Isimgħu lill-Mulej, imxu flimkien, offru xhieda

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa lis-seminaristi Amerikani: Isimgħu lill-Mulej, imxu flimkien, offru xhieda

It-Tnejn filgħodu, l-Papa Franġisku ltaqa’ mas-saċerdoti, djakni, seminaristi u staff mis-Seminarju ta’ Santa Marija fi Cleveland, Ohio. Il-grupp Amerikani qed jiċċelebra l-175 anniversarju mit-twaqqif tas-seminarju.

Wara d-diskors tal-ftuħ mill-Isqof ta’ Cleveland Edward Malesic, il-Papa Franġisku indirizza lill-grupp billi l-ewwel radd ħajr lil Alla għan-numru kbir ta’ saċerdoti li ġew iffurmanti mis-seminarju tul kważi żewġ sekli. Huwa nnota kif illum, is-seminarju qed ikompli din il-missjoni billi jeduka u jħareġ djakni u ministri lajkali “biex jgħinu lill-poplu qaddis ta’ Alla jgħix is-sejħa tiegħu biex ikunu dixxipli missjunarji”.

Il-Papa enfasizza wkoll kif din il-missjoni ta’ formazzjoni tieħu “importanza dejjem akbar” hekk kif il-Knisja qed tkompli fil-mixja sinodali tagħha billi tenfasizza tliet elementi ewlenin: tisma’ lill-Mulej, nimxu flimkien, u tagħti xhieda.

Li tisma’ lill-Mulej hija karatteristika essenzjali, għax “ma nistgħu nagħmlu xejn weħidna”, rrimarka l-Papa. Din il-kuxjenza ssejjħilna biex kuljum nimmeditaw fuq il-Kelma tal-Mulej, biex inqattgħu ħin fit-talb, fis-skiet quddiem it-Tabernaklu, u biex ikollna l-għajnuna ta’ akkumpanjament spiritwali.

“Tinsew qatt l-importanza li tpoġġu lilkom infuskom quddiem il-Mulej biex tisimgħu dak li jrid jgħidilkom. Fil-fatt, li nisimgħu leħen Alla fil-fond ta’ qalbna u nagħrfu r-rieda tiegħu huma indispensabbli għat-tkabbir interjuri tagħna, partikolarment meta niltaqgħu ma’ xogħlijiet urġenti u diffiċli”.

Il-ħajja tas-seminarju diġà tgħin biex tiżviluppa din id-drawwa tat-talb li hija essenzjali għall-ministeru, osserva l-Papa, u li nisimgħu lill-Mulej jgħinna biex inwieġbu għall-fidi tagħna sabiex inkunu nistgħu ngħallmu u nxandru b’mod effettiv “il-verità u l-ġmiel tal-Evanġelju b’mod awtentiku u ferrieħi”.

Il-Papa mbagħad iffoka fuq l-importanza li jiġi approfondit l-ispirtu ta’ komunjoni fraterna fost dawk fis-seminarju, iżda wkoll mal-Isqof tagħhom, mal-fidili tal-Knisja lokali, inklużi l-irġiel u n-nisa reliġjużi u l-fidili lajċi, kollha b’għajnejn miftuħa għad-dinja tal-Knisja universali.

“Għandna nagħrfu li aħna parti minn poplu kbir wieħed li rċieva l-wegħdiet t’Alla bħala rigal, mhux bħala privileġġ. Bl-istess mod, il-vokazzjoni tagħkom hija don li titqiegħed għas-servizz tal-bini tal-ġisem ta’ Kristu.”

Li nisimgħu lil Alla u nimxu flimkien jgħinuna nsiru “sinjal ħaj ta’ Ġesù preżenti fid-dinja”, fakkar il-Papa, u b’dan il-mod nistgħu nagħtu xhieda tal-fidi tagħna. Il-Qdusija Tiegħu esprima t-tama tiegħu li l-formazzjoni tagħhom fis-seminarju tgħinhom iħejju biex jingħataw kompletament “f’imħabba ċelibi u b’qalb mhux maqsuma, lil Alla u lill-poplu qaddis tiegħu”.

“Il-Knisja teħtieġ l-entużjażmu, l-ġenerożità u l-ħeġġa tagħkom sabiex turu lil kulħadd li Alla dejjem magħna, f’kull ċirkustanza tal-ħajja. Nitlob biex, fid-diversi appostolati edukattivi u ta’ karità li intom diġà mpenjati fihom, tkunu dejjem sinjal ta’ Knisja li toħroġ, li tagħtu xhieda u li taqsmu l-imħabba ħanina ta’ Ġesù ma’ kulħadd fil-familja umana, speċjalment mal-foqra, u dawk fil-bżonn”.

It-tliet azzjonijiet ta’ smigħ, mixi flimkien, u xhieda huma elementi ewlenin tal-vjaġġ sinodali tal-Knisja, enfasizza l-Papa, kif ukoll fil-mixja tagħkom ta’ formazzjoni fit-tħejjija għall-ordinazzjoni.

“Nafdakom f’idejn l-interċessjoni materna ta’ Marija Bambina, Patruna tas-seminarju tagħkom, inbierek bil-qalb lil kull wieħed minnkom, lill-familji tagħkom u lill-Knejjes lokali tagħkom. U nitlobkom jekk jogħgobkom titolbu għalija. Grazzi!”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-03/pope-us-seminarians-listen-to-lord-walk-together-offer-witness.html

%d bloggers like this: