Ġwanni Pawlu II mal-Ħaddiema fi Chieti

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FID-DIJOĊESI TA’ CHIETI
LILL-ĦADDIEMA TAL-FABBRIKU TA’ SAN SALVO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Sollennità ta’ San Ġużepp
San Salvo (Chieti) – Is-Sibt, 19 ta’ Marzu 1983 

Għeżież ħuti!

1. Jiena partikolarment kuntent li llum ninsab hawn, fis-sollennità ta’ San Ġużepp, f’nofskom f’din il-laqgħa li qiegħda tara miġbura l-ħaddiema u l-familji tagħhom, akkumpanjati wkoll minn saċerdoti numerużi u mill-Isqfijiet tar-Reġġjun tal-Abruzzi, Din hija laqgħa mad-dinja tax-xogħol, fl-istess ħin, mill-komponenti l-oħra kollha ta’ San Salvo u mar-rappreżentanzi tal-Abruzzo.

Insellmilkom ilkoll bi mħabba kbira: ħaddiema u diriġenti, irġiel u nisa, żgħażagħ u adulti, morda u persuni fl-aqwa ta’ saħħithom.

Lil kull wieħed u waħda nixtieq nassigura li intom għeżież għal qalbi u li jien qribkom b’sentimenti sinċieri ta’ komunjoni umana u nisranija, waqt li naqsam magħkom il-pieni u l-ferħ tagħkom, l-ansjetajiet u l-aspirazzjonijiet leġittmi.

Nixtieq ngħidilkom ilkoll li jien hawn biex nidwi l-vuċi ta’ Kristu, li ħabb lil kull bniedem sal-punt li jagħti ħajtu għalih fuq is-salib.

Niżżi ħajr lill-awtoritajiet ċivili u reliġjużi għal-laqgħa kordjali, li riedu jirriservawli mal-wasla f’din l-art tant ospitali, li bir-raġun kollu kienet definita “qawwija u ġentili”. Nesprimi l-gratitudni tiegħi, b’mod partikolari lis-Sinjur Ministru Remo Gaspari, lill-Arċisqof Monsinjur Vincenzo Fagiolo, lis-Sindku Rinaldo Altieri u lir-rappreżentanti gtal-Fabbrika Magneti-Marelli u lill-ħaddiema kollha għall-kliem ta’ korteżija u fl-istess ħin impenjattiv, li ndirizzawli, f’isem ukoll ta’ dawk kollha preżenti.

Smajt b’interess ħaj l-interventi differenti, li ndikaw problemi vasti u urġenti. Huwa veru li ħafna mbidel u li ħafna qiegħed jinbidel fil-istruttura soċjali u ekonomika tal-Abruzzo u tal-Molise, imma huwa wkoll veru li l-progress ma laħaqx kullimkien u b’distribuzzjoni ugwali tar-riżorsi. Lil ħadd ma jaħarbu, fost l-oħrajn, l-iżbilanċi bejn il-faxxa kostjiera u l-muntanja, li tikkostitwixxi l-parti l-kbira tat-territorju; bejn iċ-ċentri industrijalizzati u dawk agrikoli, li baqgħu daqsxejn waħda fit-tarf ta’ progress effettiv.

Dawn u problemi oħrajn ma jistgħux iħallu ndifferenti u jimponu ruħhom fuq dawk responsabbli tal-affari pubblika b’evidenza drammatika; imma jinvolvu, fl-istess ħin, il-kuxjenzi tal-operaturi kollha fil-qasam industrijali, soċjali u ekonomiku u taċ-ċittadini kollha, sabiex isseħħ dik il-meħtieġa “koperazzjoni bejn il-qawwiet soċjali kollha” awspikata ftit ilu mill-Arċisqof Monsinjur Fagiolo.

2. Minn din il-belt żgħira li għandha l-isem tal-Raħeb San Salvo, li tiegħu tgħożż il-qabar, ħsiebi jinfirex lejn l-għeżież abitanti taż-żewġ reġġjuni ta’ l-Abruzzu u l-Molise, li huma hawn rappreżentati b’mod wiesà, jilħaqhom kulfejn huma jinsabu, fil-bliet ippopolati u fil-pajjiżi l-iktar żgħar, fuq il-muntanji u fi xtut il-baħar. U ma ninsiex lil dawk li kellhom iħallu din l-art minħabba x-xogħol. Irrid li lkoll iħossuhom imħaddna kordjalment mit-tislima benediċenti tiegħi, li lil kull wieħed u waħda nindirizza minn dan il-post suġġestiv, fejn għadu jidwi d-diwi tal-“Ora et labora”, tal-irħieb benedittini li hawn stabbilew ruħhom sa minn nofs it-VIII seklu, ġejjin mill-monasteru mhux ‘il bogħod ta’ Montecassino. Huma bnew l-ewwel kostruzzjonijiet tagħhom fuq il-post fejn illum hemm il-knisja ta’ San Ġużepp, u għall-emblema tas-salib u tal-moħriet wettqu riklamazzjoni u trasformazzjoni vasta tat-territorju, dak iż-żmien miksi mill-foresta, u hekk taw bidu għal kultivazzjonijiet agrikoli fjorixxenti.

F’din l-ispirazzjoni nisranija primittiva, li tul is-sekli qatt ma ġiet nieqsa, tgħaddas għeruqha l-belt żgħira tallum ta’ San Salvo. Hija għarfet tistimola ruħha mit-tradizzjoni nobbli tagħha u fl-impenn tagħha għat-twettiq ta’ soċjetà iktar umana u iktar ġusta u sabiex tilħaq it-tragwardi prestiġjużi fis-settur industrijali.

Din id-daħqana belt żgħira ta’ San Salvo, li tiddistingwi ruħha għall-varjetà tax-xogħol uman u għall-attivitajiet multipli tal-frott u l-ħxejjex li jikkonservaw il-wiċċ taċ-ċiviltà bidwija, mal-industriji tal-ħġieġ flimkien ma’ inizjattivi kollaterali, ma’ dawk metalmekkaniċi joffru f’din ir-realtà xhieda elokwenti tax-xogħol tal-Abruzzini.

Maġemb dawn il-virtujiet, ippermettuli li nfakkar ukoll l-oħrajn li jikkaratterizzaw dawn il-popolazzjonijiet; it-tjubija u l-ġentilezza tal-karattru, il-ġenerożità tal-qalb, is-sens tal-moralità, l-attakkament għall-familja, is-sentiment tas-solidarjetà, l-onestà tal-kostum; f’kelma waħda, il-kult tal-valuri spiritwali u morali.

Fis-sekwenza tal-ġrajjiet storiċi, sa mill-iktar remoti għal dawk kontemporanji, dan il-patrimonju għani, miżmum ħaj kontinwament grazzi wkoll għas-sensibiltà u d-dedikazzjoni pastorali ta’ saċerdoti żelanti, operanti spiss f’sitwazzjonijiet ta’ faqar u ta’ iżolament li temgħu l-qoxra taċ-ċiviltà u tal-ħajja nisranija. Huwa kien ukoll stimolu għal progress ordnat u impedixxa l-firxa ta’ fenomeni ta’ vjolenza u ta’ devjazzjoni morali u soċjali.

3. Huwa dan l-istess patrimonju ċivili u reliġjuż li għalih jien nirreferi biex inqiegħed fid-dawl l-għan ewlieni tal-miġja tiegħi. Infatti jiena niġi biex nonora x-xogħol uman li, kif ġie evokat b’mod evokattiv fil-proklamazzjoni tas-silta tal-Ġenesi (Ġen 2, 4b-9. 15) jassoċja l-bnedmin mal-opra tal-Ħallieq. Infatti, Alla, wara li fforma l-bniedem xbiha u xebħ tiegħu, liberu u intelliġenti, qegħdu fil-ġnien tal-univers, sabiex “jikkultivah u jgħassu”, jiġifieri sabiex permezz tax-xogħol, jittrasforma l-art u jaqsam miegħu d-dominju fuq in-natura, billi jġegħlha tirrilaxxa r-riżorsi. Imma niġi b’mod speċjali biex nonora lilkom, għeżież ħaddiema rġiel u nisa li intom l-protagonisti ewlenin. Niġi biex niċċertifika l-attenzjoni tal-Knisja għad-dinja tax-xogħol u għad-dinjità tal-persuna ta’ kull ħaddiem.

Ma naħbilkomx li qiegħed nerġà ngħix magħkom, mill-ġdid għal darb’oħra, bħalma ġrali f’ċirkostanzi simili oħra, l-esperjenza tax-xogħol manwali li l-Providenza irriservat għalija matul żgħożiti. Kien waqt diffiċli ta’ ħajti; diffiċli, iva, imma feliċi. U dan mhux biss għas-sodisfazzjon li dak li jkun iħoss meta jissuġġetta l-materja għad-dominju tal-intelliġenza, imma wkoll u b’mod speċjali għax-xibka ta’ ħbiberiji u għall-irbit ta’ sehem solidali ma dawk li jsiru qishom ħutek fl-istess tbatija.

Tistgħu mela tifhmu kif f’dan il-waqt igelgel mill-profondità ta’ qalb t-tiswib li bih indur lejkom, lejn il-familji tagħkom, lejn il-kollegi tagħkom u lejn dawk kollha li jaħdmu, jogħrqu u jbatu minħabba l-kondizzjonijiet, kultant diffiċli, li fihom iwettqu l-attività tagħhom.

4. Illum qegħdin niċċelebraw l-figura umli u għarfa ta’ San Ġużepp, mastrudaxxa modest, għarus ta’ Marija Verġni u missier putattiv ta’ Ġesù; ta’ dak Ġesù, li kien huwa wkoll ħaddiem, tul il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu terrena, fis-skiet tad-dar ta’ Nażżaret.

Bħalma ktibt fl-enċiklika Laborem Exercens, u l-atteġjament tal-Knisja lejn id-dinja tax-xogħol, jieħdu l-ispirazzjoni essenzjali tagħhom minn dak li jien sejjaħt il-“Vanġelu tax-xogħol”. Dan jiġbor fih messaġġ ta’ effett profond u vast: il-primat tal-bniedem fuq ix-xogħol.

Il-predeċessur tiegħi Pawlu VI ipproklama sollennement matul il-vjaġġ apostoliku f’Ġinevra fl-10 ta’ Ġnju 1969, fid-diskors tiegħu lill-assemblea ġenerali tal-Organizzazzjoni internazzjonali tax-xogħol: “Fix-xogħol – huwa qal  – huwa l-bniedem li huwa l-ewwel. Kemm artista jew artiġjan, imprenditur, ħaddiem jew bidwi, manoval jew intellettwali, huwa l-bniedem li jaħdem, huwa l-bniedem li għalih jaħdem. Intemmet mela l-prijorità tax-xogħol fuq il-ħaddiema, is-supremazija tal-esiġenzi tekniċi u ekonomiċi fuq il-bżonnijiet umani. Qatt iktar ix-xogħol fuq il-ħaddiem, qatt iktar ix-xogħol kontra l-ħaddiem, imma dejjem ix-xogħol għall-ħaddiem, ix-xogħol għas-servizz tal-bniedem, ta’ kull bniedem, u tal-bniedem kollu” (Insegnamenti di Paolo VI, VII [1969], 369-370).

Din mhix stqarrija pura u sempliċi ta’ prinċipju, imma stqarrija, kriterju prattiku b’saħħtu, li jirrifletti b’ċarezza il-ħsieb u l-azzjoni tal-Knisja. Il-Knisja m’għandhiex interessi linqas, wisq inqas, privileġġi x’tiddefendi. Hija, għal kollox konxja tal-vokazzjoni tagħha, ma tgħejja qatt tipproponi t-toroq tas-salvazzjoni eterna, fi kwalunkwè post u fi kwalunkwè ambjent kulturali. Imma hija ugwalment tinsisti fuq id-dinjità u l-ġid, ukoll dak materjali, tal-bniedem għaliex f’kull bniedem, speċjalment f’dak l-iktar nieqes minn kollox u fil-batut, tara skolpita x-xbiha ta’ Kristu.

Waqt li tipprospetta r-realtajiet ċelesti li lejhom ilkoll kemm aħna mexjin, il-Knisja ma tinsiex l-esiġenzi terreni, li għaliha jikkostitwixxu l-passaġġ obbligat. Il-viżjoni reliġjuża u soprannaturali tax-xogħol hija f’armonija perfetta mal-progress uman. Hija dawl, ideal, qawwa li żżomm ruħha protetta minn interessi  egoistiċi u sservi b’mod fidil lill-bniedem u tikkawża li tkun għas-servizz tal-bniedem. Hija tagħmel is-sentimenti tas-sehem tal-ħaddiem, il-kondizzjonijiet li fihom huwa jwettaq l-opra tiegħu, il-problemi tiegħu, l-ansjetajiet tiegħu, id-diffikultajiet tiegħu u l-aspirazzjonijiet tiegħu.

Għalhekk fl-enċiklika Laborem Exercens erġajt iddikjarajt li “ix-xogħol uman huwa ċavetta, u probabilment iċ-ċavetta essenzjali, tal-kwistjoni soċjali kollha, kemm-il darba nfittxu li narawha tassew mill-punt di vista tal-bniedem” (Ġwanni Pawlu II, Laborem Exercens, 3).

Fil-proposta ta’ dawn l-oġġettivi, miniex feħsiebni nagħmel analiżi  f’ċavetta klassista kważi biex nikkuntrasta idejoloġija mal-oħra, għaliex, kif għidt fil-messaġġ indirizzat lill-ħaddiema kollha tal-Amerka Ċentrali, “il-Knisja titkellem billi titlaq minn viżjoni nisranija tal-bniedem u tad-dinjità tiegħu; hija konvinta li mhemmx bżonn li tirrikorri għal idejoloġiji jew tipproponi soluzzjonijiet vjolenti, imma li timpenja ruħha favur il-bniedem . . . billi titlaq mill-Vanġelu, waqt li tassumi li għal dan il-valur uman u spiritwali tal-bniedem bħala ħaddiem, li għandu dritt u li l-prodott tax-xogħol tiegħu jikkontribwixxi b’mod ġust għall-benesseri tiegħu u għal dak komuni tas-soċjetà”” (Ġwanni Pawlu II, Nuntius scripto datus ad operarios Americae Centralis, 2, 8 marzo 1983).

5. L-“umanizzazzjoni” tax-xogħol wettqet progressi notevoli fis-soċjetà moderna u b’dan il-Knisja tieħu pjaċir. Madankollu għad baqà problemi u tensjonijiet preokkupanti, li quddiemhom il-konċepiment nisrani jirriserva l-validità kollha tiegħu u l-funzjoni kollha ta’ stimolu u ta’ nkwiet.

Ladarba x-xogħol huwa “ġid għall-bniedem”, ġid “korrispondenti mad-dinjità tal-bniedem, ġid li jesprimi din id-dinjità u jkabbarha” (Ġwanni Pawlu II, Laborem Exercens, n. 9),huwa wkoll dritt tal-persuna umana, li għandu jkun magħmul aċċessibbli għal kulħadd. L-okkupazzjoni sħiħa, qabel ma problema ekonomika, hija għan uman tassew għoli. Kull soċjetà tassew ordnata, ma tistax ma tinnumerahx fost l-attenzjonijiet tagħha ewlenin.

Jiġini f’moħħi minnufih, f’dan ir-rigward, il-fenomenu tad-diżokkupazzjoni żagħżugħa, hu xinhu t-tip ta’ attività professjonali li għaliha wieħed jistà jirreferi. Dan jiġi meqjus fil-komponenti tiegħu kollha, ibda minn din inizjali tal-formazzjoni adegwata u tal-istrumenti adattati biex jippermettuha, sal-konsegwenzi, li għalihom in-nuqqas ta’ xogħol jistà jwassal żagħżugħ mitluq mhux sikur tiegħu nnifsu, immortifikat fil-fjur tal-enerġiji tiegħu, deluż fiż-żelu ta’ tamietu.

Fenomenu ieħor, li għalih nixtieq naċċenna, huwa dak tal-emigrazzjoni li qiegħda tkompli tkun fil-biċċa l-kbira il-prezz – u xi prezz – imħallas għan-nuqqas ta’ xogħol f’art twelidhom. Din tħalli traċċi li diffiċilment jitħassru fil-qalb u  jirriflettu b’mod doloruż fuq in-nukleji familjari.

Huwa minnu li d-diżokkupazzjoni u l-emigrazzjoni, ukoll minħabba l-interdipendenza mkabbra tar-riżorsi ekonomiċi, assumew dimensjonijiet internazzjonali, imma t-twessiegħ tal-orizzonti ma jwarrabx it-talbiet nazzjonali mir-responsabiltajiet tagħhom. Il-kollaborazzjoni li ġustament hi meħtieġa f’livell internazzjonali, għandha titħaddem fil-livell lokali. Dan il-kriterju jgħodd ukoll għall-problemi l-oħra li jinkwetaw id-dinja tax-xogħol: l-istabiltà u s-sikurezza tal-okkupazzjoni, il-prevenzjoni opportunistika, l-ekwità u l-ġustizzja tas-salarju, il-perfezzjonament professjonali, il-protezzjoni ta’ kategoriji partikolari f’ċirkustanzi partikolari, bħal per eżempju ix-xogħol tal-mara, ix-xogħol ta’ billejl, ix-xogħol imħallas bl-imqietgħa u l-kumplament   .

Kif diġa għedt lill-ħaddiema tal-Amerka Ċentrali: “Is-salarju ġust . . . iqis fl-ewwel post u qabel kollox is-suġġett, jiġifieri l-ħaddiem. Jagħrfu bħala soċju u kollaboratur fil-proċess produttiv u jikkumpensah għal dak li hu fil-proċess imsemmi, barra milli għal dak li pproduċa. Huwa għandu jikkunsidra, naturalment, il-membri tal-familja tiegħu u d-drittijiet tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jgħixu b’mod denju fil-komunità u l-għajnuna mutwa . . . Is-salarju tiegħu għandu jkun tali li l-ħaddiem u l-familja jkunu jistgħu igawdu l-benefiċċji tal-kultura, billi jtuhom ukoll l-possibiltà li jikkontribwixxu għall-elevazzjoni tal-kultura tan-nazzjon u tal-poplu” (Ġwanni Pawlu II, Nuntius scripto datus ad operarios Americae Centralis, 4, 8 marzo 1983).

Hekk kif it-teknika timxi ‘l quddiem u tqiegħed għad-diżpożizzjoni strumenti ġodda, tippreżenta fuq it-tapit kwistjonijiet ġodda. Idejoloġiji u movimenti ta’ ispirazzjoni materjalistika isibu ruħhom kultant lixka faċli għal frizzjonijiet alimentari li bla dubju ma jibbenefikawx biex jippromwovu s-sens tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u l-fehim meħtieġ imsejjes fuq djalogu sinċier u kostruttiv, immexxi b’impenn l-istess mill-partijiet interessati kollha.

Il-ħaddiema nsara jfittxu b’konvinzjoni t-triq tad-djalogu u tas-solidarjetà mal-membri kollha tal-komunità tax-xogħol u mal-istruttura kollha tad-dinja tax-xogħol; solidarjetà, din, li jixirqilha l-isem iktar preċiż u iktar vinkulanti ta’ fraternità universali.

Kif inhu magħruf, il-Knisja hija deċiżament kuntrarja, għal-logħob tal-konservazzjoni trivjali. Il-Knisja hija favur l-għarfien sħiħ u effettiv tad-drittijiet tal-ħaddiem, u trid li dan il-għan ikun milħuq b’mezzi onesti u ċari, ibbażati fuq il-feħim reċiproku u l-koperazzjoni, tali li jassikura l-akkwist ta’ progress awtentiku, li joffri lill-ħaddiem il-possibiltà mhux biss li jkollu iktar, imma li jkun iktar: iktar bniedem, iktar liberu, u allura maġġorment kapaċi li japprofitta mill-kwalitajiet tiegħu umani u professjonali. B’dan il-mod l-ideali nsara jkunu ta’ stimolu qawwi għal impenn serju u ġeneruż fil-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali.

6. Għalhekk, għeżież ħuti, nindirizzalkom stedina urġenti biex tirrendu dejjem iktar ħajjin u vivifikanti t-tradizzjonijiet kattoliċi tagħkom. Il-fidi mhix depożitu li jkun indukrat passivament, imma domanda li tiġi migħuxa b’novità kontinwa: u dejjem f’armonija mal-esiġenzi tax-xogħol, li, jekk aċċettat bi spirtu ta’ fidi, bħala espressjoni tal-kundizzjoni umana orjentata lejn Alla, tikkostitwixxi att meritorju.

Imma din l-elevazzjoni tax-xogħol, ma teżentax minn waqtiet ta’ riflessjoni u ta’ talb, minn waqfiet veri u propji tal-ispirtu, li jippermettu djalogu ma’ Alla u mal-kuxjenza personali. Hawn hi l-importanza tal-festa, tal-“jum tal-Mulej” iddedikat kemm għall-mistrieħ fiżiku kif ukoll għaċ-ċelebrazzjonijiet komunitarji u għall-opri ta’ karità.

Hawn hu l-bżonn tal-frekwenza għas-Sagramenti biex nirrestawraw – bil-Qrar – l-irbit ma’ Alla maqtugħ bid-dnub, biex nitimgħu – mal-mejda mill-Ħobż Ewkaristiku – lir-ruħna.

Hawn hi l-esiġenza li nipprofondixxu l-għarfien tal-veritajiet tal-fidi permezz ta’ struzzjoni kateketika adegwata, iddestinata biex tillumina l-moħħ f’waqt, li fih idejoloġiji kuntrastanti jiżirgħu dubji u inċertezzi.

Hawn hi l-urġenza li l-ambjent stess tax-xogħol, permezz ta’ preżenza awtentikament nisranija, jsir post kalm u kostruttiv, li fih Kristu u l-messaġġ tiegħu ta’ paċi u ta’ liberazzjoni jkunu mixhuda minn kondotta ta’ ħajja konsistenti u eżemplari.

Ninsabu ftit jiem bogħod mill-bidu tas-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni. Il-25 ta’ Marzu, festa tal-Annunzjata, se jkolli l-ferħ li niftaħ il-Bieb Imqaddes, simbolu ta’ ftuħ ġdid għal għand Kristu Redentur tal-bniedem, li jsejħilna lkoll biex nieħdu sehem fil-grazzja tar-Redenzjoni.

Nawguralkom minn qalbi, għeżież tiegħi, li dan l-istaġun spiritwali singulari jkun partikolarment fruttuż għalikom, għall-familji tagħkom, għat-tfal tagħkom, għall-morda tagħkom, għall-għażiża żgħożija, għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Nafda lilkom u lill-għeżież tagħkom lill-protezzjoni tal-Verġni Santissma u ta’ San Ġużepp, l-għarus tagħha, u lilkom ilkoll imberikkom fl-isem ta’ Kristu, ferħ u tama tagħna.

Miġjub għall-Malti minnEmanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading