It-tisħiħ tal-familja jfisser soċjetà b’saħħitha

Ir-rivista Knisja Elfejn tittratta l-għarfien tal-ħajja umana

Michael Caruana

L-aħħar ħarġa ta’ Knisja Elfejn, rivista ta’ kull tliet xhur maħruġa mill-Patrijiet Dumnikani, tittratta l-Għarfien il-Ħajja Umana.

L-editorjal isemmi li min-natura tiegħu l-bniedem hu mxennaq li jsir jaf min hu, minn fejn ġej u fejn sejjer. Il-qawwa intellettwali tal-bniedem timbuttah biex jistaqsi mistoqsijiet tqal ħalli jsir jaf akar lilu nnifsu. “Għalhekk hu meħtieġ”, isostni l-editorjal, “li persuna tikkonsidra t-tifsira u l-għan tal-azzjonijiet, tad-deċiżjonijiet u tal-esperjenzi li tgħaddi minnhom matul ħajjitha u b’hekk tkun iktar determinata u responsabbli li teħu l-ħajja b’approċċ iktar sinifikanttiv. Li wieħed jifhem lilu nnifsu hu l-bażi ta’ għajxien awtentiku”.

Ix-xjenzi umani, fosthom il-psikoloġija flimkien mal-filosofija u t-teoloġija, għenu fl-għarfien tal-ħajja umana u biex il-bniedem jagħraf il-milja tal-potenzjal tiegħu. L-istudji psikoloġiċi wrew li l-bniedem għandu storja ineressanti ta’ kif hu jgħaddi mill-istadji kollha tal-ħajja terrestri. L-iżvilupp fiżjoloġiku, sesswali, intellettwali u morali tal-persuna jwassalna biex naghrfu l-kobor li hu mżewwaq bih l-esseri uman.

L-editorjal isemmi li biżżejjed naraw il-qawwa ta’ fejn jista’ jasal il-moħħ tal-bniedem. Ikompli li l-ewwel benniena tal-bniedem hi l-familja. Fiha jitwieled, jikber u jgħix matul iż-żmien. Il-ġenituri huma l-ewwel skola u edukaturi tat-tfal. L-iżvilupp psikoloġiku tal-persuna jiġi influwenzat mit-trobbija li jkollu fi ħdan il-familja u għalhekk it-tisħiħ tagħha jfisser soċjetà b’saħħitha. “Hu f’dan l-ambjent familjari li l-valuri jiġu mgħoddija liċ-ċittadini t’għada. L-edukazzjoni fl-iskejjel u fl-universitajiet għandha rwol indispensabbli fil-bini tal-karattru tal-persuna. Il-bniedem irid jibqa’ jitgħallem biex ikompli jiżviluppa l-kapaċitajiet tiegħu”, isemmi l-editorjal.

Ix-xogħol hu attività li tgħin lill-bniedem jiżviluppa l-personalità tiegħu. Ix-xogħol m’għandux jitqies biss għal skop ekonomiku, iżda jrid jgħin lill-persuna tikber fil-kapaċitajiet tagħha anki permezz tas-soċjalizzazzjoni ma’ persuni oħra. Max-xogħol irid jingħaqad ukoll il-mistrieħ biex il-persuna tkun tista’ tirkupra s-saħħa neċessarja ħalli tkompli l-ħidma tagħha. Persuna b’saħħitha trid issib bilanċ bejn ix-xogħol u l-mistrieħ. B’hekk jiġi evitat il-mard li jista’ jħalli konsegwenzi permanenti fuq il-persuna.

“Illum il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali”, isostni l-editorjal, “saru parti integrali mill-ħajja tal-bniedem. Huma għandhom influwenza kbira fuq il-persuna li trid tkun kapaċi tiddixxerni u tagħżel l-aħjar għal ħajjitha. Ma’ dan jidħol ukoll it-twemmin reliġjuż li jgħin biex fil-ħajja tal-persuna jkun hemm direzzjoni lejn il-ġid tagħha u tal-oħrajn. Dan irid iwassal biex il-ħajja umana tiġi rispettata mill-bidu sat-tmiem u b’hekk tkun imħarsa d-dinjità tal-bniedem. Meta wieħed iqis kemm il-ħajja umana hi kumplessa u qasira fl-istess ħin, ikun f’waqtu li l-persuna dejjem tagħraf tgħix ħajjitha b’responsabbiltà u servizz”.

Dwar dan i-suġġett qed jikkontribwixxu b’artikli varji dwar l-għarfien tal-ħajja umana Fr Raymond Gatt OP, Dr Michael Galea, Bernard Caruana, Roberta Farrugia Debono, Fr Dustan Xuereb, Dr Nicholas Briffa, Dr Vickie Gauci, Dr Gottfried Catania, Pam Abela, Fr Joe Borg, Professur Mary Anne Lauri, Professur Fr Paul Galea, Fr Edgar Busuttil SJ u Fr Justin Schembri OP.

Ir-rivista Knisja Elfejn t kull tliet xhur titratta temi ta’ duttrina biblika, domatika, morali u xjenzi umani. Int tista’ tabbona f’din ir-rivista billi tikkuntattja lil Fr Raymond Gatt fil-Kunvent tad-Dumnikani r-Rabat jew tista’ ssegwi l-artikli li fiha billi tidħol fis-sit LAIKOS.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading