L-Ewkaristija. Il-Qsim tal-Ħobż u mirakli Ewkaristiċi oħra.

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

L-Ewkaristija – il-Qsim tal-Ħobż (1)

(Ritratt tal-affresk Fractio Panis li jinsab fil-Katakombi ta’  Santa Priscilla, martri,  fil-Kappella Griega (Capella Greca) li tinsab fuq il-Via Salaria Nova f’Ruma. Dan il-Katakombi fi żmien ir-Rumani kien jintuża għad-dfin. L-affresk li jmur lura għall-ewwel nofs tat-Tieni Seklu WK hu miktub  fuq wiċċ l-arkata eżattament fuq artal qabar, li fuqu kien jiġi ċċelebrat is-Sagrament tal-Ewkaristija. Ix-xena fl-affresk tirrappreżenta  seba’ persuni ma’ mejda , li skont studjużi tal-Vatikan, huma sitt irġiel u mara ( it-tielet waħda mil-lemin). Sitta minnhom huma mimdudin hekk kif  l-antiki kienu jimteddu waqt l-ikliet tagħhom. F’tarf il-mejda fuq ix-xellug jidher raġel wisq probabbli bid-daqna (presbiteru/qassis?) b’ħobża żgħira f’idejh u dirgħajh miġbuda quddiemu  juri li qiegħed jaqsam il-ħobża. Fuq il-mejda  quddiemu hemm tazza b’żewġt imqabad. Tul il-mejda jidher li hemm żewġ platti kbar, wieħed fih żewġ ħutiet u l-ieħor ħames ħobżiet. F’kull tarf tal-affresk jidhru qfief mimlija bil-ħobż – erba’ fuq ix-xellug u tlieta fuq il-lemin.

Dan l-affresk huwa l-aktar eżempju ċar li għandna fl-arti tal-katakombijiet Insara tar-ritwali tal-Qsim tal-Ħobż fl-Ewkaristija fl-ewwel mitejn sena tal-Knisja Nisranija f’Ruma. Fl-Atti tal-Appostli hemm referenza għall-Insara li kienu jinġabru biex jaqsmu l-ħobż u jitolbu f’Festa ta’ Imħabba imsejħa Agape.

Barra minhekk f’dan l-affresk hemm issimbolizzat ukoll il-Miraklu tat-Tkattir tal-Ħobż u l-ħut li Kristu wettaq biex jitma’ l-folla kbira ta’ nies miġbura madwaru biex tisimgħu u li  wara li  kiel u xeba’ kulħadd inġabru “sebat iqfief  mimlija” ħobż u ħut li kien fadal (Matt.15, 36-38). )

Ritratt ieħor tal-Qsim tal-Ħobż Qaddis

Fractio Panis – Il-Qsim tal-Ħobż – Din l-espressjoni  hija x’aktarx l-eqdem terminu li għandna għal dak li t-tradizzjoni Kattolika issa tirreferi għaliha bħala l-Ewkaristija. Huwa terminu li tirrifletti azzjoni sempliċi u komuni – il-qsim ta’ ħobż – issa nbidlet f’esperjenza ta’ Tifkira u Attwazzjoni Reali u Dejjiema tal-Mulej Rxoxt u ħaj fostna.

Fil-Letteratura Kristjana bikrija,li tindika użu  Kristjan partikulari, “il-barka u l-qsim” tal-ħobż jissemmew mhux biss f’kull wieħed mill-erba’ rakkonti Evanġeliċi tal-Aħħar Ċena, imma wkoll ripetutament fil-kitbiet Appostoliċi l-oħra. Hekk, pereżempju, fl-1 Korintin 10,16, “Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhuwiex għaqda mad-Demm ta’ Kristu? U l-ħobż li naqsmu,mhuwiex għaqda mal-Ġisem ta’ Kristu?” . U partikularment fl-Atti 2,7 “ U fl-ewwel  jum tal-ġimgħa,meta konna miġburin biex naqsmu l-ħobż”,fejn din il-prattika hija marbuta mill-qrib mal-osservanza tal-Ħadd. (Ara wkoll id-dixxipli f’Emmaus f’Jum l-Għid – Luqa 24, 30-35, u Atti 27,35).

Prominenza simili tingħata lil dan il-kunċett reliġjuż u spiritwali f’kitbiet bħal fid-Didache jew “Tagħlim tal-Appostli” (xiv, I) fejn  hija assoċjata mal-osservanza tal-Ħadd kif ukoll mal-aċċenn espliċitu tas-Sagrifiċċju, u tal-qrar, l-istqarrija tal-ħtijiet. “ U f’Jum il-Mulej ingħaqdu flimkien u qasmu l-ħobz u radd il-ħajr, wara li l-ewwel stqarrejt id-diżgrazzji tiegħek, biex is-sagrifiċċju tiegħek ikun safi.” Barra minn hekk, fil-Kap XI tal-istess trattat bikri l-Ostja kkonsagrata hija indikata b’mod ċar bit-terminu klasma, jiġifieri “ħobż imkisser”,  jew frammenti ta’ ħobż maqsum. 

Il-Ġest Qaddis u Divin ta’ Kristu li jaqsam il-Ħobż fl-Aħħar Ċena, li ta l-isem lill-Azzjoni Ewkaristika kollha fiż-żminijiet Appostoliċi, ifisser li l-Insara kollha jsiru Ġisem wieħed (1 Kor 10,17) billi jirċievu it-Tqarbin minn Ħobża Waħda tal-Ħajja li hu Kristu, li miet u qam mill-Imwiet għas-Salvazzjoi tad-dinja. Huwa f’dan il-Ġest Ewkaristiku – il-qsim tal-ħobż – li l-dixxipli fl-aħħar jinfetħulhom għajnejhom u jarawH bħala dak li Hu tassew. Mhux ta’ b’xejn għalhekk San Luqa u l-Knisja bikrija jaraw l-Ewkaristija fil-qalba tal-qima tagħhom. Huwa għalhekk li San Luqa jgħidilna: “U huma kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom,fil-qsim tal-ħobż u fit-talb”(Atti 2,42-46).

Fl-aħħarnett ta’ min igħid li fil-paragrafi 84, 1329, 1342, 1355, 1377 u 2628 il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika(KKK) jispjega tant tajjeb dan it-terminu Qsim ta’ ħobż. F’dawn il-paragrafi partikularment  f’par.84 il-KKK jagħmel referenza għat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, Dei Verbum,9; u f’par.1355 għat-trattat  ta’ San Ġustinu, Apologia, I,66,1-2; u f’par. 1377 għal dak li jgħallem il-Konċilju ta’ Trentu, li ta’ dan konna għamilna referenza għalih f’artiklu preċedenti f’din is-sensiela.       

Il-Miraklu ta’ Bagno di Romagna,l-Italja

Fis-sena 1412, Patri Lazzaro da Verona, Pirjol tal-patrijiet Camaldolesi fl-Abbazija ta’ Santa Maria Assunta f’Bagno di Romagna,fl-Appennini ta’ Forli,waqt li kien qiegħed jiċċelebra l-quddiesa fil-Bażilka tal-Abbazija  beda jiddubita mill-Preżenza Reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija.Hekk kif temm il-Kliem tal-Konsagrazzjoni fuq l-Inbid dan inbidel  f’Demm ħaj li beda ħiereġ mill-kalċi u jaqa’ fuq il-korporal. Patri Lazzaro, profondament imqanqal u sogħbien mid-dubji tiegħu,infaqa’ jibki u dak il-ħin stess dar lejn in-nies preżenti u stqarr in-nuqqas tal-Fidi tiegħu fl-Ewkaristija.Huwa stieden lin-nies biex jersqu lejn l-altar u jaraw huma stess u jkunu xhieda ta’ dak il-kbir Miraklu li kienu għadu kemm seħħ quddiemhom.Dal-Miraklu kompla ssaħħaħ it-twemmin fil-Preżenza Reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija kemm fis-saċerdot innifsu kif ukoll fin-nies preżenti.

Patri Lazzaro wara ntbagħat Bologna bħala kappillan tas-sorijiet Camaldolesi fil-kunvent  ta’ Santa Christina, fejn miet fis-sena 1416. Il-patrijiet Camaldolesi żammew il-parroċċa ta’ Bagno di Romagna sas-soppressjoni ta’ Napuljun tal-1808, li mbagħad il-Knisja Bażilka ta’ Santa Marija Assunta, wara li nżammet għal ftit ta’ żmien mid-djoċesi ta’ Sansepolcro, fis-sena 1975 għaddiet b’mod definitivament biex tagħmel parti mid-djoċesi ta’ Cesena.

Fis-sena 1777, 365 sena wara,il-Papa Piju VI ordna  li l-Korporal  jitqiegħed f’Relikwarju tal-Fidda . Fl-1885, infetaħ ir-Relikwarju  u ġie eżaminat u l-isqof ta’ Sansepolcro kkonferma li t-tikek tad-Demm kienu għadhom ħomor u ċari.

Fl-1912 il-Kardinal Gilio Boschi, Arċisqof ta’ Ferrara, iċċelebra l-Ħames Ċentinarju tal-Miraklu, li kien segwit minn konferenza ta’ studji Ewkaristiċi. .

Fl-1958, 546 sena wara li seħħ il-miraklu, l-isqof ta’ Sansepolcro Domenico Bornigia ordna li jsir l-ewwel eżami xjentifiku tal-korporal. Permezz ta’ analiżi kimika li saret fl-Università ta’ Firenze, ġie kkonfermat li l-korporal kien imtebba’ b’Demm reali. Id-demm jitlef il-kwalitajiet kimiċi tiegħu ftit ħafna wara li jinxtered, iżda dan id-Demm ma kienx tilef il-kwalitajiet tiegħu mijiet ta’ snin wara. Kien tassew Demm ħaj.  

Il-Korporal Sagru issa qed jinżamm fil-Kappella tal-Qalb ta’ Ġesù fil-Bazilka ta’ Santa Maria Assunta. Jiġi esebit kull nhar ta’ Ħadd, fil-perijodu minn Marzu sa Novembru. Imbagħad fil-Jum ta’ Corpus Christi dal-Miraklu Ewkaristiku jiġi mfakkar b’festa u Purċissjoni Solenni mat-toroq tal-belt.

Il-Miraklu f’Erding,fil-Ġermanja

Raħħal fqir ma seta’ jsib l-ebda mod kif itejjeb l-qagħda ekonomika tiegħu, minkejja li kien jaħdem ħafna. Min-naħa l-oħra l-ġar tiegħu,li kien jagħmel l-istess xogħol kien jirnexxilu jgħix b’mod għani.Jum wieħed ir-raħħal staqsa lill-ġar kif kien jirnexxilu jaqla’  daqstant flus u ġid, u l-ġar qallu li s-suċċess tiegħu kien dovut għall-fatt li kien iżomm l-Ewkaristija fid-dar tiegħu. Ir-raħħal ħaseb li l-Ewkaristija kienet xi tip ta’ amulet, speċi ta’ seħer ta’ risq,u għalhekk iddeċieda li jagħmel bħall-ġar. F’Jum Ħamis ix-Xirka tas-sena 1417 dar-raħħal wara li resaq għat-tqarbin ħeba l-Ewkaristija fi ħwejġu u telaq lejn daru. Fi triqtu  beda jiddispjaċih ta’ dak li għamel u għalhekk iddecieda li jieħu l-Ostja kkonsagrata lura  lejn il-knisja. Madanakollu, matul il-vjaġġ lura, l-Ostja żelqet minn idu u telgħet ‘il fuq fl-arja. Huwa pprova għalxejn jaqbad l-Ostja. Imbeżża’ b’dak li ġara, ġera minnufih biex jinforma lill-kappillan, li dan mill-ewwel mar fuq il-post. Hekk kif wasal ra l-Ostja fuq il-ħmieġ, imma li minnha bdiet ħierġa  dija qawwija, iżda lanqas huwa ma rnexxielu jaqbad l-Ostja Sagra.Kien biss  bl-intervent dirett tal-Isqof  li seta’ jirkupra l-Ostja Sagra.

Ġie deċiż mill-Isqof  u n-nies ta’ hemmhekk li tinbena kappella b’qima lejn dal-Miraklu. Madanakollu, tant bdew ġejjin pellegrini lejn dil-kappella b’qima lejn dal-Miraklu li l-awtoritajiet ċivili fis-sena 1675 ddeċidew li jibnu Santwarju  ġdida u akbar  fi stil barokk. Fis-19 ta’ Settembru 1677 l-Isqof Kaspar Kunner ta’ Freising bierek dan is-Santwarju li ġie ddedikat lid-Demm Imqaddes l-aktar Prezzjuż.

Sa mis-sena 1992 dan is-Santwarju hu taħt il-ħarsien u t-tmexxija tal-monaċi ta’ San Pawl tad-Deżert.

il-Miraklu Ewkaristiku f’Guadalupe, Spanja

Fis-sena 1420, waqt lit-twajjeb saċerdot Don Pedro Cabaǹuelas  kien qiegħed iqaddes, propju waqt il-Konsagrazzjoni ra sħaba densa tinżel minn fuq u tieqaf fuq l-artal. Ma setax jara xejn aktar għajr li bil-mod il-mod is-sħaba bdiet tiċkien u ppreżentat din id-dehra: L-Ostja kkonsagrata ġiet imtella’ fuq il-kalċi u minnha beda jaqa’ bosta qtar ta’ Demm li mela l-kalci li saħansitra beda  ħiereġ għal fuq il-korporal u fuq il-palla ta’ fuq il-kalċi. F’dak il-ħin, Don Pedro sema’ leħen jgħidlu: “Spiċċa l-quddies, u għalissa tgħid lil ħadd b’dak li rajt.”

Dal-Miraklu wara ġie imxandar mill-patrijiet ta’ Don Pedro. L-aħbar xterdet ma’ Spanja kollha.

Dal-Miraklu saħħaħ ħafna t-twemmin fil-Preżenza Reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija fost il-poplu Spanjol, inkluż  ir-Re ta’ Castile Don Juan II u r-Reġina Maria ta’ Aragona, li saru tant devoti tal-Miraklu li talbu biex wara mewthom indifnu qrib il-katavru tal-Venerabbli Don  Pedro Cabaǹuelas.

 Jinsabu bosta dokumenti li  jixhdu dal-Miraklu. Ir-Relikwi tal-Korporal u l-palla mtebbgħin bid-Demm Imqaddes ġew esebit ukoll, fost jiem oħra, għall-qima tad-devoti fil-Kungress Ewkaristiku li sar f’Toledo fis-sena 1926. 

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading