L-Ewkaristija: Il-Misteru tal-Fidi

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

L-Ewkaristija – Il- Misteru tal-Fidi (1)

L-Ewkaristija hija intrinsikament il-Misteru tal-Fidi.Kif tgħallimna l-Knisja Kattolika  fil-Katekiżmu tagħha,f’dan il-Misteru tinsab it-totalità kollha tal-Fidi u s-Salvazzjoni tagħna:“L-Ewkaristija hi l-għajn u l-quċċata tal-ħajja Nisranija kollha(Konċilju Vatikan II,Lumen gentium, 11).Is-Sagramenti l-oħra…..huma kollha marbutin mal-Ewkaristija u jwasslu għaliha.Dan għaliex fl-Ewkaristija tinsab l-għana spiritwali kollha tal-Knisja,jiġifieri Kristu nnifsu,l-Għid tagħna” (Konċ.Vatikan II Presbyterorum ordinis,5) KKK 1324 u KKK 1407.

Fl-aktar mument qaddis u solenni fil-quddiesa s-saċerdot wara li jkun qal il-kliem tal-Konsagrazzjoni fuq il-Ħobż u l-Inbid,li issa saru tabilħaqq l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu,jiddikjara quddiem il-miġemgħa kollha:“Dan hu l-Misteru tal-Fidi” ul-miġemgħa dlonk twieġeb: “Inħabbru l-mewt Tiegħek,Mulej,inxandru bil-ferħ il-Qawmien Tiegħek,nistennewk sa ma tiġi fil-Glorja” – stqarrija indirizzata direttament lil Kristu,preżenti realment fl-Ewkaristija,mimlija tama u stennija ferrieħa għat-Tieni Miġja Tiegħu,u fl-istess ħin wegħda solenni ta’ kull membru tal-miġemgħa għat-twettiq tal-missjoni ta’ Evanġelizzazzjoni fdata lilna bħalma kienet fdata lill-Appostli  minn Kristu nnifsu (Matt.28,19-20).    

Dak il-ħin il-Misteru tal-Fidi jimmanifesta t-twemmin tagħna f’dak li  nkunu għadna kemm ħadna sehem attiv fih,jiġifieri l-Ewkaristija li fiha nnifisha hi l-Misteru kollu tas-Salvazzjoni tagħna permezz tal-Passjoni,il-Mewt,il-Qawmien u t-Tlugħ ta’ Kristu fis-sema,preżenti fl-Ewkaristija.

Il-Papa Ljun XIII (1810-1903) fl-Enċiklika tiegħu Mirae Caritatis (Imħabba tal-Għaġeb),ippubblikatafit-28 ta’ Mejju 1902,propju 121 sena ilu,lejlet il-festa ta’ Corpus Christi,jesplora diversi aspetti tat-teoloġija Ewkaristika,billi jsemmi l-Ewkaristija bħala l-għajn tal-ħajja,il-Misteru tal-Fidi, u r-rabta tal-Imħabba.

It-tema ewlenija ta’ dil-Enċiklika hija prinċipalment l-effetti meraviljużi tal-qima u d-devozzjoni lejn l-Ewkaristija Mqaddsa fil-ħajja morali u spiritwali tal-Insara.

Xieraq,li fl-Anniversarju ta’ dil-Enċiklika nġibu siltiet qosra mill-paragrafu 7 ta’ dil-Enċiklika intitolat propju:“il-Misteru tal-Fidi“:

“F’dan is-Sagrament mill-isbaħ,li huwa l-mezz ewlieni li bih il-bnedmin jiddaħħlu fin-natura divina,(quo divinae naturae homines inserentur),il-bnedmin isibu wkoll l-akbar għajnuna effikaċi lejn il-progress f’kull xorta ta’ virtù.U l-ewwel nett fil-Fidi…Xejn ma jista’ jiġi adattat aħjar biex jippromwovi tiġdid tal-qawwa u l-ħeġġa tal-Fidi fil-moħħ tal-bniedem mill-Misteru tal-Ewkaristija, il-“misteru tal-fidi”, kif ġie msejjaħ bl-aktar mod xieraq.Għax f’dan l-uniku Misteru l-ordni sopranaturali kollu,bil-ġid u l-varjetà tal-għeġubijiet kollha tiegħu,hu b’xi mod miġbur  u  magħqud.Għax billi Alla ssuġġetta l-ordni sopranaturali kollu għall-Inkarnazzjoni tal-Kelma Tiegħu,li bis-saħħa tagħha s-Salvazzjoni ġiet mogħtija mill-ġdid lill-ġens uman,skont il-kliem tal-Appostlu: “li kollox jinġabar taħt Ras waħda,li hu Kristu,kulma hu fis-sema u kulma hu fl-art” (Efesin I,9-10),l-Ewkaristija,skont ix-xhieda tas-Santi Padri,għandha tkun meqjusa bħala kontinwazzjoni u estensjoni tal-Inkarnazzjoni.Għax fiha u biha s-sustanza tal-Kelma Inkarnata hija magħquda mal-bnedmin individwali,u s-Sagrifiċċju suprem offrut fuq il-Kalvarju jiġġedded b’mod tal-għaġeb…U dal-Miraklu,li hu minnu nnifsu l-akbar wieħed tax-xorta tiegħu,huwa akkumpanjat minn għadd bla qies ta’ Mirakli oħra;għax hawn il-liġijiet kollha tan-natura huma sospiżi;is-sustanza kollha tal-Ħobż u l-Inbid tinbidel fil-Ġisem u fid-Demm ta’ Kristu;l-ispeċi tal-Ħobż u l-Inbid huma sostnuti mill-qawwa Divina mingħajr l-għajnuna ta’ xi sustanza sottostanti;….il-Ġisem ta’ Kristu hu preżenti f’ħafna postijiet fl-istess ħin,jiġifieri kull fejn ikun ikkonsagrat is-Sagrament….Jidher ċar li b’dan is-Sagrament titmantni l-Fidi,fih il-moħħ isib l-ikel tiegħu,u jintefa’ dawl abbundanti fuq l-ordni Sopranaturali…”

Il-Mirakli Ewkaristiċi fis-seklu Tmintax

Il-Miraklu ta’ Asti,l-Italja,1718

Kif rajna f’artiklu preċedenti,fil-25 ta’ Lulju 1535 kien seħħ Miraklu Ewkaristiku f’dil-belt meta s-saċerdot Domenico Occelli waqt li kien se jaqsam l-Ostja kkonsagrat fil-quddies innota li l-Ostja kienet qegħda ssir ħamra bid-Demm ħaj,u tliet qatriet waqgħu fil-kalċi.

Il-Miraklu tal-1718 f’Asti jixbaħ ħafna  dal-Miraklu.

Fl-10 ta’ Mejju 1718,  Fr.Francesco Scotto kien qiegħed iqaddes fil-Kappella l-Antika tal-Opera Pia Milliavacca, li kien Istitut edukattiv. Meta s-saċerdot wasal biex jgħolli l-Ostja, membru tal-Kongregazzjoni li kien qrib l-altar,  in-nutar  Scipione Alessandro Ambrogio, li kien kanċillier tal-Arċisqof u teżorier tal-Istitut, induna li l-Ostja kienet maqsuma f’żewġ partijiet. Eżatt wara li s-saċerdot għolla l-kalċi, Ambrogio ħaseb li l-Ostja miksura ma setgħetx tiġi kkonsagrata b’mod validu, għalhekk huwa tela’ fuq l-artal biex jinforma lis-saċerdot u jekk jistax iġibx  ostja ġdida u minnufih ġera lejn is-sagristija biex iġib Ostja oħra. Sadanittant is-saċerdot, li kien diġà kkonsagra l-Ostja, meta  għolla l-Ostja maqsuma, b,għaġeb kbir sab li ż-żewġ partijiet kienu mċappsa bid-Demm, u minnhom kien ħiereġ tabilħaqq id-Demm u jqattar fuq il-korporal u fil-kalċi. Kull min kien preżenti seta’ jara dal-MIraklu.

Wara dal-miraklu kien ġie  ddokumentat minn bosta xhieda miġbura minn nutar pubbliku, u sottoskritti mill-istess saċerdot Fr.Scotto, u minn awtoritajiet reliġjużi u civili.

Prova oħra tal-awtentiċità ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku tinsab fid-dokument li fih hemm iddikjarat li Mons.Filippu Artico, Isqof ta’ Asti, fis-sena 1841 kien ordna li kemm l-Ostja kkonsagrata kif ukoll il-kalċi jiġu eżaminati minn ġdid, minkejja li kienu għaddew numru ta’ snin, minn grupp ta’ speċjalisti li kollha kkonfermaw l-oriġni tat-tbajja’ tad-Demm, jiġifieri l-Ostja kkonsagrata.

Dawn id-dokumenti huma kollha kkonservati fil-kurja tad-Djoċesi ta’ Asti u kopji tagħhom jinsabu wkoll fl-Istitut tal-Opera Pia Milliavacca.

Il-Miraklu ta’ Siena,l-Italja  fl-1730

Fl-14 ta’ Awwissu 1730,lejlet il-Festa ta’ Santa Marija ta’ Provenzano,waqt li l-kleru u l-poplu tal-belt kienu miġburin jitolbu fil-knisja ta’ Santa Marija,xi ħallelin li nnutuw li l-patrijiet kienu wkoll fil-knisja ta’ Santa Marija raw kif għamlu u daħlu fil-knisja ta’ San Franġisk li dak il-ħin kienet vojta.Irnexxielhom jiftħu l-tabernaklu u ħadu l-pissidi li kien fih 351 Ostji u sitt nofsijiet kollha kkonsagrati. Ħadd ma kien nduna bis-serqa sal-għada filgħodu meta patri fetaħ it-tabernaklu għat-Tqarbin. Is-serqa ġiet ikkonfermata wkoll meta parruċċan sab l-għatu tal-pissidi fit-triq.Inbdiet tfittxija għall-Ewkaristija mal-belt kollha.Tlett ijiem wara l-Ostji nstabu fil-kaxxa tal-offerti fil-Knisja ta’ Santa Marija qalb it-trab u l-offerti peress li l-kaxxa kienet ilha ma tinfetaħ.

L-Ostji ġew meħuda lura fil-knisja ta’ San Frangisk f’purċissjoni Solenni.

In-natura Mirakoluża ta’ dil-ġrajja tikkonsisti fil-fatt li minkejja li għaddew aktar minn 290 sena minn dil-ġrajja l-Ostji kkonsagrati baqgħu intatti u friski.Saru diversi investigazzjonijiet matul is-snin biex jikkonfermaw l-awtentiċità tal-Miraklu.

Forsi l-aktar verifika impressjonanti saret fl-1914, meta l-Papa San Piju X awtorizza test li kien jinvolvi esperti fix-xjenza tal-ikel, l-iġjene, il-kimika u l-farmaċewtiċi.Ix-xjentisti kkonkludew li l-Ostji ma kinux ippreparati bl-ebda mod speċjali u kienu ġew maħżuma f’kundizzjonijiet komuni ta’ umdità u dawl li kellhom iwassluhom biex jiddeterjoraw b’mod naturali.Madankollu,kienu f’kundizzjoni daqshekk tajba u  konsumabbli saħansitra anki wara 184 sena mis-sejba tagħhom.Il-kummissjoni kkonkludiet li l-preservazzjoni kienet straordinarja, “…è la scienza stessa che proclama qui lo straordinario.”

Il-Professur Siro Grimaldi, professur tal-kimika fl-Università ta’ Siena u direttur tal-Laboratorju Kimiku Muniċipali, kif ukoll kien jokkupa  bosta pożizzjonijiet distinti oħra fil-qasam tal-kimika, kien l-eżaminatur kimiku ewlieni tal-Ostji qaddisa fl-1914. Wara, huwa ta stqarrijiet elaborati dwar in-natura mirakoluża tal-Ostji, u kiteb ktieb dwar il-Miraklu bl-isem Uno Scienziato Adora (Adoratur Xjentifiku).

Fl-1914 huwa ddikjara hekk:

“Il-Partiċelli qaddisa tal-ħobż bla ħmira jirrappreżentaw eżempju ta’ preservazzjoni perfetta,minkejja l-kundizzjonijiet sfavorevoli kollha li fihom instabu u ppreservati……fenomenu singular li jaqleb il-liġi naturali tal-konservazzjoni tal-materjal organiku. Huwa fatt uniku fl-annali tax-xjenza.”

Fl-1922 saret investigazzjoni oħra – din id-darba fil-preżenza tal-Kardinal Giovanni Tacci, li kien akkumpanjat mill-Arċisqof ta’ Siena u l-Isqfijiet ta’ Montepulciano, Foligno u Grosseto. Għal darb’oħra r-riżultati kienu l-istess: l-Ostji kellhom togħma ta’ ħobż bla ħmira, u kienu ġew ippreservati kompletament.

Fl-1950 l-Ostji mirakolużi ttieħdu mill-pissidi l-antik u tqiegħdu f’wieħed aktar elaborat u prezzjuż, li ġibed l-attenzjoni ta’ ħalliel ieħor.B’hekk, minkejja l-prekawzjonijiet tal-kleru, seħħet serqa oħra sagrilega fil-lejl tal-5 ta’ Awwissu 1951. Madanakollu, din id-darba l-ħalliel seraq biss il-pissidi u ħalla l-Ostji f’rokna tat-tabernaklu.Wara li l-Arċisqof innifsu għamel il-verifiki personali  ssiġilla l-Ostji f’pissidi tal-fidda.

Fost il-ħafna personaġġi magħrufa li żaru l-Ostji Mirakolużi biex jaduraw l-Ewkaristija,insibu lil San Ġwann Bosco u lill-Papa San Ġwanni XXIII li fid-29 ta’ Mejju 1954 żar Siena meta kien għadu Patrijarka ta’ Venezja.Il-Papiet Benedittu XV,Piju XI u Piju XII ukoll għamlu dikjarazzjoni ta’  qima kbira lejn dal-Miraklu.

Saru aktar testijiet fl-1922,1950 u 1951 li komplew jikkonfermaw l-awtentiċità tal-Miraklu.Waqt żjara pastorali fil-belt ta’ Siena fl-14 ta’ Settembru 1980,il-Papa San Ġwanni Pawlu ll qal dwar il-Ostji Mirakoluzi ta’ Sienalihuma: “il-Preżenza reali tal-Mulej Sidna”.

Illum ħafna mill-Ostji Mirakolużi huma kkonservati fil-knisja ta’ San Franġisk fis-Siena,u jiġu esponuti f’diversi okkażjonijiet,speċjalment fis-17 ta’ kull xahar li jfakkar il-jum li nstabu wara l-ewwel serq  tagħhom fis-14 ta’ Awwissu 1730.

 Iċ-ċittadini ta’ Siena għadhom  jagħmlu bosta atti ta’ ġieħ u qima lejn l-Ostji Mirakolużi, fosthom ir-rigali, fjuri u xemgħat offruti mit-tfal tal-Ewwel Tqarbina, il-Purċissjoni Solenni bl-Ostji Mirakolużi fil-Festa ta’ Corpus Christi,  ul-Adorazzjoni Ewkaristika li ssir fis-17 ta’  kull xahar.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading