Il-Papa f’Santa Marta: Ma nċedux għat-tentazzjoni tal-iskandlu – l-Insara ‘satelliti’ ma jkabbrux il-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 20 ta’ April 2013: Knisja magħmula minn Insara ħielsa mit-tentazzjoni li jgergru kontra li Ġesù eżiġenti wisq, imma fuq kollox ħielsa mit-tentazzjoni tal-iskandlu, u Knisja li tissaħħaħ, timxi u tikber għal għonq it-triq indikata minn Ġesù. Huwa għal din il-Knisja li, nhar is-Sibt filgħodu, 20 ta’ April 2013, il-Papa Franġisku talab biex il-fidili jitolbu waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ. Preżenti kien hemm mal-għoxrin voluntier li jaħdmu fid-dispensarju pedjatriku Santa Marta fil-Vatikan u numru kbir ta’ familji. Fost il-konċelebranti kien hemm il-Monsinjur Antonius Lambertus Maria Hurkmans, Isqof  ta’ Hertogenbosch, u l-Awżiljarju tiegħu u Vigarju Ġenerali l-Monsinjur Robertus Gerardus Leonia Maria Mutsaerts.

L-eżortazzjoni tal-Papa kienet il-konklużjoni tar-riflessjoni fuq il-qari tal-liturġija tal-jum proposta waqt l-omelija. Huwa fetaħ billi qal li s-silta mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli (9, 31-42) tirrakkontalna xena ta’ Knisja li kienet fil-paċi. Kienet fil-paċi fil-Ġudea, fil-Galilija u fis-Samarija kollha. Waqt ta’ paċi. U tgħid ukoll dan: ‘Kienet tissaħħah, timxi u tikber.’ Kienet Knisja li kienet ġarrbet il-persekuzzjoni imma li f’dak il-perjodu kienet qed tissaħħaħ, timxi ’l quddiem u tikber. Il-Papa Franġisku ppuntwalizza li hija proprju din il-ħajja tal-Knisja, li hemm bżonn li tkun hekk: tissaħħaħ, timxi u tikber. U sabiex dan ikun possibbli, hemm bżonn li nagħmlu ftehim, hemm bżonn li nagħmlu negozjati, hemm bżonn li nagħmlu tant ħwejjeġ, le?

Imma, staqsa l-Papa, il-Knisja kif tissaħħaħ, timxi u tikber? Fil-biża’ tal-Mulej u bil-konsolazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, kienet it-tweġiba tiegħu. Dan huwa l-ambitu li fih timxi l-Knisja, in-nifs li tieħu waqt li timxi fil-biża’ tal-Mulej u bil-konsolazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. U dan huwa proprju dak li fil-bidu Alla kien talab lil Missierna Abraham: ‘Imxi fil-preżenza tiegħi u kun inkorruttibli.’ Huwa stil tal-Knisja: li timxi fil-biża’ ta’ Alla. Huwa ftit jew wisq is-sens tal-adorazzjoni, il-preżenza ta’ Alla, le? Il-Knisja hekk timxi u meta nkunu fil-preżenza ta’ Alla ma nagħmlux ħwejjeġ koroh, lanqas ma nieħdu deċiżjonijiet koroh. Ninsabu quddiem Alla. Ukoll bil-ferħ u bil-kuntentizza. Din hija l-konsolazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, jiġifieri r-rigal li l-Mulej tana. Din il-konsolazzjoni ġġegħilna navvanzaw.

Il-Papa mbagħad għamel riferiment għall-Evanġelju ta’ Ġwanni (6, 60-69) li fih naqraw espressjonijiet partikolari mqanqla minn żewġ verbi:  ‘tgerger’ u ‘tiskandalizza’. Tgerger u tiskandalizza. Uħud telqu minn hemm waqt li qalu: ‘Dan ir-raġel huwa ftit jew wisq speċjali; jgħid affarijiet li huma iebsa u aħna ma nistgħux…. Huwa riskju kbir wisq timxi għal għonq din it-triq. Għandna sens floku, eh? Nimxu ftit lura u mhux daqshekk qribu.’ Dawk, jista’ jkun, kellhom ċerta ammirazzjoni għal Ġesù, imma ftit mill-bogħod: ‘Ma nitħalltux wisq ma’ dan ir-raġel għaliex jgħid affarijiet ftit jew wisq strambi.’ Dawk ma jissaħħux fil-Knisja, ma jimxux għall-preżenza ta’ Alla, m’għandhomx il-konsolazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, ma jgħinux biex il-Knisja tikber. Huma biss Insara ta’ sens tajjeb: iżommu d-distanzi. Huma Nsara, biex ngħiduha hekk, satelliti, li għandhom Knisja ċkejkna, tad-daqs tagħhom; biex ngħiduha bil-kliem proprju ta’ Ġesù fl-Apokalissi, Insara bierda.

Il-bruda li tiġi fil-Knisja hija dik ta’ min jimxi biss billi jsegwi s-sens tajjeb tiegħu, li spiss jikkoinċidi mas-sens komun. Dawn huma dawk li jimxu bi prudenza, li l-Papa ma ħasibhiex darbtejn biex iddefiniha bħala ‘prudenza mondana’, li hija tentazzjoni għal bosta. Iżda, żied jgħid il-Papa, bosta fost ħutna li f’dak il-waqt, proprju f’dak il-waqt, kienu qed jagħtu xhieda tal-isem ta’ Ġesù, saħansitra sal-martirju, dawk ma kinux Insara satelliti.  Dawn imorru flimkien ma’ Ġesù, għal għonq it-triq ta’ Ġesù. Dawn jafu perfettament dak li Pietru jgħid lill-Mulej, meta l-Mulej jagħmillu l-mistoqsija: ‘Ukoll intom tridu tmorru, tkunu Insara satelliti?’ Iwieġbu Xmun Pietru: ‘Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-kelma tal-ħajja ta’ dejjem.’ Hekk, minn grupp kbir, isir grupp daqsxejn żgħir, imma minn dawk li jafu perfettament li ma jistgħux imorru band’oħra, għaliex huwa biss il-Mulej li għandu l-kelma tal-ħajja eterna.

Għalhekk il-Papa ħeġġeġ biex nimxu ma’ Ġesù mingħajr biża’, għal għonq it-triq indikata minnu. Din kienet l-istedina tal-Papa Franġisku li fi tmiem l-omelija talab biex matul il-quddiesa nitolbu għall-Knisja sabiex tkompli tikber, tissaħħaħ u timxi fil-biża’ t’Alla u bil-konsolazzjoni tal-Ispirtu s-Santu; u li l-Mulej jeħlisna mit-tentazzjoni ta’ dak is-sens tajjeb, mit-tentazzjoni tat-tgergir kontra Ġesù, għaliex huwa wisq eżiġenti, u wkoll mit-tentazzjoni tal-iskandlu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d