F’intervista li kellu l-papa mal-magazine tal-Ġiżwiti “America” fit-22 ta’ Novembru 2022, ġurnalista staqsietu dwar l-abort.
Gloria Purvis:
Santità, l-abort huwa kwistjoni politiċizzata ħafna fl-Istati Uniti. Aħna nafu li huwa ħażin. U l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti reċentement iddeċidiet li m’hemm l-ebda dritt kostituzzjonali għall-abort. Madanakollu, xorta jidher li qed jolqot il-knisja fis-sens li dil-kwistjoni qed tifridna. L-Isqfijiet għandhom jagħtu prijorità lill-abort fir-rigward ta’ kwistjonijiet oħra ta’ ġustizzja soċjali?
Papa Franġisku:
“Il-problema tqum meta din ir-realtà tal-qtil ta’ bniedem tinbidel f’kwistjoni politika“
Dwar l-abort, nista’ ngħidilkom dawn l-affarijiet, li diġa għidt qabel. Fi kwalunkwe ktieb tal-embrijoloġija jingħad li ftit qabel xahar wara l-konċepiment l-organi u d-DNA huma diġà delineati fil-fetu ċkejken, saħansitra anke qabel ma l-omm tkun taf li ħarġet tqila. Għalhekk, hemm bniedem ħaj. Ma ngħidx persuna, għax dan huwa diskuss, imma bniedem ħaj. U nqajjem żewġ mistoqsijiet:
Huwa tajjeb li teħles minn bniedem biex issolvi problema? It-tieni mistoqsija: Huwa tajjeb li timpjega “qattiel” biex issolvi problema? Il-problema tqum meta din ir-realtà tal-qtil ta’ bniedem tinbidel f’kwistjoni politika, jew meta ragħaj tal-knisja juża kategoriji politiċi.
Kull darba li problema titlef id-dimensjoni pastorali, dik il-problema ssir problema politika u ssir aktar politika milli pastorali. Irrid ngħid li ħadd m’għandu jaħtaf din il-verità, li hija universali. Din mhiex ta’ xi partit jew ieħor. Hija universali. Meta nara problema bħal din, li hija delitt, tiġi politiċizzata b’mod qawwi, intens, ikun hemm nuqqas ta’ kura pastorali fir-rigward ta’ din il-problema. Kemm jekk f’din il-kwistjoni tal-abort, sew jekk fi kwistjonijiet oħra, wieħed ma jistax jitlef id-dimensjoni pastorali: Isqof huwa ragħaj, djoċesi hija l-poplu qaddis ta’ Alla mar-ragħaj tiegħu. Ma nistgħux nittrattaw [l-abort] bħallikieku hija biss kwistjoni ċivili.
Ara: https://www.americamagazine.org/faith/2022/11/28/pope-francis-interview-america-244225
Rapport minn Fr Roy Galdes