Mistiċi: Meister Eckhart

Print Friendly, PDF & Email

Nru 3. MEISTER ECKHART ŻIFFA TA’ LIBERTÀ

Minn Joe Galea

L-ewwel snin ta’ ħajtu Eckhart għaddihom fir-raħal żgħir u grazzjuż ta’ Erfurt, il-Ġermanja. Imbagħad ta’ ħmistax-il sena huwa ngħaqad mad-Dumnikani ġewwa Tambach, ftit kilometri ‘l bogħod minn fejn twieled. M’għaddiex wisq żmien qabel ma ngħata r-responsabbiltà ta’ prijur, imbagħad ta’ vigarju ġenerali ta’ Thuringe, dak iż-żmien fl-Imperu Qaddis Ruman.

Id-dawl spiritwali tiegħu kien kbir tassew, kif jixhdu d-Diskorsi Spiritwali, it-taħditiet li fl-għaxijiet kien ikollu man-novizzi tiegħu u li fihom kien jispjega bil-mod qawwi tiegħu t-temi l-kbar tal-ispiritwalità. Spikkaw fih il-kwalitajiet intellettwali li ħaduh darbtejn Pariġi, bejn l-1302 u l-1313, fejn tqies bix-xieraq bħala professur straordinarju.

Imma wara dawn is-snin il-maltemp tal-Ispirtu Liberu, dak il-moviment psewdo-spiritwali u ta’ raġunar imħawwad, ġab ħerba fil-kunventi Dumnikani u fil-beguinages (*) ta’ Strasbourg. Biex jiġi evitat li ħafna jgħaddu għall-ereżija, kien hemm il-ħtieġa ta’ xi ħadd ta’ ħila li jsib soluzzjoni. Kien għalhekk li Eckhart ġie msejjaħ fi Strasbourg bħala vigarju ġenerali ta Tettonie bl-iskop li jassigura fil-patrijiet imġiba reliġjuża xierqa.

B’ħila u mingħajr ma jattakka lill-imseħbin tal-Ispirtu Liberu, Eckhart stieden għal livell ieħor, dak ta’ ħajja tassew f’Alla, filwaqt li ħa l-frażi ta’ San Massimu l-Konfessur: “Issir bi grazzja dak li Alla hu b’natura.” Huwa għaraf juri xorta oħra ta’ libertà spiritwali u l-prietki tiegħu ġibdu l-folol, bis-saħħa tal-verità evanġelika u ż-żiffa ta’ libertà li l-Vanġelu jġib miegħu. Dan ma damx ma qajjem l-għira ta’ xi wħud li wasslet biex ikun mibgħut Cologne, promozzjoni li fl-istess ħin kienet mod kif jitwarrab fil-ġenb bil-pulit.

Għalfejn Alla sar bniedem?
Biex Alla jitwieled fir-ruħ u r-ruħ titwieled f’Alla:
għal dan li nkitbet l-Iskrittura kollha,
għal dan li Alla ħalaq id-dinja u n-natura anġelika.

F’Cologne l-inkwiet ġera warajh ukoll. Il-mod u l-kontenut tal-predikazzjoni ta’ Eckhart m’għoġbux lil xi wħud minn sħabu li ħassewhom jitħawdu bil-libertà ta’ kliemu. Kien hemm min beża’ li se jitlef l-importanza li kellu, u dan minbarra r-reazzjoni tal-Franġiskani li storikament kienu opposti għad-Dumnikani. Eckhart ġie akkużat quddiem l-arċisqof ta’ Cologne li ndaħal b’saħħa biex jikkundanna lit-teologu li deherlu li kien perikoluż.

L-ewwel evidenzi li tressqu kontrih kienu lista ta’ temi li ma kienx hemm qbil dwarhom, mill-Ktieb tal-Konsolazzjoni Divina; imbagħad inġiebu xi siltiet mill-Prietki ta’ Eckhart, kollha maqlugħin mill-kuntest tagħhom. Eckhart wieġeb b‘Apoloġija, fejn ma qagħadx lura milli juri l-għira tal-akkużaturi tiegħu u jikxef il-ħażen tal-proċess li kienu qed jgħadduh minnu. Id-Dumnikani kien warajh, u sħabu sqarrew li ma kellhomx dubju dwar il-ħajja qaddisa tiegħu. Imma hawn daħlu x-xhieda giddieba.

Il-proċess ħa fit-tul u l-akkużaturi baqgħu jwebbsu rashom kontra Eckhart. Għalhekk, megħjun mill-kapitlu ta’ Cologne, huwa appella lis-Santa Sede fl-24 ta’ Jannar tal-1327. Fit-13 ta’ Frar iddefenda l-innoċenza tiegħu fil-knisja tad-Dumnikani ta’ Cologne. Wara sar jaf li mhux biss ir-rikors tiegħu ġie miċħud imma kellu jiġġustifika t-teżi tiegħu f’Avignon quddiem il-Papa Ġwanni XXII. Għalhekk ta’ 70 sena rħielha bil-mixi lejn dik il-belt flimkien mal-proviċjal tiegħu, Henri de Cigno. Kien vjaġġ iebes li matulu kellu jaffronta wkoll il-maltemp u l-perikli mill-briganti u l-bhejjem selvaġġi. Mifni bil-għeja, Meister Echart miet fit-triq, ma nafux kif u fejn, bla ma laħaq iddefenda ruħu.

Il-bolla tal-Papa Ġwanni XXII inħarġet wara mewtu, fis-27 ta’ Marzu tal-1329. Għalkemm Eckhart ma nstabx ħati għalkollox ta’ ereżija, 28 proposta tiegħu ġew ikkundannati. Irid jingħad, iżda, li l-istess proposti kienu maqlugħin mill-kuntest u ħafna minnhom lanqas biss kienu miktubin minnu. Ġie kkritikat ukoll minħabba r-raġunar tiegħu bħala ragħaj tal-erwieħ. Il-predikazzjoni tiegħu kellha għalhekk tiġi mrażżna biex it-teżijiet teoloġiċi kbar tiegħu ma jixterdux. Għall-mistiku Eckhart, l-għan tal-Inkarnazzjoni ta’ Kristu kien li jwassal lil kull bniedem biex jidħol fl-istess ħajja tat-Trinità.

Quddiem ġerarkija li kien ħsiebha fiha nfisha u fil-ġid tagħha, ir-ritorn għall-Beatitudnijiet kif spjegat fiI-Prietka 52 ta’ Eckhart kien diffiċli li jiġi aċċċettat. Dan ir-ritorn tqies bħala perikoluż u rivoluzzjonarju, meta r-rivoluzzjoni li rrikkmanda Eckhart ma kinitx ħlief dik tal-Vanġelu.

Mal-bolla tal-Papa deher li kollox kien tar mar-riħ u x-xogħol ta’ Eckhart ma kellux ikompli  jixtered. Minkejja kollox, iżda, it-tagħlim tiegħu tkompla fil-letteratura popolari u wkoll għax id-dixxipli tiegħu Ġwanni Tauler, Henri Suso u oħrajn issoktaw jaħdmu fuqu. Fis-seklu għoxrin il-ħsibijiet ta’ Eckhart reġgħu ġew skoperti u saru aktar magħrufa. Fil-fatt kienet mixja spiritwali awtentika lejn dak li hu essenzjali, mixja li ġġib dak “it-twelid ta’ Alla fil-qalb” li kien fil-qalba tal-predikazzjoni ta’ Eckhart.

__________

“Kull reċipjent ma jistax iżomm żewġ xarbiet f’daqqa.
Jekk fih inbid, irid bilfors jiżvojta mill-ilma.
Jeħtieġ li r-reċipjent ikun għeri u vojt.
Mela jekk trid tirċievi l-hena ta’ Alla jeħtieġ li tiżvojta mill-kreaturi.
Jgħidu li jekk l-għajn ikun fiha xi lewn, meta tħares lejn xi ħaġa ma tarax il-lewn li hemm fiha.
Iżda hija tara l-ilwien kollha meta ma jkun fiha l-ebda lewn.
Il-fatt li tkun għeri u fqir, li ma jkollok xejn u li tkun vojt, jittrasforma n-natura.
Il-vojt itella’ l-ilma fil-qċaċet tal-muntanji u jagħmel ħwejjeġ kbar.
L-istess, li tkun għeri, fqir u distakkat mill-kreaturi, dawn kollha jerfgħu l-qalb lejn Alla.

(Il-Konsolazzjoni Divina, Meister Eckhart)

__________

“Alla qiegħed id-dar; huwa aħna li ħriġna nagħmlu mixja.”
“It-teoloġi jistgħu ma jaqblux, imma l-mistiċi tad-dinja jitkellmu bl-istess lingwa.”
“Jekk l-unika talba li għedt f’ħajtek hi grazzi, dan hu biżżejjed.”
“Dak li ddaħħal fik fil-kontemplazzjoni jfawwar ’il barra bl-imħabba.”
“Il-prezz ta’ meta ma nagħmlu xejn hu wisq ikbar mill-prezz ta’ meta nagħmlu żball.”
“Il-Mulej qalli ċajta. Kif rajtu jidħaq, għamilli ġid ħafna iktar minn kull Bibbja li qrajt.”
“Kulma jrid Alla minni hi qalb fil-paċi.”

(Meister Echart)

(*) Béguinage: Ara l-artiklu dwar Ġuljana ta’ Norwich, Kalendarju Museumin, Mar/Apr 2022, p. 33, par. 3.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading