Simboli Insara u aktar mirakli fi Spanja u l-Italja

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

Simboli Insara fl-ewwel żminijet tal-Kristjaneżmu

Fl-artiklu preċedenti tkellimna dwar is-simbolu Ichthys li  akrostikament jissimbolizza lil Kristu,u li jinsab f’diversi affreski fil-katakombijiet f’Ruma.Iżda das-simbolu Kristjan ma jinstabx biss miktub fuq il-ħitan tal-katakombijiet imma nsibuh ukoll minqux fl-irħam u l-ġebel kbir f’postijiet oħra. Eżempju klassiku u magħruf ħafna huwa dak li jinsab fuq blata kbira tal-irħam fl-art tal-fdalijiet Kristjani f’Efesu Rumana (tat-Tieni seklu wK) fit-Turkija. Hawnhekk minbarra l-ittri Griegi IXƟYΣ il-Kristjani kienu jużaw s-simbolu Kristogram ċirkolari (tond) li kien fih dawn ittri superimposti b’tali mod li r-riżultat kien jixbah rota bi tmiem ponot.

I-Insara kienu jużaw das-simbolu bikri Kristjan biex jimmarkaw postiijiet tal-laqgħat reliġjużi,fejn jiċċelebraw l-Ewkaristija,l-oqbra tagħhom u saħansitra fuq djarhom biex jingħarfu bejniethom bħala Insara,minħabba l-presekuzzjonijiet kbar li kellhom mir-Rumani.Għall-bidu l-persekuturi ma kinux jafu xi jfisser tas-simbolu sakemm gvernatur Ruman induna bit-tifsira tiegħu.Imbagħad kien tabilħaqq faċli li jiddentifikaw lill-Insara li konsegwentament kienu jiġu maqbuda u mitfugħa fl-areni tal-anfiteatri kbar Rumani, bħal dak ta’ Efesu, biex jiġu mbiċċra u  mikula ħajjin jew mejtin mill-bhejjem selvaġġi u feroċi,bħal leopardi, ċingjali u ljuni.

Fost id-diversi simboli Kristogrammi tal-ewwel Insara nsibu l-monogramma magħrufa bħala l-Chi-Rho,li hija ffurmata miż-żewġ ittri kapitali X u P. Għalkemm dawn l-ittri jidhru qishom  XuP fl-alfabett Malti fil-fatt CHI u RHO huma l-ewwel żewġ ittri (XP) ta’ “Kristu” bil-Grieg XPIΣTOΣ (Christos).Għalhekk dil-mongramma kienet u għadha tintuża bħala simbolu ta’ Sidna Ġesù Kristu,tal-Kristjaneżmu u tal-Insara. Bażikament,das-simbolu jikkonsisti f”superimpożizzjoni taż-żewġ ittri X u P, b’tali mod li l-linja vertikali tal-P (rho) taqsam vertikalment min-nofs l-ittra X (chi) biex hekk tifforma s-simbolu tant magħruf

ll-Miraklu Ewkaristiku f’Alcalá,Spanja

Fis-sena 1597 fil-Knisja tal-Ġiżwiti ta’ Alcalá raġel stqarr li flimkien ma’ grupp ta’ żingari u ħallelin Moori seraq diversi oġġetti sagri, fosthom pissidi bl-Ostji kkonsagrati,minn tliet knejjes Kattoliċi. B’xorti tajba,dar-raġel imqanqal mill-indiema stqarr fil-qrar dan kollu lil patri u tah lura l-24 Ostja kkonsagrata misruqa li kienu fil-pissidi.Fil-bidu kien maħsub li l-Ostji Sagri jiġu kkunsumati waqt quddiesa,iżda aktar tard,bil-biża’ li l-Ostji jistgħu jkunu avvelenati kif kien ġara lil xi saċerdoti f”Murcia u Segovia,ġie deċiż li l-Ostji jinżammu f’kaxxa tal-fidda u jitħallew jiddekomponu b’mod naturali. Iżda, wara ħdax-il sena l-Ostji nstabu li kienu għadhom intatti. Il-Provinċjal Patri Luis de La Palma,ordna li l-Ostji kkonsagrati jitqiegħdu f’kantina tal-inbid flimkien ma’ xi ostji oħra mhux ikkonsagrati.Ftit xhur wara,l-ostji mhux ikkonsagrati kienu ddekomponew kollha bl-umdità,filwaqt li l-Ostji kkonsagrati baqgħu kollha kemm huma intatti. Sitt snin wara l-Provinċjal ddeċida li jagħmel pubbliku dal-fatt misterjuż. Testijiet akkademiċi u mediċi mit-tabib Garcia Carrera tar-Re kif ukoll minn  bosta teoloġi magħrufa kkonkludew dal-fatt bħala wieħed ta’ natura sopranaturali.

Fis-sena 1619 l-Awtoritajiet Ekklesjastiċi awtorizzaw uffiċjalment il-veraċità tal-Miraklu.L-Ostji Sagri kienu meqjuma pubblikament fil-preżenza tar-Re Filippu III,li fis-sena 1620 mexxa purċissjoni Solenni  li fiha ħadu sehem il-membri tal-familja rjali,il-Kleru u n-nies tal-belt .

Meta fl-1767 Karlu III keċċa lill-Ġiżwiti minn Spanja,l-Ostji Sagri ġew meħuda fil-knisja maġisterjali. Fl-1936 meta l-komunisti ħarqu l-knisja,il-qassisin qabel ma ġew maqtula ħbew bir-reqqa kbira dawn l-Ostji Sagri. Iżda wara, minkejja tiftix intens fil-knisja u l-kripta l-Ostji Sagri baqgħu ma nstabux.

“Alla għamel Miraklu Ġdid!” hekk esklama Don Anselmo Raymondo Tornero,il-bijografu erudit tal-belt,fil-ktieb tiegħu b’deskrizzjoni ferm iddettaljata ta’ dal-Miraklu ta’ Alcalá.

Il-Mirakli li seħħew fis-seklu Sbatax (1600-1699)

Minn dokumenti,listi u klassifiċi uffiċjali tal-Vatikan jidher li das-seklu kien wieħed li matulu seħħew ħafna Mirakli Ewkaristiċi.Fil-fatt seħħew mhux inqas minn tnax-il Miraklu Ewkaristiku mxerrdin f’erba’ pajjiżi differenti,fosthom l-Italja (6 Mirakli),Franza (3 Mirakli), Spanja (Żewġ Mirakli),u l-Peru (Miraklu Wieħed)  kif se naraw f’dis-sensiela.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Mogoro, l-Italja

F’April,1604,it-Tnejn wara l-Għid,seħħ miraklu ġewwa Mogoro,fil-gżira Taljana ta’ Sardinja. Dan kien deskritt mill-istoriku Dun Pietro M.Cossu.Waqt li l-kappillan tal-Knisja parrokkjali ta’ San Bernardu, Fr Salvatore Spiga,kien qiegħed iqarben fil-quddies għaraf  żewġt irġiel,li kienu magħrufin sew f’dik il-belt għall-ħajja xellerata u immorali li kienu qed jgħixu,li resqu għat-tqarbin. Minkejja dan il-Kappillan xorta waħda qarbinhom. Iżda hekk kif is-saċerdot tahom l-Ostja Sagra f’ħalqhom huma eċċitati u b’mod vjolenti beżqu quddiem kulħadd l-Ewkaristija fl-art wara l-poġġaman tal-artal. Bdew jiġġustifikaw ruħhom għal dal-għemil sagrilegu billi qalu li l-Ostji kienu jaħarqu daqs faħma tkebbes u l-Ewkaristija kienet qed taħraqilhom ilsienhom.Imbagħad telqu jiġru ‘l barra rrabjati mill-knisja. Immedjatament wara,Fr Salvatore mar biex jiġbor l-Ostji Sagri mill-art imma wara li ġabarhom sab li kienu ħallew il-marka tonda tagħhom fl-art daqslikieku ġew skolpiti fil-ġebla.L-Ostji ħallew l-impronta tagħhom fuq l-art kiesħa tal-ġebel.Il-kappillan ordna biex dil-ġebla tiġi maħsula u mnaddfa sew bl-għerik biex jitneħħew il-marki.Imma minkejja l-isforzi kollha l-marki baqgħu minquxa fil-ġebla.L-Isqof tal-post Antonio Surredo ġie mgħarraf  b’dil-ġrajja u ordna li ssir xi forma ta’ gwarniċ żgħir li filwaqt li tikkonserva dil-ġebla din tibqa’ tidher  mill-pubbliku.L-ordni tal-Isqof ġiet imwettqa minnufih.Dil-ġebla baqgħet tissejjaħ “il-ġebla tal-Miraklu” u l-marki tal-Ostji għadhom jidhru sal-ġurnata tal-lum.

Fost id-dokumenti li jikkonfermaw dal-Miraklu hemm l-att pubbliku tan-Nutar Pedro Antonio Escano tal-25 ta’ Mejju, 1686.

Biex titfakkar din il-ġrajja mirakoluża u bit-tpattija għall-għemil sagrilegu ssir purċissjoni Ewkaristika Solenni f’Mogoro kull nhar il-Ħadd ta’ wara l-Għid.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading