L-Ewkaristija – Il-Misteru tal-Fidi (4)

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar

Inkomplu b’siltiet qosra mill-Enċikliċi u Eżortazzjonijiet tal-Papiet,l-iżjed dawk l-aktar riċenti għalina,dwar din it-tema u l-aspetti tant importanti tal-Ewkaristija.

Fit-22 ta’ Frar 2007,Il-Papa Benedittu XVI (1927-2022) ippromulga l-Ewwel Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali tiegħu Sacramentum Caritatis.


Din l-Eżortazzjoni tibda b’din l-istqarrija: “Sacramentum Caritatis” (Is-Sagrament tal-Imħabba),l-Ewkaristija Mqaddsa, hija l-għotja li Ġesù Kristu jagħmel Tiegħu nnifsu,b’hekk jirrivelana l-Imħabba Infinita ta’ Alla għal kull raġel u mara.” Fid-97 paragrafu li tiġbor fiha din l-Eżortazzjoni,il-Papa jesplora u juri kif l-Ewkaristija hi l-Misteru ta’ Fidi li wieħed għandu jemmen,jiċċelebra u jgħix fis-Sagramenti l-oħra kollha,fil-komunità Ekkleżjali,fil-familja – il-Knisja domestika,fis-socjetà,u fid-dinja kollha ta’ madwaru.


L-EWKARISTIJA,Il-MISTERU LI GĦANDU JIĠI EMMNUT:”Din hija l-Opra ta’ Alla, li intom temmnu f’dak li huwa bagħat.”(Ġw.6,29)

Il-Fidi Ewkaristika tal-Knisja
“Il-Misteru tal-Fidi!” B’dan il-kliem,li jingħad immedjatament wara l-kliem tal-Konsagrazzjoni,is-saċerdot iħabbar il-misteru li qed jiġi ċċelebrat u jesprimi l-istagħġib tiegħu quddiem il-bidla sostanzjali tal-ħobż u l-inbid fil-Ġisem u d-Demm tal-Mulej Ġesù,realtà li tisboq kull fehim uman.L-Ewkaristija hija “Misteru tal-Fidi” per eċċellenza: “il-ġabra kollha u s-sommarju tal-Fidi tagħna”. Il-Fidi tal-Knisja hija essenzjalment Fidi Ewkaristika,u b’mod speċjali tieħu l-għajxien tagħha mill-mejda tal-Ewkaristija.Il-Fidi u s-Sagramenti huma żewġ aspetti komplementari tal-ħajja ekkleżjali. Imnebbħa mill-predikazzjoni tal-Kelma ta’ Alla,il-Fidi tieħu l-ħajja u tikber fil-laqgħa mimlija grazzja mal-Mulej Rxoxt li titwettaq fis-Sagramenti: “il-Fidi tiġi espressa fir-rit,filwaqt li r-rit jirrinforza u jsaħħaħ il-Fidi”. Għal din ir-raġuni, is-Sagrament tal-Artal jinsab dejjem fil-qalba tal-ħajja tal-Knisja:“grazzi għall-Ewkaristija,il-Knisja terġa’ titwieled dejjem mill-ġdid!”.Aktar ma tkun ħajja l-Fidi Ewkaristika tal-Poplu ta’ Alla,aktar ikun profond s-sehem tiegħu fil-ħajja ekkleżjali f’impenn sħiħ u sod għall-missjoni fdata minn Kristu lid-dixxipli tiegħu.L-Istorja tal-Knisja stess tagħti xhieda ta’ dan.Kull riforma kbira kienet b’xi mod dejjem marbuta mat-tisjib mill-ġdid tat-twemmin fil-preżenza Ewkaristika tal-Mulej fost il-poplu Tiegħu…


It-Trinità Qaddisa u l-Ewkaristija
L-ewwel element tal-Fidi Ewkaristika huwa l-Misteru ta’ Alla nnifsu, l-Imħabba Trinitarja.Fid-djalogu ta’ Ġesù ma’ Nikodemu,insibu espressjoni mdawla f’dan ir-rigward: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni,biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem.Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja,imma biex id-dinja ssalva permezz Tiegħu” (Ġw.3:16-17).Dan il-kliem juri l-akbar għejun profond tad-don ta’ Alla.Fl-Ewkaristija Ġesù ma jagħtiniex “ħaġa”, imma Lilu nnifsu; joffri Ġismu stess u jferra Demmu stess. B’hekk jagħtina t-totalità ta’ ħajtu u jirrivela l-oriġini aħħarija ta’ din l-Imħabba. Hu l-Iben Etern,mogħti lilna mill-Missier.Fl-Evanġelju nisimgħu kif Ġesù,wara li tama’ lill-folol billi kattar il-ħobż u l-ħut,jgħid lil dawk li kienu marru warajh fis-sinagoga ta’ Kafarnahum: ‘”Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema,għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema,u jagħti l-ħajja lid-dinja”(Ġw.6:32-33),u saħansitra jiddentifika Lilu nnifsu,Laħmu u Demmu,ma’ dak il-ħobż: “Jien hu l-ħobż il-ħaj li niżel mis-sema.Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż,igħix għal dejjem.U l-ħobż li jiena nagħti,huwa Ġismi li jingħata għall-ħajja tad-dinja.” (Ġw.6:51).


L-Implikazzjoni soċjali tal-Misteru Ewkaristiku
L-għaqda ma’ Kristu miġjuba mill-Ewkaristija ġġib ukoll novità fir-relazzjonijiet soċjali tagħna:“dan il-‘mistiċiżmu’ Sagramentali huwa ta’ karattru soċjali”. Tabilħaqq, “għaqda ma’ Kristu hija wkoll għaqda ma’ dawk kollha li lilhom jagħti Lilu nnifsu.Ma nistax ikolli lil Kristu għalija nnifsi biss; nista’ nkun Tiegħu biss f’għaqda ma’ dawk kollha li saru,jew li se jsiru Tiegħu.” Ir-relazzjoni bejn il-Misteru Ewkaristiku u l-impenn soċjali għandha ssir espliċita.L-Ewkaristija hija s-Sagrament tal-komunjoni bejn l-aħwa,irġiel u nisa,li jħallu lilhom infushom jiġu rikonċiljati fi Kristu,li għamel mil-Lhud u l-pagani poplu wieħed,li waqqa’ l-ħajt ta’ ostilità li kien jifridhom (ara Efes.2:14).”


Il-Mirakli Ewkaristiċi fis-seklu Għoxrin
Il-Miraklu ta’ Saint-André,De La Réunion
Is-26 ta’ Jannar 1902,fil-knisja parrokkjali ta’ Saint-André,belt fil-gżira ta’ De La Réunion (kolonja Franċiża),l-Abbati Henry Lacombe,kappillan tal-parroċċa,kien xhud tal-Miraklu Ewkaristiku li rrakkonta lil eluf ta’ nies waqt il-Kungress Ewkaristiku ta’ Angoulême (1904),kif ukoll lill-grupp ta’ saċerdoti miġbura għall-irtir spiritwali fil-belt ta’ Perigueux.


Wiċċ Ġesù Kristu deher fl-Ostja Mqaddsa u rawh eluf ta’ nies għal ħafna sigħat.
Dan hu r-rapport tal-Abbati Lacombe:“Kien is-26 ta’ Jannar1902.Konna qed niċċelebraw adorazzjoni perpetwa (id-Devozzjoni tal-Erbgħin Siegħa).Is-Sagrament Mqaddes kien espost għall-qima Pubblika.Bdejt niċċelebra l-Quddiesa.Wara l-elevazzjoni,fil-mument tal-Missierna, ħarist lejn l-Ostja u rajt awreola qawwija madwar ir-raġġiera tal-Ostensorju.Issoktajt bit-talb tal-Quddiesa b’aġitazzjoni kbira f’ruħi li ppruvajt negħleb.


Wasalna għall-ħin tat-Tqarbin u jiena erġajt ħarist lejn l-Ostensorju.Din id-darba rajt wiċċ uman, b’għajnejh baxxuti u kuruna tax-xewk fuq rasu.L-aktar li kkommovitni kienet l-espressjoni ta’ uġigħ tant evidenti fuq dak il-wiċċ. Ix-xagħar tal-għajnejn kien twil u oħxon.Ippruvajt inwarrab u ma nagħtix kas tal-konfuzjoni li ħassejt f’moħħi dak il-ħin.Wara l-quddiesa, mort is-sagristija u sejjaħt liż-żagħżugħ il-kbir mill-kor biex imur fuq l-artal u josservaw mill-qrib l-Ostensorju.


Iż-żagħżuġħ mar u dlonk ġera lura lejja u qaluli: “Father, rajt fl-Ostja Mqaddsa ras u wiċċ muġugħ ta’ raġel.Huwa l-Mulej it-tajjeb li qiegħed juri Lilu nnifsu!’ Fhimt allura li l-dehra kienet awtentika.Wasal ukoll żagħżugħ ta’ 16-il sena,Adam de Villiers,li kien studja f’kulleġġ fi Franza. Jien għedtlu wkoll: “Mur il-knisja u ara jekk tinnotax xi ħaġa stramba fl-Ostensorju”. Iż-żagħżugħ mar, u ftit wara ġie lura u qalli wkoll:


” Father,huwa l-Mulej it-tajjeb li qed jidher fl-Ostja. Jien rajt Wiċċu Divin”. Minn dak il-ħin,id-dubji kollha tiegħi għebu.Bil-mod il-belt kollha ġew il-knisja biex tara l-Miraklu.Waslu wkoll ġurnalisti u nies mill-Kapitali ta’ Saint Denis.Il-Wiċċ fuq l-Ostja f’daqqa waħda sar animat u l-kuruna tax-xewk għebet. Jien ħadt kull prekawzjoni possibbli,u bil-biża’ mill-effetti tar-raġġi tad-dawl,ħadt ħsieb li jintfew ix-xemgħat kollha u jingħalqu l-persjani. Il-fenomenu sar saħansitra aktar ċar.Fost il-viżitaturi kien hemm artist żagħżugħ li fedelment irriproduċa il-wiċċ fl-Ostja.Iktar tard,il-dehra reġgħet inbidlet u deher Kurċifiss li kien jgħatti l-Ostja kollha minn fuq sa isfel.


Wara l-Barka Ewkaristika u r-reċita tat-Tantum Ergo, il-dehra għebet.”

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading