Ewkaristiku. Din l-aħbar inxtered minnufih,u diġà fl-1384,l-Isqof ta’ Havelburg ikkonferma l-awtentiċità tal-Miraklu ta’ Wilsnack. Aktar tard il-Papa Urbanu VI ikkontribwixxa donazzjoni għall-bini mill-ġdid tal-knisja, li magħha żdiedu l-offerti mill-Arċisqof ta’ Magdeburg, u tal-Isqfijiet ta’ Brandenberg, Havelberg, u Levus.

Irridu ngħidu wkoll li fis-seklu ħmistax dal-Miraklu kien sors ta’ kwistjonijiet  kontroversjali bejn teoloġiċi Protestanti u Kattoliċi dwar l-awtentiċità ta’ dal-Miraklu. Il-qima lejn id-”Demm Qaddis” ta’ Wilsnack  kienet ġiet attakkata u mxekkla mill-filosfu u teologu Ċek John Hus (1370-1415) (ritratt) li kien wieħed mill-riformaturi u predeċessur ewlieni tal-Protestaniżmu. Insemmu wkoll lit-teologu Kattoliku l-Kardinal Nikola ta’ Cusa (1401-1464) li għal bidu kellu ukoll xi dubji dwar l-awtentiċità tal-Miraklu u  kien ipprova jipprojbixxi pellegrinaġġi lejn Wilsnack.

 Iżda,fis-sena 1447 il-Papa Ewġenju IV  (1383-1447) fiż-żewġ Bolli Pontifiċji tiegħu  approva  l-qima lejn dawn l-Ostji Mirakulużi. 

 Sas- snin 1500, Wilsnack sar wieħed mill-aktar postijiet importanti ta’ pellegrinaġġi fl-Ewropa.  Bis-saħħa ta’ bosta offerti li kienu  jħallu  l-pellegrini li kienu jmorru jqimu l-Ostji Mirakulużi  kien possibbli li jiġi ffinazjat l-bini tal-Knisja enormi ta’ San Nikolai  ddedikata lill-Miraklu. Iżda fis-sena 1558 l-Relikwarju b’Ostji kkonsagrat ġie meqrud matul ir-riforma Protestanta. Madanakollu,bosta testimonjanzi bil-miktub  dwar dal-Miraklu għadhom jeżistu, fosthom dik tal-mistika Ingliża Margery Kempe, fil-ktieb tagħha The Book of Margery Kempe li fih tagħmel referenza għaż-żjara devota tagħha  bħala pellegrina f’Wilsnack fis-sena 1433. Diversi  xogħlijiet tal-arti  baqgħu jeżistu wkoll sal-ġurnata tal-lum.

Interessanti ngħidu li l-ġrajjiet ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku kienu wkoll deskritti f’sensiela ta’ immaġni mnaqqxa fl-injam matul il-Medju Evu. Sekli wara  dawn l-immaġni kienu ġew ukoll stampati  fuq flus ta’ emerġenza li l-belt kienet ħarġet u użat matul il-kriżi  tal-inflazzjoni finanzjarja fis-sena 1920.

Il-Mirakli Ewkaristiċi fis-Seklu Ħmistax

Il-Miraklu f’Boxmeer, l-Olanda

Fis-sena 1400, Patri Arnoldus Groen kien qiegħed jiċċelebra quddiesa fil-Knisja ta’ San Pietru u San Pawl, f’Boxmeer. Fil-mument tal-Konsagrazzjoni huwa beda jiddubita mill-Preżenza Reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija. Hekk kif temm il-kliem tal-Konsagrazzjoni l-Inbid inbidel f’Demm u beda jbaqbaq  fil-kalċi tant li beda ħiereġ mill-kalċi għal fuq il-korporal. Is-saċerdot, imwerwer għal dik id-dehra mirakuluża talab maħfra lil Alla għad-dubji tiegħu. Mal-ewwel id-Demm  waqaf  milli jibqa’ ħiereg mill-kalċi.

Id-Demm li waqa’ fuq il-korporal ikkoagula  f’għoqda ta’ Demm, id-daqs ta’ ġewża. Din għadha tista’ tidher u hi  meqjuma ħafna sal-ġurnata tal-lum.

Ir-Relikwji tad-Demm u tal-Korporal nżammu għall-qima pubblika. Fis-sena 1482 ġew imqiegħda f’Relikwarju Ċilindriku , u fl-1650 sar kontenitur biex iżomm ir-Relikwarju. (ritratt)

Il-Papa Klement XI (1700- 1721),il-Papa Benedittu XIV (1740-1758),il-Papa Piju IX (1846-1878),u l-Papa Ljun XIII (1878-1903) kellhom devozzjoni speċjali lejn dal-Miraklu Ewkaristiku.

Kull sena ssir il-Boxmeerse Varrt, purċissjoni b’dan ir-Relikwarju, fil-festa ta’ Corpus. Hemm bosta dokumenti li jiddeskrivu dal-Miraklu, kif ukoll plakek tal-irħam u diversi pitturi.  Fis-sena 2000,fl-okkażjoni tas-600 sena Anniversarju minn dal-Miraklu,il-Papa Ġwanni Pawlu II b’qima lejn dal-Miraklu  ddikjara  l-Knisja ta’ San Pietru u San Pawl  f’Boxmeer bħala Bażilka.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading