Żewġ Mirakli f’Firenze, l-Italja, f’żewġ sekli differenti!

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

Il-Miraklu f’Veroli, l-Italja

Fis-26 ta’ Marzu 1570, Solennità tal-Għid, fil-knisja ta’ Sant’ Erasmus, f’Veroli, ġie espost is-Santissimu Sagrament għall-Erbgħin Siegħa ta’ Adorazzjoni pubblika.

Skont ir-rit tradizzjonali  ta’ dak iż-żmien,is-Santissimu Sagrament l-ewwel kien jitqiegħed f’pissidi tond tal-fidda u wara  jitqiegħed ukoll f’reċipjent qisu borża tal-korporal u tal-palla meta ma jkunux qegħdin jintużaw waqt il-quddies.  Wara dan kien jitpoġġa f’kalċi ċerimonjali kbir tal-fidda bil-patena tiegħu. Imbagħad dan kollu kien jiġi imgeżwer f’drapp eleganti tal-ħarir. Ta’ min jgħid li dak iż-żmien l-Espożizzjoni tas-Santissimu Sagrament f’Ostensorju ma kinitx prattika mifruxa, minkejja li l-Konċilju ta’ Cologne (1452) jirreferi speċifikament għall-Ostensorju.

Kienet id-drawwa li kull Konfraternità ta’ natura reliġjuża kienet tagħmel siegħa Adorazzjoni quddiem  is-Santissimu Sagrament. Kienet propju f’waħda minn dawn is-sigħat ta’ Adorazzjoni li kienu qegħdin jagħmlu l-membri tal-Konfraternità tal-Ħniena (li kienet qabel tikkonsisti fil-Konfraternità ta’ Corpus Christi u dik tal-Madonna) lebsin l-ilbies iswed tagħhom u għarkopptejhom fit-talb u l-Adorazzjoni,li seħħ dan il-Miraklu Ewkaristiku, li fih Ġesù Bambin deher fl-Ostja Esposta li kienet fuq il-kalċi ,imdawwar b’ħafna anġli.

L-aktar dokument awtentiku dwar dan il-Miraklu Ewkaristiku jinsab fil-Kanċellerija tal-Kurja tad-djoċesi, u hu  ppreservat ukoll  fl-arkivji tal-Knisja ta’ Sant’ Erasmus.

Lapida Kommemorattiva tal-irħam tinsab fuq il-faċċata tal-knisja, fejn tispjega b’mod dettaljat il-ġrajja ta’ dan il-Miraklu.

Sal-lum din il-ġrajja Mirakoluża hija mfakkra b’ċerimonja Solenni fil-preżenza tal-Isqof tad-Djoċesi. Il-kalċi,il-patena u l-pissidi tal-fidda fejn kien espost is-Santissimu Sagrament ġew kollha ppreservati u huma miżmuma bl-akbar għożża u qima mar-relikwi u relikwarji tal-qaddisin.

L-Ostja kkonsagrata li fiha deher Ġesù Bambin ġiet ikksumata wara 112-il sena.

Fis-sena 1970 fl-okkażjoni tar-raba’ Ċentinarju tal-Miraklu ġie ċċelebrat it-Tielet Kungress Ewkaristiku tad-Djocesi ta’ Veroli-Frosinone.

L-Adorazzjoni tas-Santissimu Sagramnet issir kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar, u l-knejjes kollha l-oħra  ta’ Veroli jinżammu magħluqa. 

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Gorkum-El Escorial, Olanda – Spanja

Fis-sena 1572, xi merċinarji Protestanti, segwaċi ta’ Ulrich Zwingli imsejħa “Sea beggars” li kienu jiġu mħallsa mill-Prinċep ta’ Orange invadew il-belt ta’ Gorkum  fl-Olanda. Huma daħlu fil-Katidral Kattoliku u bdew jisirqu u jkissru kulma sabu li ma setgħux jisirqu. Saħansitra bdew jagħtu daqqiet u jkissru l-tabernaklu b’boltijiet tal-ħadid. Ħarġu minn ġo fih il-pissidi li kien fih l-Ostji kkonsagrati, li b’disprezz ġew mitfugħa fl-art.Wieħed minn dawn il-merċinarji bħala sinjal ta’ insult u disprezz lejn l-Ewkaristjia, biż-żarbun li kellu b’ponta ta’ ħadid beda jgħaffeġ taħt saqajh u b’rabja u mibegħda beda  jagħti bis-sieq  waħda mill-Ostji tant li qasam dik  l-Ostja kkonsagrata fi tliet biċċiet. Minnufih, minn dawn il-biċċiet tal-Ostja kkonsagrata beda ħiereg Demm ħaj. It-tliet biċċiet tal-Ostja iffurmaw lilhom infushom bħala tliet feriti żgħar f’għamla ta’ ċirku.  Madanakollu, fortunatament   wieħed mill-profanaturi, meta ra dik ix-xena tal-biża’ tħawwad, u beda jiddispjaċih ferm għal dik l-azzjoni tant sagrilega. Minnufih huwa nidem u mar javża lil Kanonku Jean Van der Delft, li dan b’xi  mod jew ieħor rnexxielu ssalva l-Ostja, kif kienet  tliet  biċċiet bid-Demm. Fis-sena 1594 din l-Ostja ġiet mogħtija lir-Re Filippu ta’ Spanja, li dan għaddieha lill-Monasterju Rjali ta’ San Lorenzo f’ El Escorial (qrib Madrid, Spanja, iżda l-Miraklu Ewkaristiku seħħ  f’Gorkum, fl-Olanda). 

 Fuq l-artal fejn l-Ostja Mirakoluża għadha miżmuma sal-ġurnata tal-lum, il-pittur taljan Filippo Filippini ħadem erba’ bassorilievi tal-irħam u bronz li jippreżentaw il-ġrajja ta’ dan il-Miraklu Ewkaristiku. Barra minn hekk, il-pittura ta’ Claudio Coello (1621-1693) tippreżenta l-inawgurazzjoni tat-tabernaklu kkummissjonata mir-Re Carlos II speċifikament biex titqiegħed fih ir-Relikwja Prezzjuża.

F’El Escorial fil-29 ta’ Settembru u fil-28 ta’ Ottubru ta’ kull sena jsiru Ċelebrazzjonijiet solenni biex jfakkru u jqimu dan il-Miraklu, li matuhom jkun hemm mumenti fejn il-Ostja Mirakoluża , magħrufa bħal “Sagrada Forma” tigi esposta u meqjuma f’Purċissjoni Solenni madwar it-toroq ta’ El Escorial.

 Il-Mirakli ta’ Firenze, l-Italja

Il-belt ta’ Firenze ġiet stabbilita bħala sistemazzjoni għas-suldati sa mis-sena 80 QK.  Firenze hija l-belt Kapitali tar-Reġjun Taljan tat-Toskana kif ukoll l-aktar belt popolata tat-Toskana. Meqjuża bħala l-post fejn twieled ir-Rinaxximent. Firenze hija famuża għall-istorja u għax-xogħlijiet artistiċi tagħha u li jinsabu ġewwa fiha. Hija wkoll il-belt li fiha seħħu żewġ Mirakli Ewkaristiċi li saru fil-knisja ta’ Sant’ Ambroġju. Jingħad li din il-knisja kienet inbniet fejn kien joqgħod Sant Ambroġ meta żar Firenze fis-sena 393 WK.

Diġà f’artiku preċedenti f’din is-sensiela konna tkellimna dwar il-Miraklu Ewkaristiku  li kien seħħ fil-knisja ta’ Sant’Ambroġju f’Firenze fis-sena 1230 fejn is-saċerdot Fr.Uguccione, wara li spiċċa jiċċelebra l-quddiesa ma ndunax li kien ħalla ftit qtar tal-inbid ikkonsagrat fil-kalċi li wara nbidlu f’Demm Sagru ħaj.

Eventwalment 365 sena wara, fl-istess knisja ta’ Sant’Ambroġju f’Firenze, fl-24 ta’ Marzu 1595, nhar il-Ġimgħa l-Kbira waqt li fuq l-artal prinċipali  kienet qiegħda ssir il-funzjoni tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu, xemgħa mixgħula fis-Sepulkru, l-artal tal-Adorazzjoni Ewkaristika li kien fil-kappella tal-ġenb, waqgħet mal-art u kkawżat nar fis-Sepulkru fejn dak il-ħin kien qed jinżamm is-Sagrament Imqaddes. In-nar minnufih beda jinfirex sew mal-kappella bil-periklu immedjat li jasal ħdejn is-Sagrament u  jaħraq  l-Ostji kkonsagrati. Fil-knisja kollha qam eċċitament, kommozzjoni  u biża’ kbira  kemm fost il-kleru kif ukoll fost l-Insara fidili li kienu qed jieħu sehem f’dik il-funzjoni tant devota.  Kemm is-saċerdoti kif ukoll xi nies ġrew mill-ewwel biex jitfu n-nar u biex jippruvaw isalvaw is-Santissimu Sagrament.  Dak il-ħin saċerdot bil-ħsieb li jsalva is-Sagrament Imqaddes minn nirien ġera lejn in-nar fetaħ it-tabernaklu u ħareġ il-pissidi bl-Ostji Kkonsagrat. Iżda,inċidentalment, fl-eċċitament sitt Ostji kkonsagrati waqgħu mill-pissidi fuq it-tapit li kien għadu qed jinħaraq bati mingħajr fjammi. Madanakollu,minkejja n-nar dawn l-Ostji nstabu intatti u magħquda flimkien, forsi wkoll minħabba l-ilma li kien mitfugħ qabel biex jintefa dak in-nar.

Fis-sena 1628 l-Arċisqof ta’ Firenze Mons. Marzio Medici eżamina dawn l-Ostji kkonsagrati u sabhom għadhom sħaħ u intatti.  Huwa ordna li ż-żewġ Speċi Sagri (id-Demm tal-ewwel Miraklu (1230), u l-Ostji Kkonsagrati tat-Tieni Miraklu (1595 ) jitqiegħdu f’Relikwarju.

F’Mejju ta’ kull sena waqt id-devozzjoni tal-Erbgħin Siegħa, ir-Relikwarju, li jkun fih ukoll l-Ewkaristija, jiġi espost għall-Adorazzjoni pubblika.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading