Desiderio Desideravi u miraklu fi Spanja

Print Friendly, PDF & Email

Kelli xewqa kbira…”

Fl-artiklu ta’ qabel qrajna xi siltiet mill-omelija li l-Papa Franġisku kien għamel f’Santa Marta fl-2014 dwar il-liturġija tal-Ewkaristija, issa llum nikkwota xi siltiet mill-Ittra Apostolika Desiderio Desideravi li l-Papa Franġisku kien ippromulga  fid-29 ta’ Ġunju 2022,dwar il-formazzjoni liturġika tal-poplu ta’ Alla,b’referenza speċjali għal-liturġija tal-Quddiesa. F”din l-Ittra Apostolika,li tieħu t-titlu tagħha mill-kliem ta’ Ġesù fl-Aħħar Ikla Tiegħu: “Desiderio desideravi hocPascha manducare vobiscum, antequam patiar” (bil-Malti) “Kelli xewqa kbira li niekol din l-Ikla tal-Għid magħkom, qabel ma inbati” (Luqa 22,15),il-Papa jesprimi x-xewqa tiegħu li jaqsam magħna lkoll xi riflessjonijiet dwar il-liturġija,dimensjoni fundamentali għall-ħajja tal-Knisja.  

“Dan il-kliem ta’ Ġesù li bih jiftaħ ir-rakkont tal-Aħħar Ċena,huwa l-xaqq li minnu aħna ningħataw il-possibbiltà sorprendenti li nintuwixxu l-profondità tal-Imħabba tal-Persuni tat-Trinità Qaddisa lejna.

Pietru u Ġwanni ntbagħtu biex jagħmlu t-tħejjijiet għall-ikla tal-Għid,imma filfatt il-ħolqien kollu, l-istorja kollha … kienet tħejjija kbira għal dik l-Ikla. Pietru u l-oħrajn huma preżenti fuq il-mejda,mhux konxji imma meħtieġa. Meħtieġa għaliex kull rigal,biex ikun tabilħaqq rigal irid ikollu lil xi ħadd dispost li jirċevih. F’dan il-każ, l-isproporzjon bejn l-immensità tar-rigal u ċ-ċokon ta’ min qed jirċevih huwa infinit, u dan ma jistax jonqos milli jissorprendina.Madanakollu, permezz tal-Ħniena tal-Mulej,dar-rigal jiġi fdat f’idejn l-Appostli sabiex jgħaddi lil  kull raġel u mara.

Ħadd ma ggwadanja post għal dik iċ-Ċena, kollha kienu ġew mistiedna, jew aħjar,  kollha kienu miġbuda  hemmhekk mix-xewqa  taħraq li Ġesù kellu li jiekol magħhom dik l-Ikla tal-Għid. Hu jaf li huwa Hu l-Ħaruf ta’ dik l-Ikla tal-Għid, hu jaf li Hu l-Ikla tal-Qbiż. (Passover Meal). Din hi n-novità assoluta,l-oriġinalità assoluta ta’ dik l-Ikla, l-unika ħaga tassew ġdida fl-istorja li tagħmel dik l-Ikla unika u għalhekk “L-Aħħar Ċena” irrepetibbli. Minkejja dan,ix-xewqa Infinita Tiegħu li jerġa’ jistabbilixxi dik il-komunjoni magħna li kienet u tibqa’ d-disinn oriġinali Tiegħu,mhux se tkun sodisfatta sakemm kull raġel u mara,minn kull tribù,ilsien,poplu u nazzjon (Riv. 5,9) ikunu kielu Ġismu u xorbu Demmu. U għalhekk dik l-istess Ċena ssir preżenti fiċ-Ċelebtrazzjoni tal-Ewkaristija sakemm jerġa’ jiġi.

Id-dinja għadha ma tafx,imma kulħadd huwa mistieden għall-Ikla tat-tieġ tal-Ħaruf  (Riv. 19,9). Biex wieħed jidħol fil-festa kulma għandu bżonn huwa l-libsa tat-tieġ tal-fidi li ġejja mis-smigħ tal-Kelma Tiegħu (ara Rum.10,17). Il-Knisja tfassal ilbies bħal dan biex kull wieħed ikollu l-bjuda ta’ ilbies maħsul fid-Demm tal-Ħaruf (Riv. 7,14).Ma għandniex nippermentu lilna nfusna, lanqas mument ta’ mistrieħ, meta nafu li għadu mhux kulħadd irċieva l-istedina għal din l-Ikla, jew li nkunu nafu li ħaddieħor insewha jew intilfu tul it-triq fit-tidwir tal-ħajja umana. Hekk tkellimt meta għidt:”Jiennoħlom ‘b’għażla missjunarja’ jiġifieri impuls missjunarju li kapaċi jittrasforma kollox,biex id-drawwiet,il-modi ta’ kif nagħmlu l-affarijiet,il-ħinijiet u l-iskedi,il-lingwa u l-istrutturi tal-Knisja jkunu jistgħu jitmexxew u jiġu ggwidati b’mod xieraq għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum aktar milli għall-preservazzjoni tagħha stess” (Evangelii Gaudium, n.27).

Jiena rrid dan sabiex kulħadd ikun jista’ joqgħod bilqiegħda fl-Ikla tas-Sagrifiċċju tal-Ħaruf u jgħix Minnu.Qabel it-tweġiba tagħna għall-istedina Tiegħu – ħafna qabel- hemm ix-xewqa Tiegħu għalina. Jista’ jkun li aħna lanqas biss inkunu konxji tagħha, imma kull darba li aħna mmorru l-quddies, l-ewwel raġuni  tagħha hi li aħna ikunu migbudin hemmhekk mix-xewqa Tiegħu għalina. Min-naħa tagħna,it-tweġiba possibbli tagħna – li hija wkoll l-aktar axxetika impenjattiva – hija dejjem li aħna nċedu għal din l-Imħabba,li nħallu lilna nfusna ninġibdu minnu.Tabilħaqq,kull riċeviment ta’ Komunjoni (Tqarbina) tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu kien diġà mixtieq minnu fl-Aħħar Ċena.Kull ammont tal-Ħobż Maqsum huwa s-Salib ta’ Ġesù,is-sagrifiċċju Tiegħu ta’ Ubbidjenza b’Imħabba lejn il-Missier.Kieku ma kellniex l-Aħħar Ċena, jiġifieri li kieku ma kellniex l-antiċipazzjoni ritwali tal-Mewt Tiegħu,qatt ma konna nkunu kapaċi nifhmu kif it-twettiq tal-kundanna Tiegħu għall-mewt seta’ kien filfatt l-att ta’ qima perfetta, li jogħġob lill-Missier, l-unika att veru ta’ qima, l-unika liturġija vera. Ftit sigħat biss wara l-Ikla,l-Appostli setgħu jaraw fis-Salib ta’ Ġesù,li kieku setgħu iġorru t-toqol tiegħu,x’kien ifisser għal Ġesù li jgħid:”Ġisem offrut,Demm imferra’.”Huwa propju dan li nagħmlu tifkira f’kull Ewkaristija. Meta l-Irxoxt jerġa’ lura mill-Imwiet biex jikser il-Ħobż għad-dixxipli ta’ Għemmaws, u għad-dixxipli tiegħu li reġgħu marru jistadu għall-ħut u mhux għall-bnedmin fuq il-Baħar tal-Galilija, dak il-ġest ta’ Qsim il-Ħobż jiftħilhom għajnejhom.

Ifejjaqhom mill-għama kkaġunata mill-orrur tas-Salib, u tagħmilhom kapaċi “jaraw” lill-Irxoxt, li jemmnu fil-Qawmien. Kieku b’xi mod wasalna Ġeruasalemm wara Pentekoste u ħassejna x-xewqa mhux biss li jkollna tagħrif dwar Ġesù ta’ Nazaret imma pjuttost ix-xewqa xorta li nkunu nistgħu niltaqgħu Miegħu,ma konniex ikollna possibbiltà oħra għajr dik li nfittxu lid-dixxipli tiegħu biex inkunu nistgħu nisimgħu Kliemu u naraw il-ġesti Tiegħu,aktar ħajjin minn qatt qabel.Ma kien ikollna ebda possibbiltà oħra ta’ laqgħa vera Miegħu ħlief dik tal-komunità li tiċċelebra.Għal din ir-raġuni l-Knisja dejjem ipproteġiet bħala l-akbar teżor prezzjuż tagħha il-Kmand tal-Mulej: “Agħmlu dan b’Tifkira Tiegħi.”  

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Silla, fi Spanja 

Waqt il-Quddiesa tal-25 ta’ Marzu 1907,Patri Fernando Gómez,il-kappillan tal-Knisja tal-Madonna tal-Anġli f’Silla,mar biex jiftaħ it-tabernaklu biex joħroġ l-Ostji Sagri biex iqarben lill-fidili.Bi  stagħġib  kbir tiegħu,sab li l-bieba tat-tabernaklu kienet diġà miftuħa u ra li l-pissidi tal-fidda li kien fih l-Ewkaristija kien nieqes.L-Ostji Sagri ġew irkuprati jumejn wara fi ġnien żgħir barra l-belt,moħbija taħt blata.Għalhekk il-kappillan ġie msejjaħ biex jirkupra l-Ostji Sagri u ġabhom lura fil-knisja f’purċissjoni Ewkaristika Solenni.

Fl-1934, wara li stabbilixxa li l-Ospiti baqgħu “fl-istess stat li fih ġew irkuprati taħt il-blat u żammew il-kundizzjoni oriġinali tagħhom mhux mibdula,” l-Arċisqof ta’ Valencia beda l-proċess biex jiddikjara l-preservazzjoni tagħhom mirakoluża u ssiġilla r-relikwarju li kien ġie issiġillat bix-xama’. Ġie imfassal b ukoll dokument iddettaljat tal-Miraklu. Sfortunatament,sentejn wara,il-palazz tal-Arċisqof inħaraq minn anarkisti-komunisti,u d-dokument prezzjuż intilef.Fl-aħħar nett, fl-1982, Mons. Miguel Roca,l-Arċisqof ta’ Valencia fil-kariga dik is-sena,beda proċess kanoniku ġdid,li rriżulta fl-awtorizzazzjoni uffiċjali tad-devozzjoni tal-Ostji Sagri ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku, u fih ingħataw ukoll  struzzjonijiet uffiċjali kif kellha ssir din il-qima lejn dan il-Miraklu Ewkaristiku. Iddisinjat minn Francisco Pechuan, il-bini tal-Knisja tal-Madonna tal-Anġli f’Silla  beda fl-1750 iżda minħabba l-gwerra fiż-żona ma tlestietx qabel l-1851. Il-Knisja tal-Madonna tal-Anġli tinsab fi Placa del Poble, Silla, Spanja, u l-Ostji ta’ dan il-Miraklu Ewkaristiku jinsabu u huma mħarsa b’akbar għożża fit-Tabernaklu tal-Madonna tal-Anġli.

Fis-sena 2007, fl-100 Anniversarju L-Ostji Mirakoluża tpoġġew f’relikwarju ġdid u kienu  meqjuma f’Purċissjoni Ewkaristika Solenni.   M’għandniex għalfejn immorru fi Spanja jew f’pajjiżi oħra fejn seħħew u naraw dawn il-Mirakli Ewkaristiċi kollha. Sidna Ġesù Kristu jiġi għandna kull darba li nkunu mbierka u mħejjija sew biex nirċevuh u nilqgħuh, Ġisem, Demm, Ruħ, u Divinità fl-Ewkaristija, waqt iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Hawnhekk f’kull quddiesa jseħħ l-Akbar Miraklu Ewkaristiku, li qatt seta’  u li  qatt jista’ jseħħ fid-dinja sal-aħħar taż-żminijiet għal kull wieħed u waħda minna, sakemm Sidna Ġesù jerġa’ jiġi fostna fit-Tieni Miġja Tiegħu .

Henjin huma dawk li huma msejħin għall-Ikla tal-Ħaruf … li huma aħna lkoll li nemmnu fil-Preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading