Ġwanni Pawlu II f’Viżta Pastorali f’Rieti u Greccio

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI F’RIETI U GRECCIO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Pjazza Battisti, Rieti
Il-Ħadd 2 ta’ Jannar 1983 

1. “Qum, ilbes id-dawl, għaliex ġej id-dawl tiegħek, il-glorja tal-Mulej tiddi fuqek” (Iż 60, 1). Għeżież ħuti, l-istedina tal-liturġija ta’ llum, is-Sollennità tal-Epifanija, teħodna b’moħħna u bi qlubna f’dak il-lejl ta’ tant snin ilu, meta dan il-Wied, b’inizjattiva ta’ San Franġisk ta’ Assissi, kien irrapreżentat viżibilment għall-ewwel darba il-misteru tal-Milied. F’tali ċirkustanza- skont ir-rakkont tal-ewwel bijografu – inġabru fi Graccio irġiel u nisa ta’ dan ir-reġġjun “li ġarrew kull wieħed u waħda skont il-possibiltajiet tagħhom xemgħat u fjakkli biex idawlu dak il-lejl, li fih xegħlet tibbrilla fis-sema l-Kewkba li dawlet il-jiem u ż-żminijiet kollha” (Tommaso da Celano, Vita prima, 85).

Twettqet b’dan il-mod xewqa li Franġisku kien ilu jikkultiva f’qalbu żmien twil: “jirrapreżenta it-Tarbija mwielda f’Betlem u b’xi mod jara bl-għajnejn tal-ġisem  l-inkonvenjenzi li fihom kien sab ruħu minħabba n-nuqqas tal-ħwejjeġ meħtieġa minn tarbija għadha titwieled, kif kien ġie mqiegħed f’maxtura u kif kien mimdud fuq it-tiben bejn baqra u ħmar” (Tommaso da Celano, Vita prima, 84).

2. Aħna wkoll illum ninsabu hawn miġbura biex nimmeditaw fuq il-misteru li qatt ma nstemà bħalu ta’ Alla li sar bniedem għal imħabbitna; aħna wkoll ninsabu hawn biex nagħrfu li dik it-Tarbija ċkejkna, bla ħila li titkellem, hija l-Kelma mhix maħluqa tal-Missier, Dak li jippossiedi t-tweġiba kapaċi li tissodisfa kull mistoqsija eżistenzjali tagħna; aħna wkoll ninsabu hawn biex naduraw l-obbligu inespressibbli tal-Alla tliet darbiet qaddis, li ma abbandunaniex fil-miżerja tagħna imma, waqt li qabeż l-abbiss tat-traxxendenza tiegħu sar wieħed minna biex jimxi maġembna u jindikalna bl-eżempju t-triq tas-salvazzjoni.

Dan il-ħsieb u l-lezzjoni profonda ta’ spiritwalità evanġelika li titnissel mix-xena tant suġġestiva tal-presepju, jimlewlna r-ruħ bil-ferħ u jġegħluna nifhmu għaliex San Franġist kien kellu għall-Milied “iktar devozzjoni milli għal kwalunkwè festività oħra tas-sena” (Leggenda perugina, 110). Kien infatti “mill-jum ta’ twelidu – kif kien jgħid – li l-Mulej kien impenja ruħu biex isalvana” (Ivi), billi beda dik l-inizjattiva li kellha tintemm bl-umiljazzjoni u l-glorja tal-misteru paskwali.

Waqt li segwejt ix-xhieda tal-Fqajjar dħalt għal dan il-pellegrinaġġ natalizju u ġejt fil-postijiet li għalih kienu għeżież, biex nagħmel diwi għal kliemu u biex nirrepeti quddiem il-ġenerazzjoni kontemporanja li l-“veru dawl tal-ġnus” huwa Kristu, hu, il-Verb inkarnat, il-Feddej tal-bniedem. Jinfetħu l-qlub biex jilqgħu din il-bxara u kull wieħed u waħda minna niċċaqilqu lejn il-maxtura ta’ Betlem, fejn hemm mimduda “it-tarbija ma’ Marija ommha” u, kif għamlu l-Maġi mmexxija mill-kewkba, “mixħutin minn tulna nadurawh” (cf. Mt 2, 11).

3. Għeżież ħuti tal-Komunità ekkleżjali Reatina, miġbura f’din il-pjazza, li fiha jiddomina il-kampnar sabiħ u li tiffaċċja l-katidral majjestuż ikkonsagrat mill-Papa Onorju III fid-9 ta’ Settembru 1225, meta San Franġisk kien għadu ħaj. Jiena ngħidilkom: fiċ-ċentru tal-istorja tad-dinja hemm Kristu! Bih jiskopri ruħu s-sens tal-ħajja; fih jinsab is-sies tal-komunità; għalih tgħix il-Knisja.

Hemm bżonn li dawlu jiddi ma’ kullimkien: fl-individwi, biex jorjenta l-għażliet determinanti tal-ħajja nisranija; fil-familji, biex iqanqal il-fedeltà bla riservi, l-imħabba fertili, il-kult tal-ħajja; fil-parroċċi, strutturi fundamentali tal-Komunità ekkleżjali, sabiex il-Poplu ta’ Alla jkun jistà jirċievi l-konsolazzjoni tal-Kelma u s-sosten tal-Ewkaristija, fil-ferħ tal-komunjoni fraterna, fl-esperjenzi assoċjattivi ekkleżjali, hekk differenti fil-metodi u diversifikati fil-proposti, sabiex kull wieħed u waħda jkunu jistgħu jagħrfu maturazzjoni progressiva fil-fidi u fl-impenn ta’ adeżjoni operanti għall-messaġġ tal-Vanġelu.

4. Hawn ħsiebi u mħabbti jduru b’mod partikolari fuqkom saċerdoti, fuqkom kappillani, fuqkom reliġjużi rġiel u nisa li taħlu l-enerġiji tagħkom f’din l-għażiża dijoċesi ta’ Rieti. Lilkom feħsiebni nirriserva kelma speċjali waqt l-Angelus.

Hawn nixtieq nagħmel appell speċjalment lilkom il-lajċi li b’vokazzjoni speċifika sibtu postkom f’nofs id-dinja biex tanimaw b’mod nisrani ir-realta kumplessa. Is-sehem u r-responsabiltà fl-azzjoni ekkleżjali mhumiex monopolju jew piż irriservat biss għal xi wħud; l-apostolat huwa vokazzjoni u mpenn ta’ kulħadd. Komunità matura għandha tkun taf tesprimi minn sidirha l-enerġiji umani meħtieġa għal preżenza tempestiva u effikaċi fid-dinja kontemporanja.

Inħeġġiġkom għalhekk biex ikollkom dejjem kuxjenza ċara tal-missjoni li Kristu jafdalkom u li l-Knisja tikkonfermalkom: fl-oqsma wiesgħa u multipli tas-“sekular” li tiegħu għandkom tkunu xhieda tal-verità sħiħa tal-bniedem, billi tikkontestaw kull viżjoni mgħawġa jew nieqsa tad-destin tiegħu, u billi mela tirrifjutaw, b’mod speċjali, dawk l-interpretazzjonijiet li ma jagħmlux salva d-dimensjoni traxxendenti.

Indur b’mod speċjali lejkom, żgħażagħ, lilkom li intom l-għada promettenti tal-Knisja u tas-soċjetà: la tagħlqux qalbkom lil Kristu! Ma ssibux mingħand oħrajn t-tweġiba li forsi għadkom qegħdin tfittxu. Wisq ilħna qegħdin jidwu madwarkom, wisq wegħdi, wisq tifħir mhux sinċier.. tħalluhomx isaħħrukom, tħalluhomx jistordukom.  Iksbu spazji ta’ skiet, li fihom ikun possibbli li tidħlu fikom infuskom u toqogħdu tissemmgħu. Kristu għandu kelma x’jgħidilkom, kelma personali, diretta, li fiha hemm miġbur is-sigriet tal-preżent u tal-futur tagħkom. Jekk tkunu tafu tilqgħuha, tkunu tistgħu timxu b’mod sikur u ferrieħi biex tiffaċċjaw il-għada tagħkom.

5. Għeżież fidili tal-Valle Reatina, ninsabu fil-bidu ta’ sena ġdida, li minnha kull wieħed u waħda minna nistennew it-twettiq ta’ tant tamiet, li baqgħu mhux imwettqa tul l-1982. Se tkun ukoll is-sena li fiha se jibda l-Ġublew tal-Fidwa. X’awgurju aħjar jistà jindirizzalkom il-Papa minn dak hekk għażiż għal San Franġisk u li baqà mbagħad simboliku għal uliedu kollha? “Paċi u Ġid!”

F’din il-pjazza venerabbli li fiha waqaf il-Fqajjar, f’dan il-“Wied Qaddis” li qasmuh riġlejh għera u li jfakkar il-preżenza tiegħu b’Santwarji magħrufa u meqjuma, jiena nirrepeti l-awgurju li fih isib espressjonii kull awgurju ieħor u kull komponiment: “Paċi u Ġid!” Paċi fl-intimu tal-kuxjenzi u fir-rapporti interpersonali, paċi fost l-individwi u paċi bejn in-Nazzjonijiet li jippopolaw l-art. U ġid! Kull ġid: il-ġid spiritwali qabel kollox, dak li huwa d-dawl tal-Verità u l-ferħ tal-Imħabba; il-ġid temporali, imbagħad, dak li huwa s-saħħa, dak li huwa x-xogħol, dak li huwa meħtieġ għal ħajja denja ta’ esseri umani u wlied Alla.

Intom iċċelebrajtu matul iċ-Ċentenarju Franġiskan il-Missjoni dijoċeżana li l-Isqof tagħkom, l-għażiż ħuna Monsinjur Francesco Amadio, fl-interess pastorali tiegħu ried jippromwovi, bl-iskop li tkun riskoperta u ripetuta il-Kelma eterna ta’ Kristu bi tweġiba għad-domandi essenzjali u għall-interrogattivi propji tal-bniedem tal-lum fuq il-passi tal-esperjenza franġiskana.

Il-Missjoni – li kellha bħala tema il-kliem: “Fl-isem tal-Missier”, u li sabet parteċipazzjoni hekk kbir – bil-għana tal-kontenut tagħha ġagħlet jidwi, bl-opra ġeneruża tal-predikaturi franġiskani, li ġalgħet jiddi d-Dawl, bħal dak li kebbes il-muntanja ta’ Ġreccio fil-Milied tal-1223. Jalla, għeżież, tibqà dejjem minquxa fi qlubkom iċ-ċertezza li hemm fis-sema Missier uniku, li “tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu uniġenitu, sabiex kull min jemmen fih ma jmutx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 16). Dan huwa l-misteru li kkuntemplajna f’dawn il-jiem tal-Milied. Dan huwa l-misteru li dawwal il-ħajja ta’ San Franġisk. Jekk din il-konvinzjoni ta’ fidi tkompli tiggwida lin-nies tal-Valle Reatina, billi tispiralhom il-kliem u l-azzjonijiet, mela allura jistà jingħad ukoll dwar din l-art l-kliem li smajna minn xuftejn il-profeta Iżaija f’din is-sollennità bikrija tal-Epifanija: Fuqek jiddi l-Mulej, il-glorja tiegħu tidher fuqek” ( 60, 2).

Poplu tal-“Wied Qaddis”, jalla dejjem tiddi fuqek il-glorja tal-Mulej u d-dawl tiegħu jiggwida dejjem il-passi tiegħek.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading