Ġwanni Pawlu II fil-Magħmudija ta’ 20 tarbija

Print Friendly, PDF & Email

RIT TAL-MAGĦMUDIJA LIL 20 TARBIJA FIL-KAPPELLA SISTINA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 9 ta’ Jannar 1983 
“Int Ibni l-għażiż; Fik jien tgħaxxaqt”.

1.F’dan il-Ħadd ta’ wara l-Epifanija, għeżież ġenituri, parrinijiet irġiel u nisa, il-Knisja tiċċelebra fil-Liturġija s-sollennità tal-Magħmudija tal-Mulej u jiena kuntent li qed nilqgħakom f’din il-Kappella biex nagħtu l-Magħmudija lil uliedkom. Din iċ-ċerimonja għandha għalija valur kbir.għaliex trid tfisser, b’mod sempliċi imma tokkanti, li l-Knisja tgħix u taġixxi unikament skont is-salvazzjoni eterna tal-umanità u fil-prospettiva li tirregala lill-bnedmin il-“grazzja”, jiġifieri l-ħajja divina, li Ġesù, il-Verb Inkarnat, ġie biex iġib fuq l-art, billi jitwieled f’Betlem u jmut fuq il-Kalvarju.

Nixtiqilkom u lil uliedkom it-tislima ta’ mħabba tiegħi u, permezz tal-preżenza tagħkom, nixtieq insellem ukoll lill-ġenituri kollha, lill-parrinijiet irġiel u nisa, li llum jieħdu lit-trabi tagħhom fil-Knisja fil-parroċċi rispettivi tagħhom biex ikunu mgħammda.

2. Iċ-ċerimonja li f’dan il-Ħadd tipiku taċ-ċiklu liturġiku sejrin inwettqu, iġġibilna f’moħħna diversi veritajiet ta’ importanza essenzjali fid-duttrina nisranija.

L-ewwelnett tfakkar l-episodju – li għadna kemm qrajna fil-Vanġelu tallum – tal-Magħmudija ta’ Ġesù li ried jinserixxi ruħu, bħala penitent, fost is-segwaċi ta’ Ġwanni l-Battista biex jirċievi mingħandu l-magħmudija tal-ilma. Tali rit kien sinjal ta’ penitenza; imma Ġesù ried jissuġġetta ruħu għalih, biex b’mod miftuħ juri li huwa kien jilqà l-messaġġ reliġjuż tal-poplu ta’ Iżrael, espress b’mod konklussiv mill-aħħar wieħed tal-Profeti. Minn Abraham, għal Mosè, għal Elija, għal Iżaija, permezz tal-Profeti kollha, sa Ġwanni l-Battista, tul “l-istorja twila tas-salvazzjoni” il-“kelma ta’ Alla” kienet imxiet mal-poplu Lhudi, sa ma twasslet fil-leħen misterjuż tas-sema li fuq Ġesù, mgħammed minn Ġwanni, qal: “Int Ibni l-għażiż; fik jien tgħaxxaqt” (Lq 3, 22). F’Ġesù, il-Messija mistenni mill-poplu magħżul, seħħ il-passaġġ definittiv mit-Testment il-Qadim għall-Ġdid u Ġwanni kien ix-xhud sever u mnebbaħ.

Imma l-Liturġija tallum trid flimkien u speċjalment tenfasizza l-valur tal-Magħmudija l-ġdida, imwaqqfa minn Ġesù. Ġwanni l-Battista, waqt li, ħabbar il-Miġja tal-Messija, kien qal:: “Jiġi wieħed li se jgħammed fl-Ispirtu u n-nar”. Ġesù, waqt li jibda l-“ekonomija” ġdida tas-salvazzjoni, jgħid lill-Appostli: “Ingħatatli kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru u għallmu lin-Nazzjonijiet kollha, waqt li tgħammduhom fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu” (Mt 28, 18-19). Din hija l-Magħmudija il-ġdida u definittiva, li telimina mir-ruħ id-“dnub tan-nisel”, mirut min-natura umana mwaqqà  minħabba ċ-ċaħda tal-imħabba mill-ewwel żewġ krejaturi li jirraġunaw, u tagħti mill-ġdid lir-ruħ il-“grazzja qaddisa”, u jiġifieri is-sehem fl-istess ħajja tat-Trinità Qaddisa. Kull darba li tingħata l-Magħmudija iseħħ fatt tal-għaġeb u meraviljuż; ir-rit huwa sempliċi, imma s-sinifikat huwa sublimi! In-nar tal-Imħabba ħallieq u feddej ta’ Alla jaħraq id-dnub u jeqirdu u jieħu pussess tar-ruħ, li ssir abitazzjoni tal-Iktar Għoli! L-Evanġelista San Ġwann jiddikjara li Ġesù tana l-poter li nsiru wlied Alla, għaliex minn Alla konna ġgenerati (cf. Ġw 1, 12-13); U San Pawl jitkellem b’mod ripetut dwar il-kobor tagħna u dwar id-dinjità tagħna ta’ membri tal-Ġisem ta’ Kristu (Kol 2, 19; Ef 3, 11. 17. 19-22; 4, 12).

3. Il-Magħmudija hija don soprannaturali, bidla radikali tan-natura umana, inseriment tar-ruħ fl-istess ħajja ta’ Alla, twettiq rejali u personali tal-Fidwa, għalhekk timpenja konsegwentemrent l-imgħammed biex jgħix b’mod ġdid, u jiġifierri fis-sekwenza ta’ Kristu. Qatt ma kienet ħaġa faċli tgħix bħala nisrani u wisq inqas hija fis-soċjetà moderna. Il-Knisja kuntenta tilqà dawn it-tfal mgħammdin-ġodda; imma trid li l-ġenituri u l-parrinijiet, u wkoll l-komunità kollha, jassumu d-dmirijiet gravi tal-eżempju tajjeb, tat-tagħlim rett u tal-formazzjoni nisrani awtentika, b’mod li t-tarbija fl-iżvilupp gradwali tal-eżistenza tagħha tkun fidila lejn l-impenji batteżimali tagħha.

4. Santu Wistin, waqt li jfakkar fil-Confessioni l-episodju tal-Magħmudija tiegħu, jikteb: “F’dawk il-jiem, mimli kollni kemm jien bi ħlewwa straordinarja, ma kontx nixba nqis il-profondità tal-parir tiegħek għas-salvazzjoni tal-ġeneru uman” (S. Wistn, Confessiones, IX, cap. VI). Dan il-ferħ intern immens jien nawgura minn qalbi wkoll lilkom u lit-trabi tagħkom, issa u dejjem, waqt li nitlob l-interċessjoni propizja ta’ Marija Santissma, sabiex bl-għajnuna tad-dawl tagħha u bil-purità tal-Magħmudija, li dawn iċ-ċkejknin issa se jirċievu, jiddu fihom tul ħajjithom kollha.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading