L-Importanza u s-sinifikat tal-ħut fl-ikla tal-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

L-Ewkaristija – l-Ikla tal-Mulej

 L-importanza u t-tifsir tal-ħut fl-Ikla tal-Mulej

F’dis-sensiela tkellimna dwar l-Ikla tal-Mulej fiż-żminijiet tal-ewwel Insara fil-katakombijiet,u ppreżentajna wkoll xi affreski tagħhom.Tajjeb ngħidu,li għall-bidu,il-katakombijiet kienu sempliċiment postijiet tad-dfin,fejn l-ewwel insara setgħu jiltaqgħu biex iwettqu riti funebri u jiċċelebraw l-anniversarji tal-martri u l-mejtin tagħhom.Iżda matul il-persekuzzjonijiet tal-insara  mill-Imperatur Ruman Decius f’it-3 seklu wK,l-insara kienu jużaw il-katakombijiet bħala postijiet moħbija u ta’ kenn temporanju għaċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.

Iżda fhiex kienet tikkonsisti din l-Ikla Ewkaristika,u x’tip ta’ ikel kienu jieklu?

Partikularment importanti fil-ħajja tal-komunitajiet Insara tal-bidu din l-Ikla kienet tissejjaħ ukoll Agape (il-Festa ta’ Imħabba) – laqgħa filgħaxija jew billejl li matulha kienu jitolbu,jiċċelebraw l-Ewkaristija billi jagħmlu l-Ikla tal-Mulej. Ħafna drabi dawn il-laqgħat kienu jiġu organizzati fil-flus tal-komunità jew tal-membri l-aktar għonja tagħha sabiex jiġu megħjuna l-ifqar Insara,bħal romol weħedhom, anzjani u orfni.Kif kiteb Ġustinu Martri magħruf ukoll bħala Ġustinu l-filosofu (c.100-c.165 WR):“L-għonja minna ngħinu lill-foqra kollha, u ngħixu dejjem flimkien fi qbil wieħed.” 

Ovvjament,l-ikel l-aktar importanti kien il-Ħobż bla ħmira u Inbid aromatizzat (għaċĊelebrazzjoni tal-Ewkaristija); kien ikun hemm ukollżejt taż-żebbuġa,stew tal-fażola, melħ,ħxejjex morri u ħxejjex oħra ( ħjar,karfus,basal, ħass) ħaruf u tjur, frott (tin, tuffieħ, lanġas, għanbaqar, ċirasa) legumi u  ġobon. 

Skont l-ikonografija tagħhom,l-Insara fil-katakombijiet taw l-Ewkaristija kuntest ferm usa’ billi inkludew il-ħut fir-ritwali tagħhom. Ħafna drabi fuq il-mejda kienu jidhru xi ħut,zalza tal-ħut.

Il-ħut kien meqjus,s’intendi wara l-Ħobż,bħala l-aktar ikel xieraq għan-Nisrani minħabba li hu msemmi ħafna fl-Evanġelji.

Xi drabi l-membri wara l-laqgħa,kienu jistgħu jieħdu wkoll parti mill-ikel fid-djar tagħhom biex jaqsmuh mal-membri tal-familji tagħhom li forsi għal xi raġuni jew oħra, bħal mard, ma kinux jistgħu jattendu għal din l-Ikla Ewkaristika u komunitarja.

Insibu ħafna affreski fil-katakombijiet li jinkludu l-ħut fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.Hekk, pereżempju, fil-katakombi ta’ San Kalistu (c.300 WK),hemm rappreżentazzjoni unika tal-“impositio manuum” (it-tqegħid tal-idejn),u l-barka tal-Ħobż tal-Ewkaristija.F’dal-affresk Ewkaristiku jidher altar f’għamla ta’ trepied li fuqu hemm ħobża u ħuta.Filwaqt li raġel qed iqiegħed idejh (impositio manuum) fuq il-ħobża u l-ħuta, mara fuq il-lemin liebsa t-tunica qed tgħolli idejha b’tifħir u radd-il ħajr  lil Alla.

Fost is-simboli użati mill-ewwel Insara,dak tal-ħut huwa probabbilment l-ewwel wieħed fl-importanza u s-sinifikat.Tabilħaqq,minn sorsi dokumentati nafu li l-ħut simbolikament kien familjari ħafna għall-ewwel Insara. Hekk fil-Capella Greca u fil-“Kmajra tas-Sagramenti” fil-katakombi ta’ San Kalistu,il-ħuta kienet tidher bħala simbolu sinifikattiv ferm fl-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu.

Is-simbolu nnifsu seta’ ġie mnebbaħ mit-Tkattir Mirakoluż tal-Ħames ħobżiet u żewġ ħutiet  li bihom Ġesù tema’ madwar ħamest elef raġel, barra min-nisa u tfal ( Mattew 14, 13-21), kif ukoll mill-ikla ta’ Ġesù mas-seba’ dixxipli, wara l-Qawmien Tiegħu,fuq ix-xatt tal-baħar tal-Galilija (Ġwanni 21,9), iżda l-popolarità ta’ das-simbolu fost l-ewwel Insara kienet dovuta, prinċipalment, għall-akrostiku magħruf ferm li jikkonsisti mill-ittri inizjali tal-ħames kelmiet Griegi li jiffurmaw il-kelma għall-ħut (Ichthys), liema kliem jiddesrivi fil-qosor iżda b’mod ċar l-identità u l-missjoni salvifika  ta’ Kristu: Iesous Christos Theou Yios Soter, li jfisser Ġesu Kristu, Bin Alla, Salvatur. Għaldaqstant,il-kelma Ichthys,kif ukoll r-rappreżentazzjoni ta’ ħuta,kellhom għall-ewwel Insara tifsir tal-ogħla sinifikat; kienet stqarrija Solenni u espliċita  tal-Fidi tagħhom fid-Divinità ta’ Kristu, il-Feddej tal-umanità. Dawk li jemmnu f’dan l-Ichthys mistiku kienu huma stess “ħut żġħir” kif kiteb Tertuljanu (c.155 – 220AD),apoloġista u teologu Kristjan tal-bidu fit-Trattat tiegħu dwar il-Magħmudija, Kap.1: “aħna,ħut żgħir,wara xbieha ta’ Ichthys tagħna,Ġesù Kristu,nitwieldu fl-ilma”.It-tpinġija tal-Ichthys fuq il-ħitan tal-katakombijiet kien sinjal ċar li hemm kien post fejn jiltaqgħu l-insara u dan kien mifhum sew minnhom,imma mhux daqstant mill-persekuturi Rumani.

Minbarra l-affreski Ewkaristiċi fil-katakombijiet, numru konsiderevoli ta’ oġġetti li fihom is-simboli tal-ħut huma ppreservati f’diversi mużewijiet Ewropej. Wieħed mill-aktar interessanti,minħabba l-aggruppament tal-ħut ma’ diversi simboli oħra b’konnessjoni ma’ Kristu, jinsab u huwa ġawhra minquxa fil-Mużew Kircheran, f’Ruma. Hekk,pereżempju,hemm ankra f’forma ta’ T, b’żewġ ħutiet taħt it-traversa;filwaqt simbolu ieħor jirrappreżenta vapur sostnut minn ħuta,bil-gamiem mistrieħ fuq l-arblu u l-poppa,u Kristu fuq l-ilmijiet isalva lil San Pietru.

Wara r-raba’ seklu wK s-simboliżmu tal-ħut beda gradwalment jonqos,filwaqt li rappreżentazzjonijiet ta’ ħut fuq fonti tal-Magħmudija u fuq utensili tal-Magħmudija tal-bronż bħalma huma dawk misjuba f’Ruma u Trier,issa fil-Mużew Kircherian,huma biss ta’ karattru ornamentali,issuġġeriti, probabbilment  mill-ilma Imbierek użat fis-Sagrament tal-Magħmudija. Madanakollu,xorta jibqa’ s-sens Kristoloġiku tagħhom.

Fl-aħħarnett,ta’ min igħid li mal-iffirmar tal-editt fis-sena 313 wK,il-persekuzzjoni tal-insara waqfet,u huma setgħu jibdew jibnu knejjes u jakkwistaw art mingħajr biża’ ta’ konfiska.Minkejja dan l-insara baqgħu jużaw il-katakombijiet bħala ċimiterji sas-seklu 5,kif nistgħu naraw ukoll minn dawk li jinsabu f’Malta u Għawdex,xhieda ta’ Kristjaneżmu bikri f’pajjiżna.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading