L-Ikla tal-Mulej u Mirakli fi Franza u l-Italja

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

L-Ewkaristija – L-Ikla tal-Mulej

Wara li f’artikli ta’ qabel f’din is-sensiela tkellimna fil-qosor dwar it-tifsir tat-terminu Ewkaristiku L-Ikla tal-Mulej  inħoss li hu  xieraq u opportun li nġibu siltiet mir-riflezzjoni profonda u teoloġika  dwar l-Ewkaristija bħala li hi  L-Ikla tal-Mulej, anzi l-Bankett  (banquit) Divin, miktuba mid-Dumnikan San Tumas ta’ Akwinu (1226-1274), magħruf bħala “Id-Duttur Angeliku”. Għall-ħidmiet u l-kitbiet teoloġiċi kbar tiegħu, fosthom is-“Summa Theologica” (f’Ħames Volumi) u is-“Summa Contra Gentiles” (f’ Erba’ Volumi)  il-Knisja Kattolika tqis lil San Tumas bħala “Duttur tal-Knisja.”

O bankett  Prezzjuż u mill-Isbaħ !

Il-barkiet immensi mogħtija mill-Ħniena Divina lill-poplu Nisrani jagħtuh dinjità inestimabbli. M’hemm u lanqas qatt ma jkun hemm, ġens daqshekk kbir li għandu allat qrib tiegħu daqskemm Alla tagħna hu preżenti magħna. U dan il-ġisem li ħa mingħandna Hu tah kollu għas-Salvazzjoni tagħna.

Peress li kienet ir-rieda tal-Iben Waħdieni ta’ Alla li l-bnedmin jieħdu sehem fid-Divinità Tiegħu, Hu ħa n-natura tagħna sabiex billi jsir bniedem jagħmel lill-bnedmin allat. Aktar minn hekk, meta ħa laħamna Hu ddedika s-sustanza kollha tiegħu għas-salvazzjoni tagħna. Offra Ġismu lil Alla l-Missier fuq l-artal tas-Salib bħala Sagrifiċċju u Vittma għar-rikonċiljazzjoni tagħna. Xerred Demmu għall-fidwa u l-purifikazzjoni tagħna, sabiex aħna lkoll inkunu mifdija mill-istat imsejken tagħna ta’ jasar u nkunu  mnaddfa minn kull dnub. Iżda biex   it-tifkira ta’ dan ir-rigal tant kbir tibqa’ magħna għal dejjem, ħalla Ġismu bħala ikel u Demmu bħala xorb għall-fidili biex jikkunsmaw f’l-ispeċi tal-Ħobż u l-Inbid.

O bankett prezzjuż u mill-isbaħ li jġibilna s-Salvazzjoni u li fih kull ħlewwa!

Tista’ xi ħaġa tkun ta’ aktar valur intrinsiku minn hekk? Taħt il-liġi l-antika kien offrut  il-laħam tal-għoġiela u l-mogħoż, imma hawn Kristu nnifsu, l-Alla Veru, jitqiegħed quddiemna bħala l-Ikel tagħna. X’jista’ jkun isbaħ minn hekk? L-ebda Sagrament ieħor ma għandu qawwa akbar ta’ fejqan; permezz tiegħu d-dnubiet jitnaddfu, il-virtujiet jiżdiedu, u r-ruħ tissaħħaħ b’abbundanza ta’ kull don spiritwali. Hu offrut fil-Knisja għall-ħajjin u l-mejtin, biex hekk dak li ġie istitwit għas-Salvazzjoni ta’ kulħadd jkun għall-ġid ta’ kulħadd. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, ħadd ma jista’ jesprimi bis-sħiħ il-ħlewwa ta’ dan is-Sagrament li fih l-għaxqa spiritwali tiġi mtiegħma mill-għejun tagħha stess, u li fih inġeddu it-tifkira ta’ dik l-akbar Imħabba għalina li Kristu rrivelalna fil-Passjoni Tiegħu.

Kien biex jimmarka aktar  il-kobor u l-firxa bla  qies  ta’ din l-Imħabba    fuq il-qlub tal-fidili li Sidna Ġesu waqqaf dan is-Sagrament  fl-aħħar Ċena. Hekk kif kien wasal biex iħalli d-dinja biex imur għand il-Missier, wara li ċċelebra l-Għid mad-dixxipli tiegħu, ħalla  dan is-Sagrament bħala  tifkira Perpetwa tal-Passjoni Tiegħu. Kien it-twettiq ta’ figuri antiki u l-akbar Mirakli kollha Tiegħu, filwaqt li għal dawk li kellhom jesperjenzaw in-niket tat-tluq Tiegħu, kien iddestinat li jkun  konsolazzjoni  unika u dejjiema.

Riflessjoni profonda u spiritwali miktuba minn San Tumas ta’ Akwinu, Opusiculum 57, in festo Corporis Christi, lectio 1-4.

Id-dokument ta’ hawn fuq huwa qari inkluż fl-“Uffiċċju tal-Qari” tal-Liturġija Rumana għall-festa ta’ Corpus Christi. Hu meħud minn prietka miktuba minn San Tumas innifsu b’tifkira tal-festa Liturġika ta’ Corpus Christi  li kienet ġiet istitwita matul ħajtu  fis-sena 1264  mill-Papa Urbanu IV bil-Bolla Papali tiegħu Transiturus de hoc Mundo li fiha ddikjara l-festa ta’ Corpus Christi bħala Jum ta’ festa li għandu jiġi ċċelebrat b’mod l-aktar Solenni fil-knejjes Insara kollha tar-Rit Ruman.

Il-Miraklu Ewkaristiku f’La Rochelle, fi Franza

Dan il-Miraklu Ewkaristiku jikkonċerna l-fejqan immedjat ta’ tifel, paralizzat u mutu sa mill-età ta’ seba’ snin. Meta rċieva t-Tqarbin fil-quddiesa ta’ Ħadd il-Għid fis-sena 1461,huwa fieq għalkollox mill-paraliżi tiegħu u reġa’ beda jitkellem.

Il-Ġrajja:Fl-Għid tas-sena 1461, is-Sinjura Jehan Leclerc ħadet lil binha ta’ tnax-il sena, Bertrand, għall-quddiesa  fil-knisja ta’ San Bartilmew. Bernard kien ilu pparalizzat u mutu minn meta kellu seba’ snin minħabba waqgħa terribbli.

Meta wasal il-ħin tat-Tqarbin Bertrand għamel sinjal lil ommu li hu wkoll ried jilqa’ ġewwa fih lil Ġesù Ewkaristiku. Għall-ewwel is-saċerdot ma riedx iqarbnu, għax it-tifel ma setax iqerr minħabba li ma setax jitkellem. Madanakollu, it-tifel baqa’ jinsisti u jitlob lis-saċerdot biex iqarbnu. Fl-aħħar is-saċerdot ippermettilu li jirċievi l-Ewkaristija. Mill-ewwel mument li Bertrand irċieva l-Ewkaristija, huwa beda jħossu mħawwad minn forza misterjuża. Ftit wara kien kapaċi jiċċaqlaq u jitkellem. Kien imfejjaq kompletament.Skont id-dokument miktub  wara dal-miraklu l-ewwel kliem ta’ Bertrand kienu: ” Adjutorium nostrum in nomine Domini li tfisser: L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej.

L-aktar dokument awtorevoli li jiddeskrivi dan il-Miraklu huwa l-manuskritt li jinsab fil-Katidral ta’ La Rochelle.

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Volterra, fl-Italja.

Fis-sena 1472f’ battalja bejn Volterra u Firenze, żewġt ibliet fl-Italja,  suldat minn Firenze daħal fil-Katidral ta’ Volterra u mar direttament lejn fit-tabernaklu li minnu rnexxilu jieħu l-pissidi tal-avorju li fih kien hemm bosta Ostji kkonsagrati. Huwa ħa wkoll bosta  oġġetti sagri oħra li kien hemm fil-Katidral.

Wara li ħareġ mill-Katidral huwa kien mimli rabja kbira u mibegħda lejn Ġesù Kristu fl-Ewkaristija, u beda jisħet u jaħlef. Waddab u sabbat il-pissidi bl-Ostji ġewwa fih kontra ħajt ta’ barra tal-Katidral. Malli il-pissidi laqat il-ħajt waqa’ fl-art, l-Ostji kollha ħarġu mill-pissidi u  daqslikieku  kienu miżmuma minn  id li ma tidhirx  telgħu fl-arja f’dawl qawwi madwarhom u damu hemm għal ħin twil. Jingħad minn xi xhieda li waqt li l-pissidi laqat il-ħajt seħħ terremot li heżżeż il-belt kollha, kif ukoll is-suldat  dak il-ħin tilef id-dawl ta’ għajnejh. Is-suldat beża’ u għarkopptejh fl-art talab maħfra tal-għemil tiegħu. Minn dak il-ħin huwa reġa’ beda jara. Ħafna kienu dawk li raw dan il-Miraklu Ewkaristiku, fosthom Patri Biagio Lisci, li ħalla dikjarazzjoni bil-miktub ta’ dak kollu li tiegħu hu kien xhud. Dokumenti li jiddeskrivu sew din il-ġrajja jinsabu fl-arkivji tal-Knisja ta’ San Frangisk, f’Volterra. Jeżistu wkoll  Atti Muniċipali li jinsabu  fil-librerija tal-Muniċipju ta’ Volterra.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading