L-Ewkaristija qalb il-fjammi tan-nirien, u Mirakli Oħra fis-seklu Sittax

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar

Il-Miraklu f’Asti, l-Italja

Fil-25 ta’ Lulju 1535, il-qassis twajjeb Don Domenico Occelli waqt li qiegħed jiċċelebra l-quddiesa l-Ħadd filgħodu fuq l-artal maġġur tal-Kolleġġjata ta’ San Secondo hekk kif kien qiegħed iħejji biex jaqsam l-Ostja Kkonsagrata nnotta li l-Ostja kienet qiegħda ssir ħamra bid-Demm ħaj.

Tliet qatriet ta’ Demm waqgħu fil-kalċi u qatra oħra baqgħet fit-tarf  tal-Ostja. Għall-ewwel is-saċerdot kompla l-quddiesa imma meta qasam il-biċċa tal-Ostja li kellha titqiegħed fil-kalċi ħareġ id-Demm minnha u waqa’ fuq il-patena. Is-saċerdot ma setax jemmen lil għajnejh, ikkonfonda sew x’jaqbad jagħmel,  dar lejn in-nies u talabhom biex jiġu fuq l-artal biex jaraw il-Miraklu. Hekk kif  kien se jikkonsma l-Ostja d-Demm għeb mill-ewwel u l-Ostja reġgħet lura għall-kulur naturali u safi tagħha.

Dal-Miraklu  ġie rrappurtat lill-Isqof Scipione Roero ta’ Asti, li dan minnufih informa lill-Papa Pawlu III. Fl-Ittra  Appostolika tiegħu tas-6 ta’ Novembru 1535, il-Papa ta indulġenza Plenarja lil dawk kollha li jżuru u jitolbu fil-knisja ta’ San Secondo  fil-jum tal-Anniversarju tal-Miraklu.

Skont dokument, riprodott fi skrizzjoni fuq l-irħam, f’dik l-okkażjoni xi suldati eretiċi kkonvertew għall-fidi Nisranija. F’dawk il-jiem, Asti kien taħt il-ħakma tal-Imperatur Karlu V, u ħafna mit-truppi tiegħu kienu qed jgħixu  fil-belt. Dan ir-rakkont jinsab fl-arkivji tal-Vatikan li minnhom saret kopja fl-1884 fuq talba tal-Kanonku Longo, u jinsab ukoll fil-ktieb tal-Kumpanija tas-Santissimu Sagrament, imwaqqfa fil-Kolleġġjata ta’ San Secondo sa mis-sena 1519.

Testimonjanzi oħra huma pittura tas-seklu 16 fil-kappella tal-Kurċissjoni li turi dan l-miraklu, kif ukoll skrizzjoni fuq il-Lapida tal-irħam li tinsab fil-knisja li fiha hemm dal-kliem: Hic ubi Christus Ex sacro pane Effuso sanguine Exteram vi traxit fidem Astensem roboravit  li tfisser Hawnhekk, wara li xerred demm mill-Ħobż imqaddes, Kristu ġibed lill-barranin għall-Fidi u saħħaħ dik tal-poplu ta’ Asti.

Il-Miraklu ta’ Morrovalle, l-Italja

F’din il-belt, fil-lejl ta’ bejn is-16 u s-17 ta’ April 1560, waqt l-Ottava tal-Għid, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, l-ajk Franġiskan Angelo Blasi qam bil-ħoss ta’ tfaqqigħ qawwi li kien ġej min-naħa tal-knisja tal-kunvent.Malli ħares mit-tieqa taċ-ċella tiegħu ra li l-Knisja kienet kompletament maħkuma minn fjammi kbar. Mill-ewwel ġera biex javża lill-aħwa patrijiet Franġiskani. Il-komunità reliġjuża flimkien ma’ bosta nies tal-belt bdew ħidma biex jitfgħu n-nirien kbar. Huma rnexxielhom jitfgħu n-nar wara seba’ sigħat sħaħ ta’ ħidma kontinwa. Madanakollu, il-knisja kienet iġġarfet sew u ma kienx jidher għajr borġ ġebel. Fil-jiem ta’ wara beda x-xogħol biex jitneħħew il-fdalijiet maħruqa tal-Knisja. Fis-27 ta’ April, Patri Battista da Ascoli waqt li kien qiegħed iċaqlaq biċċa irħama li kienet tagħmel parti minn dak li kien l-artal maġġuri, ra bejn il-ħitan li kien hemm il-ġebla sagra u fin-nofs tar-rovini l-korporal ftit maħruq li fuqu kien hemm l-Ostja kbira Kkonsagrata, iżda l-Ostja kienet intatta u f’kundizzjoni tajba. Il-pissidi kien imdewweb kollu, imma l-għatu baqa’ sħiħ.  Għad-dehra ta’ dal-Miraklu  Patri Battista sejjaħ lill-patrijiet u n-nies li ġrew lejn id-dehra Mirakoluża. Għal tlett ijiem sħaħ,is-Santissimu Sagrament kien espost għall-Adorazzjoni pubblika. Meta wasal il-Provinċjal Franġiskan Patri Evanġelista da Morro d’Alba, l-Ostja Mirakoluża tpoġġiet f’Kaxxa tal-Ovorju. Ġie nfurmat ukoll il-Vatikan b’dal-Miraklu. Il-Papa Piju IV bagħat id-Delegat tiegħu l-Isqof Lodoviku di Forli biex jagħmel investigazzjoni kanonika. Hekk kif il-Papa rċieva r-rapport tal-Delegat, u ra u ġġudika li fil-ġrajja kien hemm intervent sopranaturali bil-Bolla Pontifiċja tiegħu Sacro Romana Ecclesia tas-sena 1560 awtorizza formalment d-devozzjoni pubblika. F’din il-Bolla, il-Papa pproklama l-Anniversarji tal-jiem tal-ħruq tal-knisja  u tas-Sejba tal-Ewkaristija ( 17 ta’ April u 27 ta’ April 1560) bħala żewġ festi b’indulġenzi Plenarji.

Dawn il-festi ġew imsejħa bħala il-“festi taż-Żewġ Maħfriet” (Perdoni)- indulġenzi, għall-għotja mill-Papa tażżewġ Indulġenzi Plenarji. Ftit żmien ta’ wara l-knisja saritilha t-tiswijiet kollha meħtieġa u ġiet ukoll imkabbra. Iż-żewġ dati kienu jiġu mfakkra kull sena bl-Espożizzjoni tas-Santissimu Sagrament  u tar-Reliwarju.  Madankollu, l-Ostja Mirakoluża baqgħet intatta sas-sena 1600, imma minħabba ċirkustanzi storiċi kull traċċa tal-Ostja Mirakoluża ġiet mitlufa wara dik id-data. Illum kulma fadal hu r-relikwarju tal-ħġieġ bil-korporal nofsu maħruq fih  u l-għatu tal-pissidi għadhom jeżistu u miżmuma bl-akbar għożża u qima mill-poplu ta’ hemmhekk.

Ir-Raba’ Centinarju ta’ dal-Miraklu ġie ċċelebrat fl-1960, u l-Kunsill tal-belt iddeċieda unanimament li jpoġġi fil-bieb ewlieni ta’ Morrovalle l-iskrissjoni “Civitas Eucaristica” (Belt Ewkaristika). 

Il-Miraklu ta’ Alcoy, Spanja

Juan Prats, raġel ta’ oriġni Franċiż, kellu bżonn il-flus b’mod iddisprat, u għalhekk fid-29 ta’ Jannar 1568 daħal bil-moħbi fil-knisja Parrokkjali u seraq ħafna oġġetti Sagri, fosthom tabernaklu żgħir tal-fidda li fih kien hemm pissidi bi tliet Ostji Kkonsagrati. Wara li kkonsuma t-tliet Ostji  ħeba t-tabernaklu ġo munzell injam fl-istalla tiegħu. L-għada l-Kappillan Don Antonio nduna li xi oġġetti Sagri ġew  misruqa mill-knisja inkluż it-tabernaklu bl-Ostji kkonsagrati. Daqq il-qniepel tal-Knisja u informa  lin-nies bis-serqa. Mal-ewwel in-nies bdew jitolbu quddiem il-knisja u bdew ifittxu dawn l-oġġetti Sagri f’diversi postijiet madwar il-belt.Iżda ma setgħux isibuhom bl-ebda mod! Kien hemm armla Maria Miralles li kienet tgħix qrib id-dar ta’ Juan Prats. Fid-dar tagħha kellha statwa ta’ Ġesù Bambin li tagħha  kienet devota ħafna. Hija talbet b’akbar ħerqa biex jinstabu l-Ostji Kkonsagrati. Ftit sigħat wara  Maria rat l-id ċkejkna ta’ Ġesù tipponta subgħajha lejn id-dar ta’ Juan. Ġieha suspett u nfurmat lill-Kappillan u l-awtoritajiet ċivili. Il-Kappillan ukoll ħass bħala forza stramba li ggwidatu lejn id-dar ta’  Juan. Flimkien mal-pulizija huwa daħal fl-istalla ta’ Juan. Huma fittxew u qallbu fil-munzell tal-injam u hemm sabu t-tabernaklu li fih kien hemm it-Tliet Ostji Kkonsagrati. Juan kien ixxukkjat u ma setax jifhem kif it-tliet Ostji li kien kiel kienu fit-tabernaklu. Juan għaraf id-dnub sagrilegu tiegħu, nidem u stqarr dnubietu.It-tabernaklu bl-Ostji ġie meħud proċissjonament Solenni lura lejn il-knisja.

 Il-Miraklu għadu sal-ġurnata tal-lum ġie imfakkar b’purċissjoni fil-festa ta’ Corpus Christi.

Ftit żmien wara, id-dar ta’ Juan inbidlet f’oratorju bħala riparazzjoni għall-għemil sagrilegu tiegħu. Juan. Kbira hi d-devozzjoni tan-nies lejn dal-oratorju.

Id-dokumenti relatati ma’ dal-Miraklu Ewkaristiku flimkien mal-istatwa ta’ Ġesù Bambin jinsabu għall-wiri u l-qima fil-Monasterju tas-Santu Sepulkru f’Alcoy sal-ġurnata tal-lum.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading