Ġwanni Pawlu II fl-Ordinazzjoni Episkopali ta’ 14-il Isqof

Print Friendly, PDF & Email

ORDINAZZJONI EPISKOPALI TA’ 14-IL ISQOF ĠDID FIL-BAŻILIKA VATIKANA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Solennità tal-Epifanija ta’ Sidna Ġesù Kristu
Il-Ħamis, 6 ta’ Jannar 1983 

1. “Qum, ilbes id-dawl (Ġerusalem) għaliex ġej id-dawl tiegħek, il-glorja tal-Mulej tiddi fuqek” ( 60, 1).

Qum, Ġerusalem, ilqà d-dawl! Dan id-dawl jiġi għandek minn triq imbegħda, għalkemm hija hekk qrib. Qrib. Mhux tant kilometri fin-nofsinhsar ġie d-dawl tal-Milied, u int, Ġerusalem, donnok tinjorah. U kien donnu hemm bżonn propju li l-Maġi kellhom jiġu mil-Lvant biex jgħiduhulek, li kellhom jiġu biex jistaqsuk. Int Ġerusalem, donnok tinjorah.

Bdsanakollu l-Maġi jiġu għandek u jistaqsuk, għaliex “il-glorja tal-Mulej tiddi fuqek”, għaliex propju int hija l-belt, li fuqha hija kkonċentrata l-istorja kollha tar-Rivelazzjoni tal-patt. Fik jiġu jfittxu lill-Messija l-Maġi mil-Lvant. U jistaqsu: “Fejn hu s-Sultan tal-Lhud li twieled? Rajna titlà l-kewkba tiegħu u ġejna biex nadurawh” (Mt 2, 2).

2. Ejjew inżommu preżenti, għeżież ħuti, li l-Maġi raw kewkba. Kewkba waħdanija. U din saret għalihom is-sinjal dixxernitur. Huma ddeċidew li jsegwuha.

Fil-lejl ta’ Betlem ir-rgħajja li kienu qegħdin jgħassu l-imrieħel tagħhom raw dawl kbir, “u l-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom. Huma nħakmu minn biżà kbir” (Lq 2, 9). Ninsabu, infatti, fiċ-ċentru nnifsu tar rivelazzjoni, li għal sekli ġriet bħal mewġa kbira għal għonq l-istorja tal-Poplu magħżul. Ir-rgħajja ta’ Betlem jappartienu lil dan il-Poplu. Jinsabu fiċ-ċentru tal-patt. Il-glorja tal-Mulej tesprimi ruħha quddiemhom permezz ta’ dawl kbir u bil-kliem tal-multitudni tal-eżerċtu ċelesti (cf. Lq 2, 13).

Barra minn dan iċ-ċirku ċentrali tar-Rivelazzjoni u tal-patt, kewkba waħdanija fil-Lvant tissenjala lill-Maġi li kellhom bżonn jimxu lejn Ġerusalem. It-triq tar-rgħajja kienet qasira. It-triq tal-Maġi hija twila. Ir-rgħajja marru direttament lejn id-dawl li kien dawwarhom fil-lejl ta’ Betlem. Il-Maġi kellhom ifittxu b’perseveranza, waqt li segwew il-kewkba u waqt li ħallewha tiggwidahom b’dawlha.

Hekk, differenti huma t-toroq tal-fidi li jwasslu lill-bnedmin u lill-popli lejn Kristu.

3. Kultant, madankollu, huwa meħtieġ li d-dawl jiġi mill-bogħod fil-post fejn ikollu jiddi b’mod iktar qawwi u li jkollu jikkomunikah lill-oħrajn.

Hekk kien meħtieġ li l-Maġi jiġu mil-Lvant f’Ġerusalem u jħabbrulha t-twelid tal-Messija.

U allura seħħ fatt ferm iktar stramb. Erodi, “ġabar il-qassisin il-kbar u l-iskribi tal-poplu, informa ruħu dwar il-post fejn kellu jitwieled il-Messija” (Mt 2, 4).

Il-qassisin il-kbar u l-iskribi weġbuh minnufih. U wieġbuh sewwa: “F’etlem tal-Ġudea, għaliex hekk hemm miktub permezz tal-profeti (Mt 2, 5). U qrawlu pass adegwat mill-profeta Mikea.

Mela, kienu jafu. Dan id-dawl kien propju f’darhom. Kien ilu żmien idawwal il-poplu tagħhom. Idawwal lil Ġerusalem. Huma kienu jinsabu fiċ-ċentru stess tad-dawl. U hekk hu li minnufih sabu l-kliem ġust fil-ktieb tal-profeta: “U int, Betlem, art ta’ Ġuda, m’intix tassew l-iżgħar fost il-bliet ta’ Ġuda: minnek infatti se joħroġ il-mexxej li se jirgħa l-poplu tiegħi, Iżrael” (Mt 2, 6).

Huma reġgħu qraw dan il-kliem, kebbew ir-romblu tal-ktieb u baqgħu fil-post. Ħadd minnhom ma rħielha lejn Betlem. Dawl kbir miġbur fil-ktieb tal-profeta donnu ma jiddix għalihom. Erodi biss iħabbar li se jmur Betlem; imma b’liema intenzjoni? Dan nafuh ilkoll.

Sadattant il-Maġi jitilqu. Il-kliem tal-profeta Mikea reġà kkonfermalhom id-dawl, li minnu huma kienu ġew immexxija. Il-kewkba kompliet tiggwidahom. Sal post “fejn kienet tinsab it-tarbija” (Mt 2, 9).

4. “Qum (Ġerusalem), ilbes id-dawl, għaliex id-dawl tiegħek ġej” ( 60, 1).

Għeżież ħuti, li llum qegħdin tirċievu l-Ordinazzjoni episkopali!  Dan il-kliem huwa ndirizzat lilkom:

Qum, Ġerusalem! Ilqà d-dawl. Ilqà mad-dawl tal-fidi, il-vokazzjoni ġdida tiegħek! Ilqà flimkien magħha il-missjoni l-ġdida fost il-Poplu ta’ Alla tal-Knisja!

Ilqà mal-fidi f’Dak li jiggwidak, hekk kif il-Maġi tal-Lvant laqgħu d-dawl tal-kewkba li ggwidathom.

U ilqgħu intom ukoll, għeżież ħuti, il-vokazzjoni ġdida u l-missjoni responsabbli biex tiggwidaw fil-fidi l-Knisja ta’ Alla mwielda f’Betlem.

Intom tirrapreżentaew diversi Pajjiżi: L-Italja, il-Polonja. Spanja, il-Ġermanja, iċ-Ċekoslovakkja, in-Niġerja, il-Guinea Ekwatorjali, il-Panama, l-Uganda u l-Korea. Lil kulħadd wasslu d-dawl tal-Epifanija!

Kemm huma differenti t-toroq tal-fidi tal-bnedmin kontemporanji. Fittxu flimkien magħhom dawn it-toroq: kemm ma’ dawk li jiġu mill-bogħod, kif ukoll ma’ dawk li jibqgħu fiċ-ċentru nnifsu tat-tradizzjoni nisranija. Alavolja din it-tradizzjoni ma tidhirx, kultant, li tħeġġeġ ħsibijiethom u l-opri tagħhom. Huma jafu fejn hu miktub dan il-kliem dwar il-Messija, u madankollu ma jerħulhiex lejn Betlem.

Intom, għeżież ħuti, itilqu mill-ġdid u ggwidaw oħrajn! Iggwidaw lil dawk kollha li l-Providenza qegħdet fit-triq tal-vokazzjoni tagħkom. Agħmlu dak kollu li l-forzi tagħkom jippermettulkom, sabiex huma jaslu Betlem.

U, fuq kollox, ieqfu hemm fejn jiggwidakom id-dawl tal-fidi, u agħmlu dak kollu li għamlu l-Maġi tal-Lvant; offrulu r-rigali: deheb, inċens u mirra. Id-deheb tal-imħabba, l-inċens tat-talb u l-mirra tat-tbatija.

5. Intom ilkoll, li ġejtu msejħa biex illum tirċievu minn idejn l-Isqof ta’ Ruma l-Ordinazzjoni episkopali, iktbu b’mod profond f’qalbkom il-misteru tal-Epifanija.

Għall-glorja ta’ Alla etern u s-salvazzjoni tal-erwieħ. Amen!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading