L-Ewkaristija: Il-Misteru tal-Fidi (2)

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

L-Ewkaristija – Il-Misteru tal-Fidi (2)

Il-Papa San Pawlu VI (1897-1978) fl-Enċiklika tiegħu Mysterium Fidei (Il-Misteru tal-Fidi), ippromulgata fit-3 ta’ Settembru 1965,irrimarka li rridu nersqu lejn dal-Misteru b’umiltà u qima kbira,ma noqogħdux fuq ir-raġunament uman imma nżommu mar-Rivelazzjoni Divina. Alla juri l-Esseri Tiegħu lill-Knisja permezz tar-Rivelazzjoni Divina.

Illum nixtieq nikkwota xi siltiet qosra minn dil-Enċiklika għaliex hi mimlija tagħlim u riflessjonijiet profondi dwar l-Ewkaristija,fosthom dwar id-Domma u l-Misteru tal-Fidi tat-Transustanzjazzjoni, l-Akbar Miraklu Ewkaristiku ta’ kull żmien, pajjiż u kontinent, li sseħħ waqt il-Konsagrazzjoni tal-Ħobż u l-Inbid kuljum fis-sagrifiċċju tal-Quddiesa.Wara kollox,kull Miraklu Ewkaristiku ieħor jaf l-oriġni tiegħu propju minn dal-Miraklu tat-Transustanzjazzjoni.   

“Il-Misteru tal-Fidi,jiġifieri d-don ineffabbli tal-Ewkaristija li l-Knisja Kattolika rċeviet mingħand Kristu,l-Għarus Tagħha,bħala rahan tal-imħabba immensa Tiegħu,hija xi ħaġa li l-Knisja dejjem żammet b’devozzjoni bħala l-aktar teżor prezzjuż tagħha,u matul il-Konċilju Vatikan II hija stqarret il-fidi u l-qima tagħha f’dikjarazzjoni ġdida u solenni. Fil-ħidma tagħhom għat-tigdid tal-liturġija sagra,il-Padri tal-Konċilju kienu mmexxija mill-interess (il-kelma użata hawnhekk bil-Latin hi cura) pastorali kbir tagħhom għall-Knisja kollha biex iqisu bħala materja ta’ importanza kbira li jħeġġu lill-fidili jieħdu sehem b’mod attiv,b’Fidi indiviża u bl-akbar devozzjoni, fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-Misteru Qaddis, joffruh lil Alla flimkien mas-saċerdot bħala sagrifiċċju għas-salvazzjoni tagħhom stess u tad-dinja kollha,u jużawh bħala nutriment spiritwali.Għax jekk il-Liturġija Sagra għandha l-ewwel post fil-ħajja tal-Knisja,allura l-Misteru Ewkaristiku jinsab fil-qalba u fiċ-ċentru tal-Liturġija nnifisha,peress li hu l-għajn tal-ħajja li jnaddafna u jsaħħaħna biex ngħixu mhux għalina imma għal Alla u biex inkunu magħqudin ma’ xulxin bl-eqreb rabtiet ta’ mħabba….Fl-Aħħar Ċena,fil-lejl li fih ġie ttradit is-Salvatur tagħna waqqaf is-Sagrifiċċju Ewkaristiku tal-Ġisem u Demm Tiegħu. Dan għamlu sabiex ikompli s-Sagrifiċċju tas-Salib tul is-sekli sakemm jerġa’ jiġi,u b’hekk jafda lill-Għażiża Tiegħu, il-Knisja, tifkira tal-Mewt u l-Qawmien Tiegħu: Sagrament ta’ imħabba, sinjal ta’ għaqda,rabta ta’ karità,bankett tal-Għid li fih jittiekel Kristu,il-moħħ jintela bil-grazzja, u wegħda ta’ glorja ġejjiena tingħata lilna.’….Dan il-kliem jenfasizza kemm is-sagrifiċċju, li jappartjeni għall-essenza tal-Quddiesa li tiġi ċċelebrata kuljum, kif ukoll is-Sagrament li fih dawk li jieħdu sehem fih permezz tat-Tqarbin Imqaddes jieklu l-Ġisem ta’ Kristu u jixorbu d-Demm ta’ Kristu, u b’hekk jirċievu il-grazzja, li hi l-bidu tal-ħajja ta’ dejjem, u l-“mediċina tal-immortalità” skont kliem Sidna: “Il-bniedem li jiekol Ġismi u jixrob Demmi jkollu l-ħajja ta’ dejjem, u jien inqajmu fl-aħħar jum”. (Ġwanni,6,54)…rridu nisimgħu b’doċilità leħen il-Knisja li tgħallem u li titlob,leħen li kontinwament itenni l-leħen ta’ Kristu, jassigurana li l-mod kif Kristu jsir preżenti f’dan is-Sagrament huwa permezz tal-konverżjoni (conversionem) tas-sustanza kollha tal-ħobż f’Ġismu u tas-sustanza kollha tal-inbid f’Demmu,konverżjoni unika u tassew mill-isbaħ li l-Knisja Kattolika bix-xieraq u kif suppost issejjaħ transustanzjazzjoni..Bħala riżultat tat-transustanzjazzjoni,l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid bla dubju jieħdu sinifikat ġdid u finalità ġdida,għax m’għadhomx ħobż u nbid ordinarju imma minflok sinjal ta’ xi ħaġa sagra u sinjal ta’ ikel spiritwali;imma jieħdu dan is-sinifikat ġdid, din il-finalità ġdida, proprju għax fihom “realtà” ġdida li bir-raġun nistgħu nsejħulħa ontoloġika.Għax dak li issa jinsab taħt l-ispeċi msemmija qabel mhuwiex dak li kien hemm qabel, iżda xi ħaġa kompletament differenti;u mhux biss fl-istima tat-twemmin tal-Knisja imma fir-realtà, peress li ladarba s-sustanza jew in-natura tal-ħobż u l-inbid ġiet mibdula fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, xejn ma jibqa’ mill-ħobż u l-inbid ħlief għall-ispeċi—li taħthom Kristu hu preżenti kollu u sħiħ fir-“realtà” fiżika Tiegħu…”


Il-Mirakli Ewkaristiċi fi Scala, l-Italja

Mill-11 ta’ Settembru 1732 għal aktar minn tliet xhur konsekuttivi dehru sinjali tal-Passjoni ta’ Sidna fl-Ewkaristija.Dil-ġrajja Mirakoluża seħħet waqt l-espożizzjoni tas-Sagrament Mqaddes li kienet issir kull nhar ta’ Ħamis fil-Monasteru tar-Redentur, fi Scala, l-Italja, fil-preżenza ta’ bosta xhieda,fosthom San Alfons Maria Liguori. Dan kollu ġie kkonfermat mhux biss mis-sorijiet u n-nies li kienu preżenti iżda wkoll mill-Isqof Santoro ta’ Scala u mill-Isqof ta’ Castellamare. L-Isqof Santoro kiteb ittra lill-Isqof Simonetti, Nunzju Appostoliku ta’ Napli,fejn iddeskriva d-dettalji kollha relatati mal-viżjonijiet li seħħew fl-Ostja Sagra li kienet ġiet esposta. Min-naħa tiegħu,in-Nunzju għadda l-ittra lill-Kardinal Barbieri,dak iż-żmien Segretarju tal-Istat tal-Vatikan,Ruma.

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Patierno, Napli, l-Italja 1772

Fil-24 ta’ Frar,1772,ħallelin mhux magħrufa serqu ċertu numru ta’ Ostji kkonsagrati li nstabu xahar wara fl-artijiet tad- Duka Delle Grottolelle taħt id-demel tar-raba’.(ritratt).Madanakollu, l-Ostji Sagri kienu kompletament intatti.Id-dehra ta’ dwal misterjużi u ħamiema għamluha possibbli li wieħed jara fejn kienu midfuna l-Ostji.

San Alfons Maria Liguori ddeskriva dan il-miraklu fid-dettall u ħa l-okkażjoni biex jerġa’ jqajjem il-fidi u d-devozzjoni tan-nies lejn l-Ewkaristija.Il-Vigarju Ġenerali, Mons. Onorati ħejja il-minuti tat-tribunal djoċesan li dam sentejn mill-1772 sal-1774. Fil-minuti kien intqal li d-dehra tad-dwal u l-konservazzjoni intatta tal-Ostji kkonsagrati “kienu u huwa awtentiku Miraklu awtentiku ta’ Alla biex juri dejjem aktar il-verità tad-domma Kattolika u jżid il-qima lejn il-Preżenza Reali ta’ Kristu fis-Sagrament Imqaddes tal-Ewkaristija.”

Fost id-diversi testimonjanzi kien hemm ukoll dawk ta’ tliet xjenzati magħrufa ferm ta’ dak iż-żmien fosthom l-Avv.Domenico Cotugno tal-Università ta’ Napli li lkoll qablu li jiddikjaraw li “Il-preservazzjoni intatta tal-Ostji ma tistax tiġi spjegata bi prinċipji fiżiċi u huma jaqbżu l-qawwa ta’ aġenti naturali. Għalhekk, għandhom jitqiesu bħala mirakolużi.

Fid-29 ta’ Awwissu 1774,il-Kurja tal-Arċisqof ta’ hemmhekk esprimiet ruħha b’mod favorevoli dwar is-sejba mirakoluża u l-preservazzjoni bla spjegazzjoni tal-Ostji misruqa mill-Knisja ta’ San Pietru f’Patierno.Fl-1967,il-Kardinal Corrado Ursi,fl-okkażjoni tal-elevazzjoni tal-Knisja ta’ San Pietru għal Santwarju Ewkaristiku djoċesan qal:Il-ġrajja prodiġjuża fil-knisja ta’ San Pietru hija don u twissija divina għall-arċidjoċesi kollha.Dan għandu jħeġġeġ lill-fidili ta’ kull żmien biex iqisu l-messaġġ dwar il-“Ħobż talĦajja għas-salvazzjoni tad-dinja” imniedi minn Kristu nnifsu.”Fl-1971 kienet twaqqfet is-Sena Ewkaristika tad-djoċesi sabiex il-komunità tkun tista’ tifhem u tqim aktar dal-Miraklu Ewkaristiku.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading