L-Istruttura tal-Quddiesa: Il-Liturġija tal-Kelma (1).. u Mirakli Ewkaristiċi oħra.

Print Friendly, PDF & Email

Peress li t-tema ewlenija ta’ din is-sensiela hi l-Mirakli Ewkaristiċi, ovvjament fl-artikli kollha preċedenti tagħha tkellimna qabel kollox dwar id-diversi aspetti u taqsimiet qaddisa tal-Liturġija tal-Ewkaristija fil-quddies li fil-funzjonijiet u riti speċifiċi tagħhom kollha jwassluna propju għall-quċċata ta’ din il-Liturġija Ewkaristika li mhiex għajr il-Konsagrazzjoni u fl-istess waqt it-Transustanzjazzjoni Vera u reali  tal-Ħobż u l-Inbid fil-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu u hekk iseħħ propju,taħt l-għajnejn u l-għarfien mentali u spiritwali tal-Fidi tagħna,l-Akbar Miraklu Ewkaristiku li jseħħ kuljum fl-eluf ta’ Katidrali,knejjes,Santwarji u kappelli Kattoliċi, jew postijiet oħra  imxerrdin fid-dinja fejn ikun qed jiġi ċċelebrat is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa.

Madankollu, il-Quddiesa,”il-Liturġija tal-Ewkaristija għandha struttura fundamentali li baqgħet dejjem l-istess tul iż-żminijiet kollha, mill-bidu sal-lum. Għandha żewġ mumenti tassew importanti  li jagħmlu għaqda waħda bejniethom: – il-ġemgħa,il-Liturġija tal-Kelma,bil-Qari ,l-Omelija u t-Talba tal-fidili; u l-Liturġija Ewkaristika, bil-preżentazzjoni ta’ offerti tal-Ħobż u l-Inbid, ir-radd ta’ ħajr li matulu ssir il-Konsagrazzjoni tal-offerti,u t-Tqarbin. Il-Liturġija tal-Kelma u l-Liturġija Ewkaristika flimkien jagħmlu “att wieħed ta’ kult” (Konċilju Vatikan II, Sacrosanctum concilium,56) għaliex il-mejda li titħejja għalina fl-Ewkaristija,hi fl-istess waqt il-mejda tal-Kelma ta’ Alla u l-mejda tal-Ġisem tal-Mulej” (Konċilju Vatikan II, Dei Verbum,21). (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, par.1346).

Il-Liturġija tal-Kelma (1)   

Minn din is-silta tal-Katekiżmu u minn dokumenti oħra tagħha, il-Knisja Kattolika spiss tuża x-xbieha ta’ ‘żewġ imwejjed’ biex tesprimi l-kontinwità bejn iż-żewġ partijiet ewlenin tal-Quddiesa: il-Liturġija tal-Kelma u l-Liturġija tal-Ewkaristija. Hekk,filwaqt li l-poplu ta’ Alla jiġi mgħallem u mġedded l-ewwel mill-Mejda tal-Iskrittura Mqaddsa,li hija mħabbra fil-Liturġija tal-Kelma, jiġi mbagħad mitmugħ bil-Ġisem,id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità ta’ Sidna Ġesù  mill-Mejda tal-Ewkaristija. Fil-Liturġija tal-Kelma,il-Knisja titma’ lill-poplu ta’ Alla mill-Mejda tal-Kelma ta’ Alla. ”It-teżori tal-Bibbja għandhom jinfetħu b’mod aktar abbundanti u ġeneruż,sabiex ikun ipprovdut prezz iktar għani għall-fidili fuq il-Mejda tal-Kelma ta’ Alla. B’dan il-mod jinqara lill-poplu porzjon aktar rappreżentattiv tal-Iskrittura Mqaddsa matul numru preskritt taʼ snin.”‘(Sacrosanctum Concilium,51)

Fi kliem ieħor, il-Liturġija tal-Kelma hija dik li tipprepara b’mod adegwat,xieraq u qaddis lil qalbna,moħħna u ruħna  biex nilqgħu l-Ġisem,id-Demm,ir-Ruħ u d-Divinità ta’ Sidna Ġesù Kristu fl-Ewkaristija. Fiha Alla nnifsu jkellem lill-poplu Tiegħu, jurih ix-xewqat Tiegħu u l-pjan Tiegħu ta’ mħabba,rrivelati Minnu fl-Istorja kollha tas-Salvazzjoni li laħqet il-quċċata, il-milja u l-Perfezzjoni  tagħha fil-Fidwa li wettaq Kristu għall-bnedmin kollha sal-aħħar taż-żminijiet.

Bażikament, il-Liturġija tal-Kelma tinqasam f’diversi taqsimiet fosthom: ilQari mill-Kotba Mqaddsa,mill-Antik u l-Ġdid Testment; is-Salmi Responsorjali; l-Omelija taċ-Ċelebrant; l-Istqarrija tal-Fidi; it-Talba Universali,jew kif komunament tissejjaħ it-Talba tal-Fidili u taqsimiet u ċerti riti oħra li jiftħu u jtemmu l-Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fl-artikli li jmiss f’dis-sensiela nitkellmu fil-qosor dwar kull parti minn dawn it-taqsimiet kif ukoll dwar il-qagħdiet differenti u n-numru ta’  ġesti u azzjonijiet li l-miġemgħa Nisranija mistennija tagħmel waqt iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Dawn il-qagħdiet u ġesti mhumiex sempliċiment ċerimonjali, imma għandhom tifsira teoloġika u reliġjuża ħafna. Fuq kollox nitkellmu wkoll dwar l-importanza u s-sinifikat tal-mumenti tas-Silenzju qaddis,il-Kant Liturġiku. Irridu dejjem inżommu  f’moħħna li l-Quddiesa hi l-Ogħla Att ta’ Qima li nistgħu nagħtu lil Alla,u għaldaqstant għandha tkun mill-aktar denja u Qaddisa. Fuq kollox niftakru, kif diġà għidna, li waqt il-Quddiesa iseħħ l-Aqwa Miraklu Ewkaristiku li tiegħu aħna nkunu xhieda u parteċipi.     

Il-Mirakli Ewkaristiċi fl-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu (5)

L-awtur tal-“Imitazzjoni ta’ Kristu”, il-kanonku Agostinjan Thomas Haemerken (1380 – 1471) magħruf ukoll bħala Thomas à Kempis, (imwieled f’Kempen,Ġermanja) fil-”Kronika tal-Kanonċi Regolari tal-Muntanja Sant’ Anjese” tiegħu jirrakkonta tliet Mirakli Ewkaristiċi.

 Dwar l-ewwel wieħed Kempis jikteb hekk: Wieħed minn ħuti l-patrijiet beda l-quddiesa fuq l-altar ta’ Sant’Anjese. Kien ilu juża żewġ krozzi għal żmien twil biex jitla’ fuq l-altar. F’jum minnhom,hekk kif qaddes il-quddiesa ħass ruħu tant tajjeb bil-qawwa ta’ Ġesù u bl-interċessjoni ta’ Sant’Anjese,illi ħalla l-krozzi warajh u ġie lura kollu ferħan ħdejna fil-kor. Wieħed minn sħabna staqsieh x’għamel u dwar xhiex ħaseb waqt il-quddiesa.Hu wieġeb: “Jien qgħadt nikkontempla l-kliem tal-Evanġelista San Luqa li jgħid dwar Ġesu: “U l-folla kollha ppruvat tmiss miegħu,għax kienet ħierġa minnu l-virtù u fejjaq lil kulħadd” Għalhekk is-Sagrament l-aktar Qaddis, flimkien mat-talb tal-qaddisin,għadu jista’ jfejjaq fir-ruħ u fil-ġisem.” L-awtur Kempis innifsu kien xhud ta’ din il-ġrajja Mirakoluża.

2. It-tieni Miraklu kien ġie rrakkontat lil Kempis mill-istess saċerdot li għadda minn din l-esperjenza:“Wieħed minn sħabna fil-kunvent waqt li kien qiegħed iqaddes fuq l-altar ta’ Sant’Anjese ġietu tentazzjoni kbira u dubji dwar il-Preżenza ta’ Kristu fis-Santissmu Sagrament,għalkemm dan il-Misteru kien dejjem ta’ konsolazzjoni kbira għalih.Kollu sobgħa u niket dar lejn Ġesù jibki u hawn sema’ leħen interjuri jkellmu li qallu: “Emmen kif għamlu Sant’Anjese, Santa Ċeċilja, Santa Barbara u ħafna Verġni oħra qaddisa li ħadu l-martirju għal Kristu bla qatt ma ddubitaw lanqas l-iċken Kelma Tiegħu.” Kif sema’ dan il-kliem id-dubji kollha ħallewh u t-tentazzjoni għaddiet. Wara dan, lil kull min kien ikollu dubji ta’ din ix-xorta kien igħidlhom:“Emmnu kif għamlet Sant’Anjese, u hekk qatt ma tiżbaljaw fil-Fidi.3. F’din il-Kronikansibu wkoll xi dettalji dwar l-esperjenzi mhux tas-soltu tal-Venerabbli Dumnikan Patri Franġisk Lerma. Dan il-patri twajjeb bil-ftit ‘il ftit beda jitlef id-dawl t’għajnejh, sakemm ma baqax kapaċi jqaddes aktar. Hu aċċetta dan is-salib b’paċenzja u rassenjazzjoni nisranija,għalkemm kien jixtieq ħafna li jkun jista’ jqaddes mill-ġdid. Tant kien jixtieq li jkun jista’ joffri l-quddiesa li saħansitra talab lill-Mulej Ġesù biex ireġġagħlu lura d-dawl anke sakemm jiċċelebra l-quddiesa biss. Wara li talab bil-qalb skont din l-intenzjoni ħassu li għandu jiftaħ il-missal. B’għaġeb kbir seta’ jaqra l-kliem. B’ferħ kbir daħal fis-sagristija, libes l-abiti sagri u resaq lejn l-altar. Wara li qaddes,daħal lura fis-sagristija fejn għal darba oħra reġa’ sab ruħu bla dawl. Dan l-episodju beda jiġri ġurnata wara l-oħra. Patri Lerma kien jara sakemm jiċċelebra l-quddiesa biss iżda wara li jħalli l-altar kien jerġa’ jitlef id-dawl.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading