L-Ewkaristija meħlusa mill-għargħar, u Mirakli oħra

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar

L-Ewkaristija- L-Ikla tal-Mulej 

Kif tkellimna f’artiklu ta’ qabel,it-terminu l-Ikla tal-Mulej huwa wieħed mill-ewwel ismijiet li jingħataw lill-Ewkaristija.

Dan it-terminu ġej mill-espressjoni Griega kyriakon deipnon kif isejħilha San Pawl (1 Kor.11,20). Kyriakon tfisser “xi ħaġa li tappartjeni għall-Kyrios (bil-Malti: il-Mulej)” bħala li hi “proprjetà tal-Kyrios.” Deipnon hija dik li l-Griegi kienu jsejħu l-ikla ewlenija tal-jum,li tittiekel tard wara nofsinhar jew filgħaxija.Barra minn hekk deipnon tirreferi ukoll għall-Ikla tal-Festa jew bankett Messjaniku kbir, li jseħħ fis-Saltna ta’ Alla: “Hieni min jiekol il-Ħobż fis-Saltna ta’ Alla” (Lq.14,15-24;Mt.22,1-10).

L-Ikla tal-Mulej (L-Ewkaristija) imwaqqfa minn Kristu nnifsu,hija Tifkira u Attwazzjoni ta’ dak li għamel Kristu fl-Aħħar Ikla Tiegħu mal-Appostli.  Tfakkarna wkoll fil-Ħajja u l-Ħidma  Appostolika kollha li wettaq Ġesù fid-dinja,b’mod speċjali fil-Passjoni,il-Mewt u Qawmien Tiegħu,li permezz  tagħhom Huwa kiseb għall-umanità kollha s-Salvazzjoni ta’ dejjem.

L-Ikla tal-Mulej timmarkana u ġġeddidna bħala nies tal-Patt il-Ġdid Tiegħu,li jikkonsisti f’dik il-wegħda li Alla jagħmel mal-bnedmin kollha li filwaqt li jaħfer id-dnubiet tagħhom jagħtihom mill-ġdid is-Salvazzjoni permezz tal-Fidwa imwettqa  minn Ibnu,Ġesù Kristu. Ġesù hu l-medjatur tal-Patt il-Ġdid,u l-mewt Tiegħu fuq is-Salib. Din il-Fidwa hija l-bażi ta’ dil-wegħda Divina.Huwa rebaħ il-mewt bil-Qawmien Tiegħu u kiseb mill-ġdid il-ħajja għal dawk kollha li jemmnu u jittamaw Fih.“Imbagħad ħa l-ħobż,radd il-ħajr, qasmu,newwilhulhomu u qal: ‘Dan hu ġismi li jingħata għalikom, agħmlu dan b’tifkira tiegħi’ Hekk ukoll wara l-ikla , ħa l-Kalċi u qal ;“Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom.” (Luqa 22, 19-20). L-Ikla tal-Mulej hija għelm,sinjal,tar-relazzjoni preżenti u kontinwa tagħna ma’ Kristu. L-Ikla tal-Mulej mhijiex biss Tifkira tal-mewt ta’ Kristu.Hija ċelebrazzjoni tal-Qawmien Tiegħu u meta nieklu l-Ewkaristija,inkunu qed naqsmu l-Ħobż ma’ Kristu li hu Ħaj u li qiegħed isaltan dejjem fostna.

Fuq kollox,l-Ikla tal-Mulej hi“antiċipazzjoni tal-Ikla tal-Ħaruf (ara Apok. 19,9) f’Ġerusalemm tasSema.”(Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika par.1329). Din allura mhijiex biss stedina li tħares lejn il-Passat, u lejn il-Preżent imma hija stedina u Sagrament ta’ Tama u  Fidi li tipponta lejn il-Futur  tagħna fis-Saltna tas-Sema għall-Eternità kollha..   

Tabilħaqq,l-Ikla tal-Mulej għandha dimensjoni u tifsira wiesgħa u għanja wisq għalina lkoll kemm fil-Passat,fil-Preżent kif wkoll fil-Ġejjieni,aħna li nemmnu u nxandru t-Tieni Miġja tas-Salvatur Divin tagħna,Ġesù Kristu.

Il-Miraklu ta’ Avignon, fi Franza

Ix-xmara Sorgue li tgħaddi min-nofs il-belt ta’ Avignon, kull tant żmien kienet tfur u l-ilmijiet kienu  jgħarrqu djar,irżieżet,u l-bqija taż-żona.Fil-lejl tat-30 Novembru 1433,wara xita torrenzjali, għargħar kbir wasal fir-reġjun. L-ilmijiet fawru x-xmara u bdew ħerġin ‘il barra minnha għal nofs il-belt. Kien wieħed mill-agħar għarghar li qatt seħħ fl-istorja ta’ dik iż-żona.Il-livell tal-ilma tela’ għal-livell allarmanti.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Avignon li se nitkellmu dwaru seħħ fil-knisja żgħira tas-Salib Imqaddes li kienu jieħdu ħsiebha l-patrijiet Penitenti Griżi Franġiskani. Ta’ min jgħid li fi żmien dan il-Miraklu l-belt ta’ Avignon kienet meqjusa bħala ċ-ċentru tal-Kristjaneżmu u l-“Palais des Papas” tal-belt kien ir-residenza ta’ sensiela ta’ seba’ Papiet.

Il-Miraklu: Il-patrijiet  kienu ċerti li l-knisja żgħira tagħhom li kienet  tinsab tul is-Sorgue kienet ġiet mgħarrqa mill-ilmijiet kbar tal-għargħar. Billi beżgħu li s-Santissimu Sagrament li kien espost għall-Adorazzjoni Perpetwa kien ġie miknus,il-Pirjol u patri ieħor permezz ta’ dgħajsa waslu ħdejn il-knisja u b’diffikultà kbira rnexxilhom jiftħu il-bibien,u jidħlu fil-knisja, iżda kbir kien l-istagħġib tagħhom meta raw li l-ilmijiet kienu maqsuma lejn il-lemin u x-xellug tal-knisja, għoli ta’ sitt piedi,  filwaqt li l-mogħdija, jew aħjar il-korsija li tagħti għall-artal kienet perfettament niexfa. B’hekk l-Ewkaristija fl-Ostensorju,li kien esponuta għall-Adorazzjoni bl-ebda mod ma kienet  mittiefsa mill-ilmijiet.

L-aħbar ta’ din il-ġrajja mirakoluża nxterdet minnufih mal-belt,u ħafna nies, inkluż dawk fl-awtorità  marru fil-knisja,ikantaw għanjiet ta’ tifħir u radd il-ħajr lill-Mulej ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku kbir. B’hekk diversi mijiet ta’ nies raw dan il-Miraklu.

Dan il-miraklu fakkar lil kull min rah fil-qasma tal-Baħar l-Aħmar fi żmien Mosè, fl-Antik Testment.

Il-patrijiet kitbu dak kollu li seħħ fir-registru tal-Komunità li għadu kkonservat sal-lum.

Fit-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, fil-festa ta’ Sant’ Andrija Appostlu, fil-knisja ta’ Avignon,il-patrijiet Penitenti Griżi Franġiskani għadhom jorbtu ħabel ma’ għonqhom u jitkaxkru, b’mod devot u fit-talb, fuq irkopptejhom u idejhom,  biex ifakkru dal-Miraklu u l-mogħdija li l-predeċessuri tagħhom għaddew minnha fil-lejl tal-Miraklu biex setgħu jaslu għall-artal fejn kien hemm l-Ewkaristija Esposta. Waqt din iċ-ċelebrazzjoni qaddisa, qabel ma jsir it-tberik bis-Sagrament Imqaddes, il-patrijiet ikantaw kant sagru meħud mill-Kantiku ta’ Mosè, li kien ġie kompost wara il-qsim tal-Baħar l-Aħmar: “ Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ….Min hu bħalek, Mulej? Inġemgħu l-ilmijiet; għaqdu fil-qalba tal-baħar l-imwieġ….Bi tjubitek mexxejt dan il-poplu li inti fdejt; b’ħiltek mexxejtu lejn l-għamara qaddisa Tiegħek.” (Esodu 15,1-18).

Il-Miraklu ta’ Ettiswil, l-Isvizzera 1447

Fit-23 ta’ Mejju 1447, ċertu Anna Vögtli minn Bischoffingen,membru ta’ setta satanika, serqet l-Ewkaristija mill-knisja Parrokkjali ta’ Ettiswil. Wara li telqet mill-knisja, ġriet sakemm laħqet il-ħajt taċ-ċimiterju.Ippruvat titla’ mal-grada tiegħu,iżda minnufih l-Ewkaristija saret tqila wisq biex tinġarr. Aktar tard Vögtli, waqt l-investigazzjoni  mill-awtoritajiet ċivili u ekkleżjastiċi, stqarret hekk: “Wara li żelqet idi minn fuq il-grada dejqa tal-ħadid ħadt l-Ostja l-kbira. Imma hekk kif mort lil hinn mill-ħajt taċ-ċimiterju, l-Ostja tant saret tqila li ma stajtx inġorrha aktar. Billi ma stajtx immur ‘il quddiem jelura tfajt L-Ostja fil-ħurrieq qrib ċint.” Aktar tard l-Ostja instabet miż-żagħżugħa Margaret Schulmeister, ragħajja tal-ħnieżer li ddikjarat hekk: “Jum minnhom wasalt bil-ħnieżer tiegħi ħdejn il-post fejn kienet mitfugħa l-Ewkaristija. Il-bhejjem tiegħi  waqfu u ma ridux jimxu aktar.Tlabt l-għajnuna lil żewġt irġiel li kienu għaddejjin fuq iż-żwiemel tagħhom.Huma raw fil-ħaxix l-Ostja li kienet maqsuma f’seba’ biċċiet. Sitta minnhom kienu jiffurmaw fjura simili għal warda u dawl kbir kien madwarhom.” Ġie infurmat il-kappillan li dan minnufih mar fil-post,biex jiġbor l-Ewkaristija u jeħodha lura l-knisja.Iżda filwaqt li seta’ jigbor is-sitt biċċiet tal-Ostja, is-seba’ waħda li kienet propju fin-nofs kienet donnha mwaħħla mal-art. Dan ġie interpretat  bħala sinjal mis-Sema. Ġie deċiż li l-Ostja titħalla imwaħħla fl-art u bnew kappella hemmhekk fejn wara din l-Ostja għebet. 

Is-sitt biċċiet l-oħra nżammu fil-Knisja ta’ Ettiswil. Il-kappella u l-artal ġew ikkonsagrati it-28 ta’ Diċembru 1448, sena u nofs wara li seħħ dan il-Miraklu. Relikwarju (ritratt) li fih hemm is-sitt biċċiet tal-Ostja Mirakoluża nżammet fil-kappella u tul is-snin seħħew bosta mirakli hemmhekk.

Dan il-miraklu jiġi mfakkar kull sena fil-festa msejħa “Laetare” li  tiġi ċċelebrata matul tlett ijiem sħaħ. Matul is-sekli bosta Papiet taw indulġenti lil kull min iżur u jitlob f’din il-kappella.

L-aktar dokument importanti li jiddeskrivi dal-Miraklu Ewkaristiku fid-dettal huwa “Protokol tal-Ġustizzja” miktub fis-16 ta’ Lulju, 1447 minn Hermann von Russeg, ir-Reġent ta’ Buron.

Il-Miraklu f’Turin, l-Italja

Fis-sena  1453, fil-wied ta’ Alta Val  Susa qrib il-belt ta’ Exilles, xi 80 mil fil-punent tal-belt ta’ Turin, saret battalja ħarxa bejn it-truppi Franċiżi  ta’ René ta’ Anjou u t-truppi Taljani tad-Duka Ludoviku ta’ Savoja. Wara l-battalja s-suldati rebbieħa Franċiżi ssakkeġġjaw knisja ewlenija tal-belt qrib Exilles. Wieħed mis-suldati fost il-bosta ħwejjeġ li seraq mill-knisja  seraq ukoll  l-Ostensorju bl-Ewkaristija fih. Huwa poġġa kulma seraq fi xkora u għabbieha fuq dahar il-bagħal tiegħu. Is-suldati Franċiżi marru Turin biex ibigħu l-oġġetti kollha misruqa tagħhom f’dik il-belt. Hekk kif waslu fil-pjazza ewlenija tal-belt qrib il-Knisja ta’ San Silvestru (illum il-Knisja ta’ Corpus Christi), fis-6 ta’ Ġunju 1453, festa ta’ Corpus Christi, il-bagħal ta’ dak is-suldat  tfixkel u waqa’. L-ixkora li kienet fuqu waqgħet fl-art u nfetħet u l-Ostensorju bl-Ewkaristija fiha  minflok ma waqa’ fl-art mal-oġġetti l-oħra kollha mirakolożament tela’ fl-għoli fuq id-djar tal-madwar u dawwal il-pjazza kollha,waqt l-istagħġib tan-nies kollha.Fosthom kien hemm Don Bartilmew Coccolo li minnufih wassal din l-ġrajja lill-Isqof  Ludovik tal-Markiżi ta’ Romagnano, li dan minnufih mar fil-pjazza, akkumpanjat minn bosta saċerdoti u nies. Huwa nxteħed għarkopptejh f’Adorazzjoni u talab bil-kliem tad-dixxipli ta’ Emmanus:“Ibqa’ magħna,Mulej”.  Sadanittant, b’mod mirakoluż l-Ostensorju waqa’ fl-art vojt, filwaqt li l-Ewkaristija baqgħet fl-ajru tiddi bħax-xemx.L-Isqof li kien qiegħed iżomm kalċi  f’idejh, għollih ‘il fuq u l-Ostja kkonsagrata bdiet nieżla bil-mod fil-kalċi. Wara l-Isqof f’purċissjoni solenni ħa l-Ostja lura fil-knisja.

Dawn il-ġrajjiet ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku huma kollha ddokumentati fl-Atti Kapitulari tas-snin 1454,1455,1456, flimkien ma’ manuskritti miktuba minn diversi xhieda, miżmuma fil-muniċipju ta’ Turin.

Fis-sena 1853,il-Beatu Papa Piju IX iċċelebra b’solennità kbira r-raba’ Ċentinarju ta’ dal-Miraklu. Jingħad li fost dawk kollha preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm Don Ġwann Bosco, aktar tard San Ġwann Bosco (1815- 1888), u Don Michele Rua (1837-1910) aktar tard Beatu, li kien l-ewwel suċċessur u Superjur Ġenerali tal-Kongregazzjoni Reliġjuża  Salesjana wara l-mewt ta’ San Ġwann Bosco, il-fundatur tal-Kongregazzjoni.

F’din l-okkażjoni l-Papa approva l-Uffiċċju Divin u l-quddiesa tal-Miraklu għad-djoċesi ta’ Turin.

Fis-seklu ħmistax is-Santa Sede ordnat li l-Ostja tiġi kksunsmata.

 Fis-sena 1928 il-Papa Piju XI għolla l-Knisja ta’ Corpus Christi għad-dinjità ta’ Bażilka Minuri. Ġewwa l-Bażilka hemm kanċell tal-ħadid b’lapida fuqu li fiha hemm deskrizzjoni dettaljata ta’ dan il-Miraklu Ewkaristiku.  Fl-aħħarnett, biex jibqa’ imfakkar dan il-Miraklu pittura tal-Isem Imqaddes ta’ Ġesù ġiet impittra fuq l-erba’ bibien tal-belt. Aktar tard, fis-sena 1753 r-Re Karlu Emanuelle III tas-Savoja kkummissjona lill-pittur Benedetto Alfieri biex jirrestawra d-dekorazzjonijiet kollha ta’ ġewwa l-Bażilka.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading