“Mulej ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi…” u l-miraklu Ewkaristiku f’Blanot

Print Friendly, PDF & Email

Ir-Rit tat-Tqarbin: Fil-quddiesa, wara li ċ-ċelebrant ikun stieden lin-nies  biex jagħtu sinjal ta’ paċi lil xulxin, imbagħad jagħti bidu għat-tliet akklamazzjonijiet: “Ħaruf t’Alla…”.

Storikament, l-ewwel indikazzjoni ta’ dawn l-akklamazzjonijiet fir-Rit Ruman insibuha fil-Liber Pontificalis (IlKtieb tal-Papiet),li fih insibu  ddokumentat  li kien il-Papa Serġju l-Ewwel (687-701) li fis-seklu 7  introduċa fil-Quddies dawn l-akklamazzjonijiet.Bażikament,l-istruttura ta’ dawn l-akklamazzjonijiet,talbiet indirizzati direttament lil Kristu, hija dik ta’ litanija mqassra,fejn iċ-ċelebrant itennihom għal tliet darbiet “Ħaruf ta’ Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja,” u l-poplu jwieġeb għall-ewwel tnejn “Ħenn għalina” u għall-aħħar waħda:“Agħtina l-paċi”.F’dan il-waqt,is-saċerdot jaqsam l-Ostja l-Kbira li minnha jitqarben hu u jqarben ukoll lil xi nies preżenti.Hawnhekk għandna propju l-Fractio Panis (il-Qsim tal-Ħobż).Dan ifisser li Kristu jingħata lil kulħadd. Aħna lkoll aħwa fi Kristu għax tabilħaqq nieklu minn ħobża waħda maqsuma (1 Kor 10,16-17).Din l-espressjoni hi x’aktarx l-eqdem terminu li għandna għal dak li t-tradizzjoni Kattolika,sa miż-żminijiet l-aktar bikrin tal-Kristjaneżmu,tirreferi għaliha bħala “Eucharistein” (Lq 22, 19; 1 Kor. 11,24) u “eulogein” (Mt.26,26;Mk.14,22)  (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika par.1328).Fl-istess ħin, wara li s-saċerdot jaqsam l-Ostja jitfa’ parti żgħira minnha fil-Kalċi.Din l-azzjoni tissimbolizza l-għaqda mill-ġdid tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu li hi sinjal tal-Qawmien Tiegħu mill-Mewt.Is-simboliżmu ta’ din l-azzjoni jindika wkoll l-għaqda tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù fl-Ewkaristija,peress li kemm l-Ostja kif ukoll l-Inbid ikkonsagrati jiġbru fihom il-Preżenza kollha ta’ Ġesù: Ġisem,Demm,ruħ u Divinità.

Immedjatament wara,is-saċerdot,waqt li jippreżenta l-Ostja kkonsagrata(issa l-Ġisem ta’ Kristu) u l-Kalċi bid-Demm ta’ Kristu lill-poplu jgħid:“Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla,dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.Henjin dawk li huma mistiedna  għall-ikla tal-Ħaruf.” Filwaqt li l-ewwel parti  hu  kliem San Ġwann il-Battista (Vanġelu ta’ San Ġwann I,29)meta ried juri u jindika lil Kristu;it-tieni parti hi meħuda mill-Apokalissi(19,9). Imbagħad kull membru tal-miġemgħa Nisranija  jwieġeb: “Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda, u ruħi tkun imfejqa.”


Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt saqaf tiegħi…”

Din l-istqarrija tant familjari għalina tiġi ripetuta kull darba li nippreparaw qalbna u ruħna biex nersqu  għat-Tqarbin.Hija dik id-dikjarazzjoni ta’ umiltà kbira u fiduċja li dak iċ-Ċenturjun Ruman wera meta  talab lil Ġesù biex ifejjaq lill-qaddej tiegħu mill-bogħod.Iċ-ċenturjun lanqas biss kien Lhudi,iżda kien jemmen li Kristu b’kelma waħda biss seta’ jfejjaq lill-qaddej tiegħu mingħajr żjara,ritwali jew ġest.Daħal Kafarnahum,u resaq fuqu wieħed ċenturjun jitolbu bil-ħerqa u jgħidlu:”Sinjur,id-dar għandi l-qaddej mixħud,mifluġ u batut wisq.” Qallu Ġesù: “Niġi jien infejqu.” “Sinjur” qalIu ċ-ċenturjun,“ma jistħoqqlix li tidħol taħt saqaf tiegħi;iżda int għid kelma biss,u l-qaddej tiegħi jfiq… (Mattew 8:5–8).

Minbarra li fejjaq lill-qaddej tiegħu,Ġesù stagħġeb bil-fidi tiegħu meta mqabbla anke ma’ dik tal-Lhud ( Matt. 8:10-12).

Il-fidi u t-tama ta’ dan iċ-ċenturjun ta’ min wieħed jaħseb dwarha sew u jimitaha bħala mudell mill-aqwa għall-Fidi u Tama ta’ kull nisrani f’Ġesù.

Wara li tkellimna dwar it-tqarbin xieraq issa li nsemmu l-Miraklu Ewkaristiku li seħħ f’Blanot fl-1331,propju waqt it-Tqarbin.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Blanot, Franza

Dal-Miraklu seħħ f’Ħadd il-Għid,31 ta’ Marzu,1331,waqt quddiesa ċċelebrata minn Fr. Hugues de la Baume,il-kappillan ta’ Blanot.  Thomas Caillot u Guyot Besson,żewġ parruċċjani kienu qed jaqdu fuq l-artal.Fil-ħin tat-Tqarbin dawn l-irġiel resqu lejn il-kanċell tal-artal,ħadu posthom f’kull tarf u firxu terħa bajda twila tal-għażel tul il-kanċell kollu filwaqt li dawk li kienu se jitqarbnu resqu lejn il-kanċell,niżlu għarkopptejhom ħdejn xulxin mal-kanċell u daħlu jdejhom taħt it-terħa,kif kienet l-użanza tat-Tqarbin f’dak iż-żmien,u stennew li jersaq is-saċerdot biex iqarbinhom.

L-aħħar waħda li tqarbnet kienet l-armla Jacquette d’Effour.Il-qassis qarbinha billi poġġa l-Ostja fuq ilsienha.Wara s-saċerdot dar u beda miexi lejn l-artal.Dak il-ħin  dawk iż-żewġt irġiel kif ukoll xi nies li kienu għadhom kemm tqarbnu raw biċċa mill-Ostja taqa’ minn ħalq il-mara u tinżel fuq it-terħa. Hekk kif il-qassis kien qed idaħħal il-pissidi fit-tabernaklu,Caillot resaq lejn l-artal u informah bl-inċident.Il-qassis mill-ewwel resaq lejn il-kanċell fejn il-mara kienet għadha għarkobbtejha,iżda flok ma sab l-Ostja fuq it-terħa,ra tebgħa żgħira ta’ demm fuq it-terħa.Kulħadd baqa’ mistagħġeb għal dik id-dehra. Malli ntemmet  il-quddiesa,is-saċerdot minnufih ħa it-terħa fis-sagristija u poġġa l-parti mċappsa ġo friskatur mimli ilma nadif. Wara li ħasel sew dik il-parti mdemmija u għorokha b’subgħajh għal bosta drabi  ra  li t-tebgħa ta’ demm skurat  u kibret aktar u saret id-daqs u l-għamla tal-Ostja.Malli neħħa d-drapp mill-friskatur kien sorpriż meta ra li l-ilma kien sar imdemmi.Is-saċerdot u l-assistenti tiegħu baqgħu mistagħġbin u fl-istess ħin imbeżżgħin,u esklamaw:“Dan hu d-Demm Prezzjuż ta’ Sidna Ġesù Kristu!”.Il-qassis,konxju li seħħ miraklu,qata’ mit-terħa l-parti li fuqha kien hemm it-tebgħa,u poġġa dil-parti kkwardata fit-tabernaklu flimkien mal-Ostji kollha li kienu ġew ikkonsagrati f’dik il-quddies.

Ħmistax-il jum wara, uffiċjal tal-Arċidjoċesi ta’ Autun, Jean Jarossier, mar Blanot biex jibda investigazzjoni Kanonika. Miegħu kien hemm il-Kura’ de Lucenay, monsinjur ta’ Autun, u nutar appostoliku. L-interrogazzjoni tax-xhieda saret fil-preżenza ta’ Pierre Osnonout, il-Kura ta’ Blanot. Ir-riżultati ta’ din l-investigazzjoni ntbagħtu mill-Arċisqof Pierre Bertrand lill-Papa Ġwanni XXII, li wara li ra l-awtentiċità tal-każ u li kien ta’ natura sopranaturali iddikjarah bħala intervent divin u Mirakoluż. Huwa wkoll  ta indulġenzi lil dawk li kienu jiċċelebraw Quddiesa fil-knisja parrokkjali ta’ Blanot. Kopji tad-dokumenti għadhom jinżammu fis-Sala tal-Belt ta’ Blanot.

L-Ostji li baqgħu fil-ċiborju wara t-tqassim tat-Tqarbin f’dak il-Ħadd tal-Għid qatt ma kienu jintużaw, u kienu riservati bir-reqqa fit-tabernaklu. Fl-1706 dawn l-Ostji, ippreservati fi stat tajjeb wara 375 sena, ittieħdu f’purċissjoni ta’ ħames sigħat madwar il-parroċċa ta’ Blanot f’okkażjoni tal-anniversarju tal-Miraklu. Fiċ-ċerimonja ħadu sehem ħafna prelati u ħafna nies tal-parroċċa u tal-madwar.  Fi tmiem il-purċissjoni, il-pissidi tal-fidda li kien fih l-Ostji ġie rritornat fil-kaxxa tad-deheb li fiha kienet miżmuma. Dan kien imqiegħed bir-reqqa fit-tabernaklu prinċipali tal-knisja.

Għal ħafna snin kien hemm purċissjonijiet kommemorattivi u osservanzi speċjali, iżda dawn twaqqfu fil-bidu tar-Rivoluzzjoni Franċiża meta fanatiċi vjolenti kienu qed jipprofanaw il-knejjes Kattoliċi u jieħdu minnhom oġġetti ta’ valur.

Tant hu hekk, fis-27 ta’ Diċembru, 1793, grupp ta’ rivoluzzjonarji daħlu fil-knisja u b’kuraġġ fetħu t-tabernaklu.Id-drapp imtebba’ bid-demm, li issa jinsab ġo tubu tal-kristall, fil-fatt kien immaniġġjat minn wieħed minnhom, iżda fortunatament ġie imwarrab bħala ta’ ftit valur. Matul ir-Rivoluzzjoni ir-relikwarju kien ġie moħbi mis-sorijiet u parruċċjani minħabba l-profanazzjoni tal-knejjes u serq mill-knejjes imwettqa mir-rivoluzzjonarji.  Wara din il-profanazzjoni tal-knisja, ir-relikwa ġiet fdata f’idejn il-parruċċan twajjeb u devot, Dominique Cortet.Waqt li kienet fid-dar tiegħu kienet meqjuma u ngħatat kull rispett, iżda minkejja din il-kura u qima, it-tubu kien ġie mxaqqaq kemm minn fuq kif ukoll minn isfel.Waħda mill-ksur fit-tubu  kienet ikkawżata minn M. Lucotte, il-Kura ta’ Blanot, li ta’ spiss kien ipoġġieha fuq għajnejn il-fidili u jbusuha, biex jaqilgħu xi grazzi. It-tarf l-ieħor kien maqsum aċċidentalment waqt li kien moħbi fil-kexxun.

Wara r-Rivoluzzjoni, meta reġgħet ġiet irrestawrata l-paċi, ħafna nies ġew mistoqsija dwar l-awtentiċità tad-drapp fit-tubu tal-kristall. Kollha qablu li kienet l-istess waħda li kienet inżamm fil-knisja. Wara li l-uffiċjali ekkleżjastiċi kienu sodisfatti bl-awtentiċità tar-relikwija, din ġiet ritornata solennement fil-knisja u mqiegħda f’kaxxa miksija bil-bellus li, min-naħa tagħha, kienet titqiegħed ġewwa t-tabernaklu.

Xi żmien wara ġie ddisinjat tubu tal-kristall ġdid għar-relikwa.Fiż-żewġt itruf hemm ċrieki tad-deheb u tar-ram, b’salib fuq il-wiċċ.It-tubu, bid-drapp viżibbli b’mod ċar, huwa ssiġillat u miżmum f’ostensorju speċjali. Din hija mżejna fil-bażi tagħha b’erba’ pannelli tal-enamel li juru ġrajjiet fl-istorja tar-relikwa. Kull sena nhar it-Tnejn tal-Għid, skont id-drawwa antika, ir-relikwa tiġi esposta solennement fil-knisja ta’ Blanot.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading