It-Tnejn, 14 ta’ Awwissu 2023: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddies tal-Velja tal-Għid tal-Assunta. Katidral ta’ San Pawl, Imdina.
Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
“Kisba kbira għall-umanità”. Dan huwa l-kliem tal-Papa Franġisku, meta ftit ta’ snin ilu ddeskriva din is-solennità ta’ Sidtna Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem. Ħa dan il-kliem minn dak li kien ingħad meta l-bniedem tela’ fuq il-qamar. Dak inhar kienu qalu: “Dan hu pass ċkejken għall-bniedem, imma kisba kbira għall-umanità”. Il-Papa Franġisku jgħid: kemm hi infinitament ikbar il-kisba għall-umanità din li qed niċċelebraw: Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem!
Messaġġ ta’ tama u kuraġġ
Kien fl-1950 li l-Papa Piju XII kien iddikjara din il-verità bħala domma fil-Knisja Kattolika, wara li sema’ dak li kellhom jgħidu tant Isqfijiet mid-dinja kollha. F’din is-solennità aħna għandna verament messaġġ tal-ikbar tama, u faraġ, u għajnuna għalina bħala bnedmin, għall-umanità.
Din il-festa l-ewwel nett tfakkarna f’xi ħaġa tant importanti għall-ħajjitna: fejn hi d-destinazzjoni tagħna. Aħna mexjin lejn is-sema pajjiżna. Aħna rridu naslu hemm. Irridu naslu fejn daħlet qabilna Marija, li kellha din il-grazzja li ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem. Il-ħsieb tagħha, li waslet hemmhekk, lilna jurina fejn hi d-destinazzjoni tagħna. Jurina li aħna fil-ħajja tagħna mexjin lejn is-sema pajjiżna – hekk għandna nimxu – u li hemmhekk hemm kollox mirbuħ.
Il-ħajja tagħna tagħmel sens jekk qatt ma ninsew fejn irridu naslu. Il-ħsieb tas-sema lilna joffrilna tama u jagħtina għajnuna kbira fil-mixja tagħna fil-ħajja. Meta niftakru f’Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem tfakkarna li anke jekk aħna u nikbru, il-ġisem tagħna narawh isir ħafna aktar fraġli, imma d-destinazzjoni tagħna hi li aħna nkunu ’l quddiem bil-ġisem glorjuż fis-sema. Dak li rebaħ Ġesù rebħu qabel xejn għal ommu Marija u għalina lkoll li nemmnu fih.
L-ewwel messaġġ importanti li tagħtina din il-festa hu dan: biex qatt ma ninsew li aħna rridu naslu fis-sema pajjiżna, biex qatt ma ngħixu qisna ma aħniex għal hemm, jew inkella l-ħajja tagħna hija biss il-ftit snin hawnhekk u daqshekk. Dan il-ħsieb lilna jagħtina ħafna kuraġġ.
Nisimgħu l-kelma tiegħu u nħarsuha
Fl-istess waqt, il-messaġġ li tagħtina ommna Marija llum hu biex il-ħajja tagħna hawnhekk tkun ħajja li tassew tixraq lilna li nemmnu f’Ġesù u li mexjin lejn is-sema pajjiżna. Jolqtok ħafna dan l-Evanġelju qasir tal-lum minn San Luqa. Għall-bidu taħseb li l-kliem ta’ Ġesù mhuwiex ta’ apprezzament għal ommu, imma meta tinżel aktar fil-fond tinduna li, anzi, qed japprezza dak li hu l-isbaħ u l-ikbar f’ommu Marija. Kien hemm mara li għolliet leħinha u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt” (Luqa 11:27). Faħħret lil omm Ġesù għax kienet omm Ġesù. Imma Ġesù jgħidilha: “Tassew ngħidlek, aktar hienja huma dawk li jismgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha” (Luqa 11:28). Faħħar lil ommu għall-aktar ħaġa importanti: għax semgħet il-kelma ta’ Alla u ħarsitha.
Innutaw f’dal-kliem ta’ Ġesù: dik il-mara faħħret lil ommu għal xi ħaġa li hi biss setgħet tkun – omm Ġesù. Imma Ġesù faħħar lil ommu għal xi ħaġa li hi għamlitha b’mod tassew kbir, għax semgħet il-kelma ta’ Alla u ħarsitha, imma li aħna lkoll nistgħu ngħixu, aħna lkoll imsejħa biex ngħixu: li nisimgħu l-kelma ta’ Alla u nħarsuha.
Għalhekk, il-parir li tagħtina Marija, aħna u mexjin lejn is-sema pajjiżna, hu biex il-ħajja li ngħixu hawnhekk, is-snin li jagħtina Alla – min aktar min inqas, min ħafna min ftit – infittxu li nagħmluhom tassew snin sbieħ, żmien sabiħ għax infittxu li nisimgħu l-kelma ta’ Alla u nħarsuha.
Nindunaw, meta nagħmlu hekk, kif għamlet Marija, li isbaħ tkun il-ħajja ta’ hawn, u aħjar il-preparazzjoni tagħna għal meta naslu fis-sema pajjiżna. Il-parir li tat Marija fit-tieġ ta’ Kana – l-aħħar kliem tagħha mniżżel fl-Evanġelju – hu meta qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Hu eżatt dak li qed jgħid Ġesù fl-Evanġelju llum: “dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha”.
Nitolbu llum, aħna u niċċelebraw din is-solennità sabiħa ta’ Marija ommna, biex hi tkun dejjem ta’ ispirazzjoni għalina ħalli qatt ma ninsew fejn hi d-destinazzjoni tagħna – qatt ma ninsew dan jew ngħixu b’mod li ninsew li aħna maħluqin għal hemm – u fl-istess waqt kif ngħixu ż-żmien ta’ hawn bl-aħjar mod, u bl-isbaħ mod, kif għallmitna hi u kif urietna hi f’ħajjitha.
Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju