Il-Papa f’Santa Marta: Knisja ħielsa mill-ideoloġija

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 19 ta’ April 2013: L-ideoloġija tiffalsifika l-Evanġelju u thedded ukoll lill-Knisja. Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa ta’ dalgħodu, il-Ġimgħa 19 ta’ April 2013, il-Papa talab biex nitolbu sabiex il-Mulej jeħles lill-Knisja minn kwalunkwe interpretazzjoni ideoloġika. Madwar l-altar tal-kappella tad-Domus Sanctæ Marthae, biex jitolbu flimkien mal-Papa kien hemm grupp ta’ dipendenti tal-Osservatore Romano u tat-Tipografija Vatikana, flimkien mal-editur mexxej, il-viċi direttur u d-direttur tal-ġurnal. Fost il-konċelebranti kien hemm Dun Marek Kaczmarczyk, direttur kummerċjali tat-Tipografia Vaticana Editrice, l-Osservatore Romano.

Fil-kummentarju tal-qari tal-jum – l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli (9, 1-20) u t-tieni wieħed mill-Evanġelju ta’ Ġwanni (6, 52-59) – il-Papa Franġisku ppropona riflessjoni fuq il-leħen ta’ Ġesù, interpretat minn xi wħud bil-qalb u minn oħrajn bil-moħħ.  U wissa proprju dwar min, ukoll illum, jinterpreta kliem Ġesù bil-moħħ u mhux bil-qalb: dawk l-ideologi li jippretendu li jinterpretaw dak li jgħid il-Mulej skont l-ideoloġiji dominanti jispiċċaw biex jiffalsifikaw l-Evanġelju.

Il-Papa beda r-rakkont tiegħu billi qal li Ġesù jitkellem. Ġesù jkellem lil Pawlu, Ġesù jkellem lil Ananija, u Ġesù jkellem ukoll lid-dutturi tal-liġi. Huwa l-leħen ta’ Ġesù li jgħid lil Pawlu, ‘Għaliex qiegħed tippersegwitani?’ Huwa l-leħen ta’ Ġesù li jmur għand Ananija u jgħidlu: ‘Mur fit-triq imsejħa d-Dritta u fittex fid-dar ta’ Ġuda ċertu Pawlu.’ Huwa l-leħen ta’ Ġesù li jkellem lill-poplu u lid-dutturi tal-liġi u jgħid li min ma jiekolx ġismu u ma jixrobx demmu ma jsalvax.

Il-leħen ta’ Ġesù jgħidilna xi ħaga u jmur proprju f’qalbna. Jgħaddi minn moħħna u jmur f’qalbna. Għaliex Ġesù jfittex il-konverżjoni tagħna. U hawn hi t-tweġiba għal leħen il-Mulej irrakkuntat mill-qari: Pawlu: ‘Min int, Mulej?’ Ananija jgħid: ‘Imma Mulej, rigward dan il-bniedem, instema’ minn bosta kemm ħsara għamel fost il-fidili tiegħek,’ u b’umiltà rrakkonta lill-Mulej il-curriculum vitæ ta’ Pawlu. L-oħrajn, id-dutturi jwieġbu mod ieħor: bid-diskussjoni bejniethom. Jaslu li jgħidulu: ‘Imma int miġnun!’ u bejniethom jgħidu: ‘Imma kif jista’ bniedem jagħtina biex nieklu ġismu?’

Biex jitlaq minn dawn l-espressjonijiet, il-Papa spjega d-diversità tat-tweġibiet.  Huwa qal li l-ewwel tnejn, Pawlu u Ananija, iwieġbu bħall-kbar tal-istorja tas-salvazzjoni: bħal Ġeremija, Iżaija. Ukoll Mosè kellu d-diffikultajiet tiegħu: ‘Imma, Mulej, jien ma nafx nitkellem, kif se mmur għand l-Eġizzjani u ngħid dan?’ U wkoll Marija: ‘Imma, Mulej, jien m’iniex miżżewġa!’ Huma t-tweġibiet tal-umli, ta’ min jilqa’ l-Kelma t’Alla bil-qalb.

Għall-kuntrarju d-dutturi jwieġbu biss bil-moħħ. Ma jafux li l-Kelma t’Alla tmur fil-qalb, ma jafux b’konverżjoni. Huma ‘xjentifiċi’. Huma l-ideologi l-kbar, dawk li ma jifhmux li l-kelma t’Alla hija diretta għall-qalb għaliex hija kelma ta’ mħabba, hija kelma sabiħa u ġgib l-imħabba, iġġegħilna nħobbu. Min ma jilqax din il-karatteristika jipprekludi t-triq għall-imħabba kif ukoll għas-sbuħija.

L-ideologi, spjega l-Isqof ta’ Ruma, huma dawk li fir-rakkont evanġeliku jinxteħtu jiddiskutu asprament bejniethom: ‘Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?’ Kollox problema ta’ intellett! U meta tidħol l-ideoloġija fil-Knisja, meta tidħol l-intelliġenza, kompla jgħid il-Papa, mill-Evanġelju ma nifhmu xejn. Hekk kollox jiġi interpretat fis-sens ta’ dmir pjuttost milli fis-sens ta’ dik il-konverżjoni li għaliha jistedinna Ġesù. U dawk li jsegwu triqet id-dmir, jgħabbu kollox fuq spallejn il-fidili.

L-ideologi jiffalsifikaw l-Evanġelju, insista l-Papa, waqt li żied li kull interpretazzjoni ideoloġika, tiġi minn liema naħa tiġi, minn banda jew minn oħra, hija falsifikazzjoni tal-Evanġelju. Huwa kompla li dawn l-ideologi – kif naraw mill-istorja tal-Knisja – jispiċċaw biex ikunu intellettwali mingħajr talent, etiċisti mingħajr tjubija. U dwar is-sbuħija, m’hemmx x’wieħed jara, ma jifhmu xejn. Għall-kuntrarju, it-triq tal-imħabba, it-triq tal-Evanġelju hija sempliċi: hija dik it-triq li fehmu l-qaddisin! Il-qaddisin huma dawk li jmexxu l-Knisja ’l quddiem, dawk li jsegwu t-triq tal-konverżjoni, it-triq tal-umiltà, tal-imħabba, tal-qalb, triqet is-sbuħija.

Il-Papa temm l-omelija tiegħu billi stieden lil dawk preżenti biex jitolbu lill-Mulej għall-Knisja: biex il-Mulej jeħlisha minn kwalunkwe interpretazzjoni ideoloġika u biex jiftaħ qalb il-Knisja, qalb Ommna l-Knisja, għall-Evanġelju sempliċi, għal dak l-Evanġelju pur li jkellimna dwar l-imħabba, li jġibilna l-imħabba u huwa tant sabiħ!  Fl-aħħar nett huwa talab li l-Mulej jagħmilna lkoll sbieħ bis-sbuħija tal-qdusija, filwaqt li reġa’ ħeġġeġ lil kulħadd jitlob għall-Knisja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading