Il-Papa f’Santa Marta: Alla huwa persuna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 18 ta’ April 2013: Li titkellem ma’ Alla huwa bħal meta titkellem ma’ xi persuni: il-Missier, l-Iben, l-Ispirtu s-Santu. Għaliex dan huwa l-Alla tagħna, wieħed u tlieta; mhux alla indefinit u mferrex, bħal sprej imferrex ftit jew wisq ma’ kullimkien. Huwa dan is-sens tar-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku fl-omelija li għamel waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, il-Ħamis 18 ta’ April 2013, fid-Domus Sanctæ Marthæ. Fil-quddiesa ħadu sehem diriġenti u aġenti tal-Ispettorat tas-Sigurezza Pubblika tal-Vatikan.

Huwa l-Mulej li jkellimna dwar il-fidi, beda l-omelija tiegħu l-Papa. Hu jgħidilna biex nemmnu fiH. Imma qabel jgħidilna wkoll xi ħaġa oħra: ‘Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk ma jattirahx il-Missier li bagħatni.’ Li mmorru għand Ġesù, li nsibu lil Ġesù, li nsiru nafu lil Ġesù, huwa rigal tal-Missier. Huwa rigal. Il-fidi hija rigal. Rigal li rċevejna fil-Magħmudija imma li mbagħad irid jiżviluppa tul il-ħajja: jiżviluppa fil-qalb, jiżviluppa fl-opri li nagħmlu. Il-fidi hija rigal, u min għandu din il-fidi għandu l-ħajja ta’ dejjem. Nistgħu nistaqsu: ‘Għandna fidi?’ ‘Iva, iva: jien nemmen f’Alla.’ Imma f’liema Alla temmen int? ‘Mah, f’Alla!’ Kemm-il darba nisimgħu dan: ‘f’Alla’? Alla mferrex, alla-sprej, li jinsab ftit ma’ kullimkien imma li ma nafux x’inhu. Aħna nemmnu f’Alla li huwa Missier, li huwa Iben, li huwa Spirtu s-Santu. Aħna nemmnu f’persuni, u meta nitkellmu ma’ Alla nitkellmu ma’ persuni: jew nitkellem mal-Missier, jew nitkellem mal-Iben, jew nitkellem mal-Ispirtu s-Santu. U din hija l-fidi.

Imbagħad, waqt li rrefera għall-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli (8, 26-40), il-Papa waqaf fuq il-figura tal-ewnuku Etjopiku, teżorier tar-reġina Candace, li kellu fidi ftit li xejn matura u solida, fidi li għadha fil-bidu. Iżda kellu rieda tajba. Kien ġie Ġerusalemm biex jitlob, biex jadura lil Alla, u kien qed jaqra l-Profeta Iżaija. Kellu ċertu nuqqas ta’ trankwillità f’ruħu. Kien poġġieh il-Missier biex jiġbdu lejn Ġesù. U dan ir-raġel, meta Filippu jersaq lejh u jistaqsih: ‘Imma inti tifhem dak li qed taqra?’, huwa jwieġbu li le. U meta Filippu jħabbarlu lil Ġesù, dan ir-raġel iħoss li din kienet aħbar tajba. Iħoss il-ferħ. Jibda jħoss ferħ speċjali. U tant kien il-ferħ li, meta jara l-ilma, jgħid: ‘Għammidni issa! Jien irrid insegwi lil Ġesù!’

Din, saħaq il-Papa Franġisku, hija ħaġa li għandha ġġegħilna nirriflettu u naħsbu. Ma kienx bniedem tat-triq, bniedem komuni; kien ministru tal-ekonomija, eh! Nistgħu naħsbu li kien aktarx xi ftit marbut mal-flus. Nistgħu wkoll naħsbu li kien karrerista għaliex kien ċaħħad lilu nnifsu mill-paternità minħabba l-karriera, le?  Imma dan kollu jaqa’ quddiem dik l-istedina tal-Missier biex jiltaqa’ ma’ Ġesù. Din hija l-fidi.

U mbagħad Ġesù jgħidilna kif inhi triqtu, jgħallimna l-atteġġjamenti ta’ dawk li jsegwuh: fil-beatitudni, imbagħad fl-atteġġjament tagħna. ‘Biex timxu warajja, dawn huma l-affarijiet li tridu tagħmlu: il-beatitudni.’ Magħhom jiżdiedu l-atteġġjamenti deskritti fil-kapitlu 25 ta’ Mattew rigward il-ġudizzju finali: ‘Kelli l-ġuħ u tajtuni niekol, kelli l-għatx u tajtuni nixrob, kont marid u ġejtu żżuruni’ (Mattew 25, 31-46). Dawn huma l-atteġġjamenti tad-dixxipli ta’ Ġesù. Min għandu l-fidi għandu l-ħajja ta’ dejjem. Għandu l-ħajja. Imma l-fidi hija rigal, huwa l-Missier li jtihielna. Aħna hemm bżonn li nkomplu din il-mixja.

Jista’ jiġri lilna wkoll, wissa l-Papa, li nimxu din it-triq waqt li nkunu  mitlufin fi ħsibijietna. Mill-bqija, aħna lkoll midinbin u dejjem ikollna xi affarijiet li ma jgħaddux. Madankollu l-Mulej jaħfrilna kemm-il darba nitolbuh maħfra: u navvanzaw dejjem, bla ma naqtgħu qalbna! Mela huwa possibbli li f’dik it-triq tiġri l-istess ħaġa li ġrat lit-teżorier Etjopiku. La darba telgħu mill-ilma wara l-Magħmudija – irrakkonta l-Papa Franġisku – l-Ispirtu tal-Mulej ħataf lil Filippu u hu ma rahx iktar. U mimli ferħ kompla triqtu.

Kien il-ferħ tal-fidi, il-ferħ li kien iltaqa’ ma Ġesù, il-ferħ li tagħti l-paċi: mhux dik li tagħti d-dinja, dik li jagħti Ġesù. Din hija l-fidi tagħna, dik li tagħmilna qawwija, tagħmilna ferħanin, u li titmagħna dejjem fil-ħajja bil-laqgħat ċkejkna ta’ kuljum ma’ Ġesù.

Fl-għeluq tal-quddiesa, wara t-talba lil San Mikiel Arkanġlu, patrun tal-Pulizija tal-Istat, il-Papa ried jiżżi ħajr lil dawk kollha preżenti għas-servizz li huma jattwaw fost is-soċjetà. Servizz diffiċli, servizz għall-ġid komuni, għall-paċi komuni. Servizz li huwa perikoluż, ukoll għall-ħajja. Servizz li – bħal ma tlabna lil San Mikiel Arkanġlu – jeħtieġ rettitudni tal-moħħ, forza tar-rieda, onestà għal dawk affettwati, serenità. ‘Grazzi bil-kbir għal dan is-servizz. Il-Mulej iberikkom ħafna,’ temm l-omelija tiegħu l-Papa.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: