KAXXA tal-injam u rakkonti oħra

Print Friendly, PDF & Email

Ktieb ta’ novelli li jagħmlu l-qalb u jimlew bil-kuraġġ lil min jinsab nieżel fil-ħama biex iqum.

Michael Caruana

Klabb Kotba Maltin għadhu kemm ippubblika l-ktieb KAXXA tal-injam u rakkonti oħra ta’ Joseph Falzon. Dan il-ktieb, kif isemmi l-awtur stess fil-kelmtejn ta’ qabel, jiġbor fih ħames novelli li int u taqrahom tistenna li se tiltaqa’ miegħek stess. Fil-fatt, dawn in-novelli, għalkemm huma maħluqa minn Falzon huma realtà, esperjenzi li seħħew f’ħajtu, f’ħajjet min qed jaqrahom jew f’ħajjet persuni li nafuhom mill-qrib.

Kull meta jikteb, Falzon dejjem ikollu f’moħħu messaġġ pożittiv x’iwassal anki jekk xi drabi tul in-novella niltaqgħu ma’ ġrajjiet koroh, ta’ swied il-qalb u weġgħat umani. L-awtur jixtieq li b’dawn in-novelli jxettel żerriegħa ta’ valur qalb dinja mimlija velenu, ħażen, midja frakassata bl-orju, tixwix u manipulazzjoni tal-imħuħ.

Joseph Falzon ikompli li jekk dawn in-novelli jnisslu ftit dawl għal dawk li qed jitilfu d-dawl, ikun ta’ konsulazzjoni għalih. Dan għax dawn in-novelli jistgħu jagħmlu l-qalb u jimlew bil-kuraġġ lil min jinsab nieżel fil-ħama biex iqum, jitħeġġeġ u jkompli miexi lejn l-uniku destin li għandu kull bniedem: l-eternità. “Jalla dawn in-novelli jkunu żerriegħa biex wara taqta’ fjuri ta’ kull lewn u li tkun tista’ żżejjen ħajtek bihom kull fejn tkun”, isostni l-awtur.

Id-daħla tal-ktieb hi ta’ Joe Camilleri li jgħid li Falzon jeħodna fid-dinja tal-komuni fejn il-ġrajjiet jibqgħu esperjenzi tan-nies tad-demm u l-laħam li għandhom il-karatteristiċi pożittivi tagħhom magħġuna mad-dgħufijat u mal-waqgħat. Il-pinna ta’ Falzon tiġborhom minn dak li jisma’, minn dak li jaqra, minn dak li josserva jew li jiltaqa’ miegħu. Kultant ukoll minn dak li jġarrab hu nnifsu. Xogħol ta’ kittieb li qed jgħix fid-dinja tal-lum, li hu sensittiv għal dak kollu li jseħħ madwaru, li jaf josserva u jieqaf jirrifletti. Imbagħad, l-istħajjil u ċerta kreattività jkomplu joħolqu l-ingredjenti biex jissawwar rakkont komplut, jgħid Camilleri.

Hu jkompli li r-rakkonti li jikteb Falzon, edukatur u msieħeb tas-Soċjetà MUSEUM, jistgħu jitqiesu bħala estensjoni tal-missjoni tiegħu. Għaldaqstant, in-novelli tiegħu jfittex li jagħtihom il-missjoni li l-ewwel u qabel kollox iwasslu messaġġ pożittiv u juru s-sbuħija u l-validità tal-valuri Nsara b’mod partikulari tal-imħabba u tal-maħfra.     

Joe Camilleri jgħid li l-kitba ta’ Falzon tista’ titqies bħala waħda li twassal it-tagħlima fir-rakkont. “Konxju mill-problemi soċjali, familjari u oħrajn kulturali, l-awtur jaf sew li l-ħajja mhix kollha ward u żahar. Hu jiinħass sensittiv għall-weġgħat u għall-bikjiet ta’ ħaddiehor. Jifhem, jagħder u jissimpatizza ma’ karattri li jsiru vittmi jew li jinbarmu mill-kurrenti negattivi u joffri soluzzjoni waħda: li l-imħabba ġenwina għandha tirbaħ fuq kollox”.

Billi jidher li l-iskop ta’ dawn in-novelli hu dak li jwassal soluzzjoni ta’ tama, Falzon jiżgura li r-rakkont jiżviluppa f’linja ċara mingħajr ekwivoki. “Niltaqgħu ma’ passaġġi fejn l-awtur iwassal l-ossevazzjoni, xi riflessjoni jew il-kummenti tiegħu. Inkella jagħti tagħtif dwar xi kurżità bħal fil-każ tal-oriġini tad-drawwa għala ċ-ċurkett tat-tieġ jintlibes fir-raba’ saba’ tal-id ix-xellugija. In-narattiva tiżvolġi fl-ewwel jew fit-tielet persuna, bi stil kważi telegrafiku u b’għażala ta’ stqarrijiet imwassla permezz ta’ sentenzi effettivi. Minkejja li jmissu mgibiet psikoloġiċi, dawn in-novelli ma jinżlux iberrnu fil-fond fis-subkonxju tal-karattri. In-narrattiva u n-nisġa fattwali jieħdu prominenza fuq kull aspett.

“L-istil tal-kitba tiegħu hu wieħed mexxej u idjomatiku. Jinqeda bil-kelma sempliċi, ċara u diretta u aktar minn attent biex joħloq opra letterarja u artistika min-novella, Falzon jibqa’ ffukat fuq il-messaġġ Nisrani li fl-aħħar irid imiss il-ħsieb, il-qalb u l-kuxjenza tal-qarrejja@, isostni Joe Camilleri.

Barra minn dan, il-karattri tiegħu Falzon jislithom l-aktar mill-iżgħar skaluni soċjali. Ħafna minnhom nies li trawmu f’faqar materjali, inellettwali u soċjali. Huma n-nies tal-weġgħa u tat-tbatija. Nies vittmi ta’ bluhat, ta’ irresponsabbiltajiet u ta’ nuqqas ta’ ħsieb u ta’ għaqal. Ta’ abbużi sesswali. Ta’ relazzjonijiet intimi infeliċi. Karattri mifnija bi preokkupazzjonijiet, b’osservazzjonijiet u b’sens ta’ rimors. Oħrajn, itemm Camilleri d-daħla tiegħu, huma opportunitajiet li japprofittaw ruħhom mill-innoċenza, mill-vulnerabbilà jew mill-fraġilità ta’ ħaddieħor.

Il-ħames rakkonti f’dan il-ktieb inkitbu bejn l-2018 u l-2022. Stejjer li jidher li ma jimmiraw lejn l-ebda pretensjoni għajr dik li mal-gost tal-qari jwasslu messaġġ morali. Li juruna li s-soluzzjoni għal dak li nġarrbu ma tinstabx fit-tpattija u fil-vendetta. L-imġarrab fit-tbatija, il-vittma, jikseb is-sliem u t-trankwillità mhux billi jibqa’ jokrob l-imgħoddi. Lanqass billi jipprova jinsa. Imma billi jaħfer. L-imħabba hi l-qofol tas-salvazzjoni. L-imħabba tixgħel xefaq ta’ dawl ġdid.

Il-ktieb KAXXA tal-injam u rakkonti oħra qed jinbiegħ mill-Klabb Kotba Maltin u mil-librara ewlenin.

%d bloggers like this: